L-Erbgħa, 9 ta’ Frar 2011

It-Theddida Nukleari mill-Iran

IL-VIDEO LI R-REĠIM MA JRIDEKX TARA
Il-programm  nukleari Iranjan huwa ta' theddida għall-istabbilità internazzjonali. Iżda kemm qed jieħduha bis-serjetà xierqa din it-theddida l-Istati Uniti u l-Punent b'mod ġenerali?
Kemm hu perikoluż Iran nukleari, anki jekk qatt ma jisplodi din il-bomba? X'inhuma l-prinċipji li jiggwidaw lir-reġim Iranjan? Safejn lesti jaslu dawn biex imexxu l-aġenda tagħhom? Kemm qed jiffinanzjaw lill-aktar organizzazzjonijiet terroristiċi qawwijin fid-dinja?
F'madwar 60 minuta, il-filmat IRANIUM jirraporta dwar id-diversi aspetti li qed jheddu lill-Punent, lid-dinja, permezz ta' filmati rari tal-mexxejja Iranjani, u intervisti ma' 25 politikanti ewlenin, dissidenti Iranjani u esperti  fil-politika tal-Lvant Nofsani, it-terroriżmu u l-proliferazzjoni nukleari.
IRANIUM jurina
• l-iżvilupp tat-theddida nukleari Iranjana, bil-bidu tar-Rivoluzzjoni Islamika tal-1979 u l-ideoloġija li impona l-Mexxej Suprem l-Ajatollaħ Komejni;
• l-użu tat-terrur bħala l-għodda tal-politika tiegħu, bil-bidu fil-ħtif tal-ambaxxata Amerikana f'Tehran, u r-rewwixti fl-Iraq u fl-Afganistan;
• fid-dettal n-natura brutali tar-reġim Iranjan kontra ċ-ċittadini tiegħu, u x-xewqa tal-poplu Iranjan li jerġà jibda jagħmel parti mill-komunità internazzjonali;
• id-diversi xenarji li l-Lvant Nofsani u l-Punent ikollhom jiffaċċjaw kieku l-Iran isir nukleari.
Il-filmat jakkwista ċerta attwalità inkwetanti, bil-periklu reali li l-Eġittu jistà jispiċċa wkoll repubblika Islamika, l-istess bħal, jekk mhux ukoll sottomessa għal dik Iranjana.

Il-Ħadd, 6 ta’ Frar 2011

Diskors Realistiku ta' David Cameron

IL-MULTIKULTURALIŻMU FALLA FL-INGILTERRA WKOLL
F'diskors waqt il-Konferenza ta' Munich dwar is-Sigurtà, il-Prim Ministru Ingliż David Cameron iddikjara li l-multikulturaliżmu fl-Ingilterra falla. Dan wara diskors simili tal-Kanċillier Ġermaniża Angela Merkel f'Ottubru tas-sena l-oħra liż-żgħażagħ Demokristjani Ġermaniżi (Ara l-post tat-23.10.10).
Id-diskors ta' Cameron, b'dak li eżatt qal, tistgħu tarawh hawn taħt (is-silta dwar il-multikulturaliżmu tibda fit-8 minuta tad-diskors tassew tajjeb u realistiku tal-Prim Ministru Ingliż, li hawn itul xi 18-il minuta :


100 Sena mit-Twelid ta' Ronald Reagan


  
  IRRESTAWRA PAJJIŻU U 
 GĦEN BIEX SALVA D-DINJA
Illum jaħbat il-100 Anniversarju mit-twelid tal-mibki  Ronald Reagan li kien twieled fis-6 ta' Frar, 1911 (u miet fil-5 ta' Ġunju 2004).

L-40 President tal-Istati Uniti (1981-89) kien Repubblikan veru, magħruf għall-anti-Komuniżmu ferventi tiegħu, l-istil personali tiegħu, karatterizzat minn karattru affabbli u ferrieħi li jsaħħrek.

Kellu ħila kbira bħala oratur, tant li kienu jsejħulu "il-Komunikatur Kbir". Il-politika tiegħu ikkontribwit għall-waqgħa tal-Komuiżmu.

"Kellu l-kuraġġ tal-konvinzjoni", kif qal l-eks President George E. Bush, "is-saħħa li tiġi  minn karattru sod, il-grazzja li tiġi mill-umiltà, u l-umoriżmu li jiġi mill-għerf. Ħalla warajh nazzjon li rrestawra u dinja li għen biex salva.

"Maltul is-snin tal-President Reagan, l-Amerika warrbet era ta' firda u dubji. U grazzi għat-tmexxija tiegħu , id-dinja warrbet era ta' biżà u tirannija." kompla Bush.

