Il-Ħadd, 20 ta’ Frar 2011

Sħab Iswed fuq l-Eġittu

IRIDU JIBDLU L-PAJJIŻ F'IRAN IEĦOR
Filwaqt li r-rewwixta kontra l-oppressuri Għarab (presidenti u rejjiet) qed dejjem tinxtered, fl-Eġittu bħalissa qed iħejju għal dak li għandu jsir wara li ħelsu minn Mubarak u r-reġim tiegħu, iżda l-ewwel passi li qed jittieħdu ma tantx jippromettu. Dan għax uħud mill-membri tal-kummissjoni li qed tħejji l-emendi għall-kostituzzjoni qed jinkwetaw bis-sħiħ lil dawk li ħasbu li wara t-tirannija, fl-aħħar l-Eġizzjani se jgawdu huma wkoll id-demokrazija u l-libertà bħal ġnus kollha ħielsa.
Għalkemm wieħed mill-punti fundamentali  tar-reviżjoni tal-kostituzzjoni se jkun li kemm in-nisa kif ukoll dawk li mhumiex Musulmani jistgħu jikkontestaw għall-kariga ta' President tar-Repubblika, fl-istess kummissjoni s'issa m'hemmx mara waħda, u l-ġenerali fil-poter bħalissa aċċettaw li fil-kummissjoni jkun hemm wieħed mill-mexxejja tal-Fratellanza Musulmana, Sobhi Saleh.
Dan Saleh hu magħruf minħabba li hu favur l-impożizzjoni ta' liġijiet Talibani, fosthom li jkunu projbiti wiri ta' imħabba fil-pubbliku, bħall-bews!
Barra minhekk bħala president tal-kummissjoni hemm maġistrat anzjan, Tariq al Bishri, meqjus mill-istampa Eġizzjana bħala 'moderat', iżda totalment kontra l-istat ta' Iżrael, u favur l-introduzzjoni tax-Xaria, il-liġi Islamika li tiddaħħal f'kollox, anki ħwejjeġ li f'pajjiżi liberali huma meqjusa strettament sekulari, bħall-kriminalità, il-politika, l-ekonomija, u dawk personali bħas-sesswalità, l-indafa, d-dieta, it-talb u s-sawm.
 Bishri huwa iben Iman, kap ta' al Azhar, u jikkritika ferm  il-"mudell tal-Punent" tas-soċjetà.
Fl-2004 f'intervista mal-ġurnal Al Aħram, faħħar lill-fundatur tal-Ħamas Aħmed Yassin. Iddikjara wkoll li "Kull forma ta' reżistenza, inkluża dik vjolenti,  għandha tiġi wżata kontra Iżrael.
Fil-ktieb tiegħu "The Islamic Law and Positive Law" kien ilmenta mill-fatt li r-reġim Eġizzjan kien "fired il-liġi mir-regolamenti morali" u li l-Eġittu għandu jerġà jibda japplika l-liġi tax-Xaria.
Il-membru l-ieħor tal-kummissjioni Saleħ tlett snin ili ħeġġeġ favur li l-inqas età biex xi ħadd jiżżewweġ titniżżel minn 18 għal 15-il sena! Dan baqa' magħruf l-aktar, però, għall-ġlieda 'qaddisa' tiegħu kontra l-Mużew ta' Lixandra. Tafu għaliex?
"Ma rridux dawk l-istatwi Griegi għarwenin hemm ġew...Din hija belt Islamika f'pajjiż Islamiku", u dawk l-istatwi għandhom jitneħħew għax joffendu l-għajnejn tal-Fratellanza Musulmana!
Meta l-blogger magħruf Eġizzjan Wael Abbas kien qed jikkummenta fuq dawn l-affarijiet u dwar Bishri, kiteb li "Ma teżistix xi ħaġa bħal Islamista moderat".
Fi kliem l-intellettwali ċelebri Svizzeru Tariq Ramadam meta bdiet kampanja favur is-sospensjoni tas-swat bħala kastig għal reati kriminali, Bishri  sejjaħ dik l-inizjattiva "ġuridikament infundata" u "bbażata fuq realtà tal-Punent" li ma tgħoddx għall-pajjiż Islamiku.
Dan biex ma nsemmix li l-ħames mexxej tal-Fratellanza Musulmana, bejn l-1996 u l-2002, fil-ħames volum tas-sensiela "Il-Liġijiet ta' Da'wa", li kien jismu "Il-Ġiħad hija t-Triq", kien kiteb li bħala skop aħħari hemm "il-konkwista globali mill-Islam" u "it-twaqqif mill-ġdid tal-Kalifat (stat globali) Islamiku".
Veru sħab iswed qed jinġabar fuq l-Eġittu, għax ta min ifakkar f'dak li kien qal Itamar Marcus, fundatur u direttur tal-Palestinian Media Watch, li l-Fratellanza Musulmana huma differenti minn al-Qajda biss fit-tattika mhux fl-iskop aħħari.

No comments:

Post a Comment

Wider Two Column Modification courtesy of The Blogger Guide