BEJN IL-LANŻIT, IX-XEWQAT U L-FATTI
Bħal f'kull pajjiż b'demokrazija parlamentari bħall-Italja, huwa l-parlament mhux xi kumitat tiegħu li jagħti vot deċziv dwar liġi |
U llum erġajna koppi: Dalgħodu kumitat parlamentari magħmul mill-gvern u l-oppożizzjoni ħadet vot fuq liġi li kellha tkompli r-riforma tal-gvern lejn stat Taljan aktar federalizzat kif tixtieq il-Lega Nord. Il-vot spiċċa draw, 15 favur u 15-il vot kontra. Il-Lega Nord ta' Bossi ilha żmien tgħid li jekk ma tgħaddix din ir-riforma, aħjar li allura l-poplu Taljan jintalab jivvota mill-ġdid f'elezzjoni bikrija, ħalli l-gvern ĊentruLemini jerġà jikseb maġġoranza komda bħalma kellha qabel Fini waqqaf partit għalih u miegħu wassal numru ta' deputati joħorġu mill-maġġoranza, u jmorru fl-oppożizzjoni.
Għalhekk il-media internazzjonali anti-Berlusconi għaġġlu jagħmluha fatta li "Bossi kien se joħroġ ukoll mill-gvern" u jkollha ssir elezzjoni bikrija għax il-gvern b'hekk jitlef il-maġġoranza!
Iżda bħalma jaf kull min għandu l-iċken idea ta' kif taħdem sistema parlamentari demokratika, anki f'pajjiżna, ix-xogħol ta' kumitat parlamentari huwa li jiddiskuti liġijiet wara li jħabbarhom il-gvern, bil-ħsieb li tiffaċiltà l-istudju u tħaffef id-dibattitu dwar dik il-liġi, biex forsi anki jintlaħaq ftehim dwarha mal-oppożiżżjoni, qabel din il-liġi titressaq għal aktar dibattitu, u l-votazzjoni fil-parlament. Wara l-istess kumitat iressaq biss l-opinjoni, il-parir tiegħu.
Dan ifisser li l-vot finali fuq liġi jieħdu l-parlament mhux xi kumitat! U dan jgħodd għall-Italja wkoll, u dan huwa eżattament dak li ġara llum.
Fil-fatt il-Kabinett tal-gvern Taljan iltaqa' l-lejla stess u qabel li jkompli bir-riforma fiskali federali li se jressaq għall-firma tal-President tar-Repubblika u wara l-pubblikazzjoni fil-Gazzetta tal-Gvern.
Ta' min jgħid ukoll li l-kummissjoni bħalissa mhix komposta skond il-Kostituzzjoni, għax meta Fini u sħabu ħarġu mill-gvern, ir-rappreżentanti tal-gvern li llum marru ma' Fini, b'hekk spiżżaw kabbru r-rappreżentanza tal-oppożizzjoni fl-istess kummissjoni, u kien għalhekk li l-votazzjoni tal-lum spiċċat b'parità.
Iżda llum kien hemm vot ieħor aktar importanti li minnu l-gvern ĊentruLemini reġà ħareġ rebbieħ u b'maġġoranza assoluta. Fil-fatt l-Camera dei Deputati vvutat favur bi 315 u kontra 298, b'deputat jastjeni, dwar "il-każ Ruby", biex il-proċeduri legali jkomplu skond il-liġi, li tgħid li l-Procura di Milano m'għandhix dritt tmexxi l-każ hi. B'hekk issa l-koalizzjoni governattiva żdiedet b'deputat ieħor fuq l-aħħar votazzjoni ta' ġimgħa ilu. Dan ifisser li potenzjalment issa l-gvern ĊentruLemini reġà għandu l-maġġoranza assoluta, għax meta ma' dawk it-315 jiżdied il-vot ta' Berlusconi innifsu (li llum ma ħassx li kellu jivvota għax il-każ jolqot lilu direttament) il-maġġoranza titla' għal 316. Dawn huma l-FATTI, ferm bogħod mix-xewqat ta' min għandu lanżit ikbar mill-preżunzjoni tiegħu!
No comments:
Post a Comment