Is-Sibt, 5 ta’ Frar 2011

It-Tibdil fil-Klima

ID-DINJA QED TISĦON ...GĦALHEKK QED TIFFRIŻA !!!
Ma jifilħux jaqgħu iżjed għaż-żufjett: Minn xi snin 'l hawn kull avveniment atmosferiku ftit aktar qawwi minn xi żiffa tar-rebbiegħa jew ħalba xita tal-ħarifa, tarahom jiġru jiddikjarawh bħala effett, prova li d-dinja qed tisħon! B'hekk wasalna fir-ridikolaġni li jsostnu li meta tagħmel kesħa tremenda bħal f'dawn il-jiem, li ffriżat lill-Amerika, wasslet għaċ-ċiklun qawwi fl-Awstralja u kessħet lid-dinja. anki lil Malta, allura dan kollu effett tal-global warming kawżat mill-bniedem!
Skond dawn l-ekokatastrofisti jew terroristi, il-Pol ta' Fuq qed jinħall bis-sħana li qed jipproduċi l-bniedem mill-ħruġ tal-gassijiet serra, tas-CO2. B'hekk naqraw u nisimgħu b'kurrenti kesħin li jitilqu mill-Pol ta' Fuq u jiffriżaw lill-Amerika u l-Ewropa u ċ-ċiklun li ħakem l-Awstralja bħala speċi ta' Armageddon, katastrofi li se teqred lid-dinja u l-umanità ma ddumx!
Veru li ilu mal-50 sena ma tinżel daqshekk borra fuq Chicago, iżda bħalma jiddikjaraw klimatologi tal-affari tagħhom bħat-Taljan Franco Prodi  – (ħu l-politiku Romano Prodi) direttur tal-Istituto di Scienze dell'Atmosfera e del Clima (ISAC-CNR), lecturer fil-fiżika tal-atmosfera fl-università ta' Ferrara u membru tal-kunsill xjentifiku taċ-Ċentru Ewro-Mediterranju dwar it-Tibdil fil-Klima – il-fenomenu jagħmel parti minn "eventi estremi normali", li bħahom seħħew minn dejjem ta' dejjem.
Prodi jkompli billi jwissi li għandna nogħqodu attenti li ma nħalltux il-metereoloġija u l-klima, bħalma spiss qed jiġri. "Biex wieħed  isemmi l-klima ħalli jispjega avveniment meteoroloġiku, dan jistà jagħmlu biss fuq bażi ta' studju ta' mill-inqas għaxar snin, u jiżbalja min jasal għal konklużjonijiet billi jħawwad fenomeni eċċezzjonali waħdanin mat-tibdil fil-klima.
Il-Professur Prodi għamel snin jistudja l-għargħar fl-Ewropa, u sab li  "m'hemmx provi ta' żjieda ta' dawn il-fenomeni f'dawn l-aħħar snin, jew li qed iseħħu aktar spiss". Hemm  min isostni li ċ-ċikluni tropikali qed ikunu aktar qawwijin, iżda anki jekk dan hu hekk, xorta dan ma jistax jingħad li qed iseħħ  minħabba li d-dinja qed tisħon".
Iżda x'qed jiġri fl-East Coast tal-Amerika imblukkata bil-kesħa? Hija veru prova oħra li l-klima qed tiġġennen?
It-tenent kurunell tal-ajronawtika militari Taljana Guido Guidi, li għandu wkoll il-blog tajjeb ferm Climate Monitor, jgħid li l-borra u silġ li qed jiksu t-toroq ta' Chicago huma parti minn "oxxillazzjoni tat-temp kawżati mill-varjabilità interawtunnali. Meta staqsewh jekk din hix in-norma, Guidi wieġeb "Xejn m'hu normali, il-klima u t-temp minn dejjem kienu 'imġienen". Huwa aħna li nippruvaw nidentifikaw x'inhu u x'mhux medju, normali".
Ma nistgħux nitkellmu dwar temp atmosferiku "medju", għax inkunu qed insemmu xi ħaġa li ma teżistix. ħlief f'okkażjonijiet eċċezzjoinali: il-medja hija dejjem ir-riżultat ta' żewġ jew aktar estremi reali. Apparti kollox, ikompli Guidi, "fl-Amerika  din is-sena qed nassistu għal xitwa fin-norma.
Xi ħadd għandu jispjegalna għaliex, meta s-sena l-oħra f'Vancouver ma kienx hemm borra kien tort tal-global warming, u din is-sena, li borra hemm iżżejjed, xorta waħda qed jintqal li tort tal-global warming!"
Il-borra li tinżel bl-abbundanza mhix xi fenomenu straordinarju: "Diversi studji juru li ma kienx hemm varjazzjoni fil-kwantità ta' art miksija bil-borra/silġ matul dawn l-aħħar għaxar snin. Għalhekk huwa diffiċli twaħħal fis-sħana għall-maltemp ta' dil-ġimgħa.
L-istess argumenti jgħodd għall-Awstralja "mgħarrqa" jew aħjar parti minnha milquta miċ-ċiklun Yasi. L-għargħar tax-xahar l-ieħor huwa fenomenu "naturali" kawżat mill-preżenza tan-Niña – it-tkessiħ tal-ilma tal-Oċean Paċifiku kull  bejn 3 u 7 snin.
Lanqas mhu veru li l-oċean qed jisħon minħabba li d-dinja qed tisħon. "M'hemm l-ebda studju li jipprova din it-teorija - kull sena ċ-ċikluni jaslu f'dan il-perjodu", temm jgħid Franco Prodi.

Il-Ġimgħa, 4 ta’ Frar 2011

It-Tbassir dwar il-Gvern Taljan

BEJN IL-LANŻIT, IX-XEWQAT U L-FATTI
Bħal f'kull pajjiż b'demokrazija parlamentari
bħall-Italja, huwa l-parlament mhux xi
kumitat tiegħu li jagħti vot deċziv dwar liġi
Meta se tieqaf  ċerta media internazzjonali tagħmel profeziji katastrofiċi dwar il-gvern CentruLemini Taljan li puntwalment ma jseħħux?! Ma jingħaddux d-drabi li fihom bassru li "Il-Gvern ta' Berlusconi fil-Periklu"; "Berlusconi se jkollu jirriżenja"; "Aktar Gwaj għal Berlusconi"; "It-Tmiem tal-Era Berluskonjana"; "Vot Deċiżiv għall-Gvern Taljan"!
U llum erġajna koppi: Dalgħodu kumitat parlamentari magħmul mill-gvern u l-oppożizzjoni ħadet vot fuq liġi li kellha tkompli r-riforma tal-gvern lejn stat Taljan aktar federalizzat kif tixtieq il-Lega Nord. Il-vot spiċċa draw, 15 favur u 15-il vot kontra. Il-Lega Nord ta' Bossi ilha żmien tgħid li jekk ma tgħaddix din ir-riforma, aħjar li allura l-poplu Taljan jintalab jivvota mill-ġdid f'elezzjoni bikrija, ħalli l-gvern ĊentruLemini jerġà jikseb maġġoranza komda bħalma kellha qabel Fini waqqaf partit għalih u miegħu wassal numru ta' deputati joħorġu mill-maġġoranza, u jmorru fl-oppożizzjoni.
Għalhekk il-media internazzjonali anti-Berlusconi għaġġlu jagħmluha fatta li "Bossi kien se joħroġ ukoll mill-gvern" u jkollha ssir elezzjoni bikrija għax il-gvern b'hekk jitlef il-maġġoranza!
Iżda bħalma jaf kull min għandu l-iċken idea ta' kif taħdem sistema parlamentari demokratika, anki f'pajjiżna, ix-xogħol ta' kumitat parlamentari huwa li jiddiskuti liġijiet wara li jħabbarhom il-gvern, bil-ħsieb li tiffaċiltà l-istudju u tħaffef id-dibattitu dwar dik il-liġi, biex forsi anki jintlaħaq ftehim dwarha mal-oppożiżżjoni, qabel din il-liġi titressaq għal aktar dibattitu, u l-votazzjoni fil-parlament. Wara l-istess kumitat iressaq biss l-opinjoni, il-parir tiegħu.
Dan ifisser li l-vot finali fuq liġi jieħdu l-parlament mhux xi kumitat! U dan jgħodd għall-Italja wkoll, u dan huwa eżattament dak li ġara llum.
Fil-fatt il-Kabinett tal-gvern Taljan iltaqa' l-lejla stess u qabel li jkompli bir-riforma fiskali federali li se jressaq għall-firma tal-President tar-Repubblika u wara l-pubblikazzjoni fil-Gazzetta tal-Gvern.
Ta' min jgħid ukoll li l-kummissjoni bħalissa mhix komposta skond il-Kostituzzjoni, għax meta Fini u sħabu ħarġu mill-gvern, ir-rappreżentanti tal-gvern li llum marru ma' Fini, b'hekk spiżżaw kabbru r-rappreżentanza tal-oppożizzjoni fl-istess kummissjoni, u kien għalhekk li l-votazzjoni tal-lum spiċċat b'parità.

Iżda llum kien hemm vot ieħor aktar importanti li minnu l-gvern ĊentruLemini reġà ħareġ rebbieħ u b'maġġoranza assoluta. Fil-fatt l-Camera dei Deputati vvutat favur bi 315 u kontra 298, b'deputat jastjeni, dwar  "il-każ Ruby", biex il-proċeduri legali jkomplu skond il-liġi, li tgħid li l-Procura di Milano m'għandhix dritt tmexxi l-każ hi. B'hekk issa l-koalizzjoni governattiva żdiedet b'deputat ieħor fuq l-aħħar votazzjoni ta' ġimgħa ilu. Dan ifisser li potenzjalment issa l-gvern ĊentruLemini reġà għandu l-maġġoranza assoluta, għax meta ma' dawk it-315 jiżdied il-vot ta' Berlusconi innifsu (li llum ma ħassx li kellu jivvota għax il-każ jolqot lilu direttament) il-maġġoranza titla' għal 316. Dawn huma l-FATTI, ferm bogħod mix-xewqat ta' min għandu lanżit ikbar mill-preżunzjoni tiegħu!

Il-Ħadd, 30 ta’ Jannar 2011

L-effett domino ta' Tuneż

MINN REĠIMI MUSULMANI LAJKI GĦAL REĠIMI KLERIKALI?
Suppost – l-istess bħal f'Malta fl-1919 – il-prezz u l-iskarsezza tal-ħobż kienu l-kawża tar-rewwixti li faqqgħu fl-Afrika ta' Fuq, imma aktar ma dawn ir-rewwixti qed jixterrdu bħall-bċejjeċ tal-logħba tad-domino, aktar bdiet tinstema' l-għajta għal-libertà l-ewwel u fuq kollox. Għax dawn il-pajjizi huma kollha reġimi awtoritarji u, b'kumbinazzjoni ta' ispirazzjoni Soċjalista, xellugija li "xorbu" mir-reġimi tal-Unjoni Sovjetika, u li għalhekk kienu mfissda ferm ukoll mix-xellugin fil-Punent.
Din x'aktarx kienet ir-raġuni li dawn tal-aħħar qajla kienu jikkritikaw il-fatt li dawn kienu reġimi, anzi kienu jilqgħuhom fi ħdanhom bħal aħwa, bħal fil-każ tal-partit tad-dittatur Tuneżin Ben Ali li kien saħansitra membru sħiħ fl-Internazzjonali Soċjalista, minn fejn tkeċċa biss WARA li faqqgħu l-irvelijiet hemmhekk, u hu u martu kellhom jaħarbu mill-pajjiż, b'kemm setgħu ikaxkru magħhom deheb u rikkezzi li ġemmgħu fi 30 sena minn fuq dahar il-poplu (ara l-post tat-22 ta' Jannar).
Dan il-fsid kompla anki meta ikkrollat l-Unjoni Sovjetika, iżda r-raġuni issa saret il-ħarsien mit-theddida tat-terroriżmu Islamiku fundamentalista.
Imma sfortunatament issa qed naraw li din it-theddida tista' ssir realtà.
Veru li reġimi bħal dawk ta' Ben Ali u Mubarak kienu qed iservu ta' brejk għat-tixird tal-ultrafundametaliżmu Islamiku li ftit irid biex jinbidel f'terroriżmu Ġiħadista. B'daqshekk, iżda, kienu reġimi tajbin? Dażgur li le.
L-eks president Amerikan George W. Bush kien jafu sew dan u f'diskors tlett snin biss wara l-attakk ta' 9/11 kien lissen dawn il-preċiżi kelmiet:

Are the peoples of the Middle East somehow beyond the reach of liberty? Are millions of men and women and children condemned by history or culture to live in despotism? Are they alone never to know freedom and never even have a choice in the matter?
For decades, free nations tolerated oppression in the Middle East for the sake of stability. In practice, this approach brought little stability and much oppression, so I have changed this policy.
Some who call themselves realists question whether the spread of democracy in the Middle East should be any concern of ours. But the realists in this case have lost contact with a fundamental reality: America has always been less secure when freedom is in retreat; America is always more secure when freedom is on the march.
This conflict will take many turns, with setbacks on the course to victory. Through it all, our confidence comes from one unshakable belief: We believe in Ronald Reagan’s words that “the future belongs to the free.”
Kliem tad-deheb li llum għadu validu daqs, jew aktar minn dakinhar. 
Imma kemm verament temmen fih l-amministrazzjoni preżenti ta' Obama, u kemm hi lesta, l-Amerika, flimkien mal-Unjoni Ewropea, tgħin u tiggwida lill-popli f'rewwixta biex ma jispiċċawx jimitaw lill-Palestinjani li ħames snin ilu tellgħu fil-gvern lit-terroristi fundamentalisti tal-Ħamas, li l-iskop tagħhom huwa li jwaqqfu reġim klerikali bħal dak tal-Iran?
Sakemm qed  nikteb Obama illimita ruħu filli jappella għall-moderazzjoni miż-żewġ naħat. Bħal dak li qallu poplu mhux armat jinsisti għad-demokrazija jistgħu jitpoġġew fl-istess livell ta' apparat statali brutali ripressiv!
Għallinqas l-Unjoni Ewropea ma llimitatx ruħha fil-kliem biss u, fil-każ ta' Tuneż diġà wiegħdet l-appoġġ politiku u tekniku għal transizzjoni demokratika fil-pajjiż, speċjalment fl-organizazzjoni u ż-żamma tal-elezzjoni.
Jekk huwa veru li, kif ingħad, li l-Fratellanza Musulmana għandha l-ikbar ċans li tirbah f'każ ta' elezzjoni, allura hemm ħafna xi jsir qabel issir elezzjoni. Fil-Fratellanza infatti għad hemm elementi qawwija li jemmnu fir-restawrazzjoni tax-Xarija u fl-użu tal-vjolenza, tal-Ġiħad biex jitwaqqaf stat klerikali! Infatti bħala skop ewlieni tal-Fratellanza għad hemm imniżżel dan:
"It-twaqqif mill-ġdid tal-kalifat u d-dar tal-Islam". Stat Islamiku mmexxi strettament fuq il-Koran.

Il-Ħamis, 27 ta’ Jannar 2011

Provokazzjoni f'Jum it-Tifkira tal-Olokawstu

FILM TORK ANTI-SEMITA MIŻMUM MILLI JIBDA JINTWERA LLUM
Illum id-dinja kollha ċivilizzata qed tiċċelebra l-Jum Internazzjonali tal-Olokawstu, ċjoè tifkira tal-qtil tal-massa, ġenoċidju sistematiku, tal-Lhud fi żmien ir-reġim Nażista bejn l-1941-45 fl-Ewropa, li ssarraf fil-mewt ta' il fuq minn sitt miljun Lhudi (Ara l-blog ta' sena ilu, 27/01/10).
Iżda jekk taħsbu li l-anti-semitiżmu xi ħaġa tal-imgħoddi, qed tiżbaljaw bl-ikraħ.U hawn mhux qed nirreferi biss għal dak tal-Għarab. Biżżejjed taqraw il-ktieb ferm interessanti ta' Denis MacShane "Globalising Hatred: The New Antisemitism" (araw is-suġġerimenti tiegħi fil-kolonna xellug) biex tirrealizzaw dan.
Intant  proprju din il-ġimgħa kellna prova oħra, jekk kien hemm bżonnha.
Fil-Ġermanja – il-benniena tal-ikbar moviment anti-Semitiku li qatt eżista, dak Nażista ta' Hitler li wassal appuntu għall-Olokawstu – kumpanija tal-films Torka riedet toħroġ il-film  Kurtlar Vadisi - Filistin (Valley of the Wolves - Palestine) dwar l-attakk tas-sena l-oħra minn truppi Iżraeliti fuq il-bastiment Tork 'Mavi Marmara', li kien ipprova jkisser l-embargo ta' Gaża. U tafu meta riedet toħroġ il-film? Proprju llum s-27 ta' Jannar biex jikkoinċidi, appuntu, mal-Jum Internazzjonali tal-Olokawstu!
Bir-raġun kollu, għalhekk, li l-Assoċjazzjoni tal-Kontrol fuq il-Films (FSK), jew il-bord tal-klassifikazzjoni tal-films fil-Ġermanja, ma ħallix li l-film jibda jintwera minħabba l-elementi anti-semitiċi u kontra Iżrael li fih il-film.
Apparti dan il-kontenut tal-film, li żgur inissel sentimenti kontra l-Lhud u Iżrael, politiċi kemm minn naħa tal-gvern kif ukoll mill-oppożizzjoni, ikkundannaw l-għażla tad-data li riedu joħorġu l-film għax tixhed nuqqas ta' rispett lejn il-vittmi tal-Olokawstu, fi kliem id-deputat Demokristjan Philip Missfelder, filwaqt li d-deputat tal-Ħodor Jerzy Montag sejjaħ l-istess għażla tad-data bħala "irresponsabbli".
Fil-Ġermanja hemm komunità Torka kbira li żgur tiġi influwenzata minn  propaganda bħal dik f'dan il-film Tork, filwaqt li wieħed ma jistax ma jfakkarx kif l-istess Turkija qed dejjem iżjed titbiegħed mis-sekulariżmu li kien daħħal Kemal Ataturk, u tersaq aktar lejn ix-Xarija, il-fundamentaliżmu Islamiku.
Kemm il-film huwa propaganda anti-Iżrael tixhdu d-deċiżjoni tal-kummissjoni ta' inkjesta miż-zewġ naħat tal-parlament ta' Iżrael li qieset l-attakk tal-qawwiet armati Lhud fuq il-bastiment Tork bħala ġustifikati, filwaqt li għal aktar tagħrif dwar dak l-attakk tistgħu taraw il-blogs tal-31ta' Mejju, u tat-2 u 5 ta' Ġunju 2010.
Sadanitat bħalissa f'Kastilja hemm wirja bl-isem ta' "Anne Frank: Ġrajja għal Żminijietna" organizzata minn Karl Borg bil-kollaborazzjoni ta' Anne Frank House. Anne Frank kienet mietet ta' 15-il sena f'kamp ta' konċentrament, iżda qabel kienet leħqet kitbet djarju. Il-wirja hija miftuħa kuljum sat-18 ta' Frar bejn id-9 am u s-7pm, u s-Sibt u l-Ħadd mid-9am sas-1pm.

L-Erbgħa, 26 ta’ Jannar 2011

Aktar disfatti għall-Oppożizzjoni fl-Italja

IL-GVERN ĊENTRU-LEMINI JKOMPLI JISSAĦĦAĦ
Eżatt bħalma kien bassar il-Prim Ministru Taljan Silvio Berlusconi f'Diċembru wara li għeleb il-voti ta' sfiduċja mressqa mill-oppożizzjoni u l-eks alleati Finjani, il-gvern ĊentruLemini ma' kull votazzjoni qed ikabbar il-maġġoranza filwaqt li l-oppożizzjoni qed tkompli tiddgħajjef, anki internament.
Dan seħħ kollu f'ġurnata waħda, illum, u leħaq il-qofol bil-gvern jirnexxielu jegħleb il-vot ta' sfiduċja fil-Minstru tal-Kultura Sandro Bondi, mressaq mill-oppożizzjoni minħabba li ġġarrfet dar ta' żmien ir-Rumani f'Pompei!
Mis-608 deputati preżenti fil-Camera dei Deputati, 314 ivvutaw kontra l-mozzjoni, filwaqt li 291 (mill-oppożizzjoni) ivvutaw favur il-mozzjoni. Jiġifieri maġġoranza ta' 22 vot.
Dan ifisser li mill-vot ta' ġimgħa ilu, meta l-gvern għadda l-Liġi Alfano b'20 vot, issa żjied tnejn oħra, u saħansitra19-il vot fuq l-vot 'storiku' ta' fiduċja tal-14 ta' Diċembru.

ID-DAR LUSSUŻA TA' MONTECARLO ...TGĦID ISSA JIRRIŻENJA FINI?
Iżda din ma kenitx l-unika disfatta illum għall-oppożizzjoni: Fil-Procura ta' Ruma ġew depożitati d-dokumenti  li bagħat il-gvern ta' Santa Lucia li jippruvaw li ż-żewġ kumpaniji off shore li magħhom kienet reġistrata d-dar f'Montecarlo li kien wiret il-partit ta' Fini (Alleanza Nazionale), huma proprjetà ta' Giancarlo Tulliani, ħu s-sieħba ta' Fini, Elisabetta, u dan jipprova li s-sid tad-dar huwa proprju Tulliani li lilu allura kienet inbiegħet d-dar bi prezz tassew baxx.
Issa wieħed irid jara jekk Fini jżommx kelmtu wara li dan f'konferenza stampa li kien ta f'Settembru tas-sena l-oħra kien iddikjara li "jekk jinstab li Tulliani huwa sid id-dar, ma naħsibhix darbtejn biex nirriżenja minn speaker tal-Kamra". Ħaġa li ilha tinsisti fuqha l-maġġoranza fil-gvern, minħabba li s-sehem attiv ta' Fini fil-politika (kontra l-gvern) m'għadhix aktar kompatibbli mal-kariga super partes ta' speaker.

QERQ F'ELEZZJONIJIET INTERNI FIL-PARTITO DEMOCRATICO
Sadanittant, illum ukoll, il-post Komunista Partito Democratico illum kellu jipposponi l-assemblea nazzjonali għal Frar. Din l-assemblea suppost kellha tħabbar il-kandidati għall-elezzjonijiet amministrattivi li  ntgħażlu mill-partitarji waqt il-primaries, jew elezzjonijiet interni.
Dan wara protesti minn partitarji f'Napli għax fil-primaries t'hemmhekk ivvutaw għadd ta' immigranti Ciniżi f'Napli li lanqas biss jafu jitkellmu bit-Taljan!

Veru ġurnata sewda, aktar mill-ħamra, għax-Xellug fl-Italja llum!

Il-Ħadd, 23 ta’ Jannar 2011

Aħbar li ftit semgħu

HAWN, U JIBQÀ IKUN HAWN, IKEL BIŻŻEJJED GĦAL KULĦADD
L-aptit tal-bniedem għall-aħbarijiet ħżiena m'għandux limiti. Għalhekk il-gossip ġeneralment ikun malizzjuż, u għaliex il-profeti tal-katastrofi huma dejjem garantiti udjenza li tibla' kollox. Mill-banda l-oħra -aħbarijiet tajbin jispiċċaw imwarrba fil-paġni ta' ġewwa tal-ġurnali ... meta jirrapurtawhom!
Per eżempju kemm minnkom smajtu bir-rapport li ppublika l-Institute of Mechanical Engineers tar-Renju Unit, u li fiha dawn urew kif mhux veru li m'hawnx, jew mhux se jkun hawn biżżejjed ikel għall-popolazzjoni tad-dinja, u li għalhekk jeħtiġilna nikkontrollaw it-twelid, għax inkella se nispiċċaw noqtlu u nieklu lil xulxin?
It-rapport kien jismu "One Planet, Too Many People?" u t-tweġiba tagħhom kienet li le, "Population growth not a threat". M'hemmx, u qatt mhu se jkun hemm nies aktar milli tistà titma' d-dinja. Għaliex?
Bħalma spjega Dr. Tim Fox fl-istess rapport, aħna kapaċi nilqgħu l-isfida li nitimgħu pjaneta ta' 9 biljun ruħ grazzi għat-teknoloġiji li jeżistu diġà, u mhux b'xi proċess agrikolu li għad irid jiġi żviluppat.
Dr. Fox jinnota kif fl-Afrika nofs l-ikel li jipproduċu jinqered qabel biss jilħaq jasal fis-suq lokali". B'sistema ta' trasport refriġerata u toroq tajba, l-pajjiżi li qed jizviluppaw jevitaw din il-ħela oxxena.
Anki xjentisti Franċiżi qablu ma' dan ir-raġunament sempliċi u li jagħmel sens.
Dan kollu mhux kulħadd jieħu gost jisimgħu, fosthom uħud li ilhom snin ibassru u jwerwru li sa' tmiem dan is-seklu aktar minn biljun ruħ se jmutu bil-ġuħ, minn ta' quddiem Paul Ehrlich li lura fis-Snin Sebgħin kien għamel furur bil-ktieb tiegħu "The Population Bomb".
Dan kien bassar li sas-sena 2000 il-popolazzjoni tal-Gran Brittanja kellha biss 50% ċans li tibqà teżisti minħabba skarsezza katastrofika tal-ikel, u allura ta bidu għall-kampanja mondjali ta' kontroll tat-tkabbir tal-popolazzjoni. Naturalment il-fatti, illum giddbuh!
Imma xorta waħda tibqà issib il-katastrofisti, fosthom l-ekokatastrofisti, li jibqgħu iwissu li aktar ma tikber il-popolazzjoni tad-dinja, aktar se jkun hawn min jipproduċi gassijiet serra, CO2, għax jekk ma kontux tafu, skond dawn it-talin, meta l-bniedem jieħu n-nifs, qed ikabbar is-CO2 fl-atmosfera!
Imma wara kollox, bħalma ddikjara dan l-aħħar Matt Ridley – l-awtur tal-ktieb li, f'dinja ta' pessimiżmu rampanti, qatt ma nixba' nirrakkomanda, "The Rational Optimist" (ara s-suġġerimenti tiegħi fil-kolonna xellug) – il-popolazzjoni tad-dinja mhix "tisplodi", iżda sempliċiment tikber bir-rata ta' biss 1 fil-mija fis-sena, għax fil-fatt ir-rata vera ta' bnedmin li qed jiżdiedu ilha tonqos għal dawn l-aħħar 20 sena. Din hija problema li  għandha verament tinkwetana, speċjalment lilna fil-Punent!

Is-Sibt, 22 ta’ Jannar 2011

Is-Soċjalisti u t-Tuneżija

INDUNAW WARA 30 SENA ... LI KIEN DITTATUR!
Din il-ġimgħa fil-Parlament Ewropew qamet polemika taħraq wara li faqqgħet il-kriżi fit-Tuneżija li spiċċat bil-mexxej awtoritarju Ben Ali ikollu jaħrab mill-pajjiż. Dan wara li għaqdiet għad-drittijiet tal-bniedem u x-Xellugin bdew jikkritkaw lill-gvernijiet taċ-ĊentruLemin talli kellhom relazzjonijiet mal-President Tuneżin.
Martin Schultz, Kap tas-Soċjalisti fil-
Parlament Ewropew
Iżda nhar it-Tlieta sar magħruf li r-Rally Kostituzzjonali Demokratiku (RCD), il-partit ta' Ben Ali, kien membru tal-Internazzjonali Soċjalista, l-alleanza globali tax-Xellugin u ċentru-xellugin, u tkeċċa biss din il-ġimgħa wara li Ben Ali ħarab mill-pajjiż fost ir-rewwixti u r-rabja tal-poplu !
Martin Schultz, il-mexxej tas-Soċjalisti fil-parlament Ewropew qal li "kultant insibu li membri tal-familja tagħna li ma ħaqqhomx ikunu, u dan ikun xokk kbir għalina. Iżda dawn keċċejnihom illum mill-Internazzjonali Soċjalista. Huwa kollu minnu, però, li l-RCD kien membru".
Bħalma kkummenta kelliemi għall-Partit Popolari Ewropew (PPE)  is-Soċjalisti jidhru li "indunaw biss issa, f'dawn l-aħħar jumejn, li Ben Ali huwa bniedem ħażin."
"Tajjeb li keċċewhom, imma din il-konverżjoni kienet waħda tardiva. L-RCD kien ilu membru għexiren ta' snin. Kien ilhom brothers in arms (compagni d'armi) għal dawn l-aħħar 30 sena!"
"Ħarsa lura lejn l-laqgħat kbar li kellhom bejnithom, tara li kien hemm sħubija sħiħa mal-partit Tuneżin tul dawn is-snin kollha."
Anki l-kandidat li jinsab fuq quddiem biex jirbaħ in-nominazzjoni tal-Partit Soċjalista Franċiż għall-elezzjoni tal-President tar-Repubblika fl-2012, Dominique Strauss-Kahn, jinsab taħt kritika qawwija għall-appoġġ fit-tul tiegħu lir-reġim xellugi li iku jaħkem lit-Tuneżija mill-1987 b'elezzjonijiet-farsa li fihom hu dejjem kiseb 'l fuq minn 90% tal-voti!
F'Novembru tal-2008 Kahn appella lill-pajjiżi qed jiżviluppaw biex jadottaw l-mudell ekonomiku u politiku Tuneżin! Meta ltaqa' mal-gvernatur tal-bank ċentrali tal-pajjiż kien qal li "id-diskussjonijiet li kellna jikkonfermaw li naqsmu l-istess ideat dwar is-suċċessi tat-Tuneżija u l-isfidi ewlenin għall-ġejjieni. It-Tuneżija qed tagħmel progress impressjonanti fil-programm tar-riformi u l-prospetti jippromettu".
Ben Ali dakinnhar kien onora lil Strauss-Kahn bl-Ordni tar-Repubblika Tuneżina, l-aktar ġieħ għoli tal-pajjiż!
Sadanittant s-sitwazzjoni fit-Tuneżija tidher li qed tikkalma, iżda l-periklu issa huwa li japprofittaw mis-sitwazzjoni inċerta l-fundamentalisti Islamiċi, al-Qajda fuq quddiemnett.
Infatti tlett jiem qabel Ben Ali dabbar rasu, il-kap ta' din l-għaqda terroristika fil-Maghreb Islamiku, Abu Musaab Abdul Wadud qed ixewwex lit-Tuneżini biex itajru lil "farawni" Ali, li "poġġewh fil-poter il-kruċjati, u biex jingaġġaw lill-uliedhom fl-al-Qajda "għall-battalja finali kontra l-Lhud, il-Kruċjati u l-ispjuni tagħhom."
It-tama bħalissa hija fil-Ġeneral Rachid Ammar li Ben Ali kien neħħih minn kap tal-Istat Maġġur  tal-Qawwiet Armati meta rrifjuta li jordna lis-suldati jisparaw fuq il-folla tipprotesta. Il-poplu jikkunsidrah eroj, u fuq il-Facebook tfaċċat paġna bl-isem ta' "Rachid Ammar President".
Importanti li, kif appella l-kelliem tal-Grupp tal-PPE għall-Affarijiet Barranin l-Ispanjol Josè Ignacio Salafranca, l-Unjoni Ewropea tappoġġja u tgħin lit-Tuneżija fil-proċess lejn id-demokrazija bl-ewwel passi se jkunu l-elezzjonijiet parlamentari u għall-President fi żmien xahrejn.
Hu staqsa kemm jaqbel għall-istabbilità li l-UE tgħin biex jinżamm li status quo f'pajjiżi li mhumiex demokraziji sħaħ, b'riferenza għall-ftehim ta' kooperazzjoni li kien ġie ffirmat f'Lulju tas-sena l-oħra bejn il-Grupp PPE tal-Parlament Ewropew u l-RCD ta' Ben Ali. Zball tattiku bla wisq ħsieb.
Wider Two Column Modification courtesy of The Blogger Guide