Is-Sibt, 5 ta’ Frar 2011

It-Tibdil fil-Klima

ID-DINJA QED TISĦON ...GĦALHEKK QED TIFFRIŻA !!!
Ma jifilħux jaqgħu iżjed għaż-żufjett: Minn xi snin 'l hawn kull avveniment atmosferiku ftit aktar qawwi minn xi żiffa tar-rebbiegħa jew ħalba xita tal-ħarifa, tarahom jiġru jiddikjarawh bħala effett, prova li d-dinja qed tisħon! B'hekk wasalna fir-ridikolaġni li jsostnu li meta tagħmel kesħa tremenda bħal f'dawn il-jiem, li ffriżat lill-Amerika, wasslet għaċ-ċiklun qawwi fl-Awstralja u kessħet lid-dinja. anki lil Malta, allura dan kollu effett tal-global warming kawżat mill-bniedem!
Skond dawn l-ekokatastrofisti jew terroristi, il-Pol ta' Fuq qed jinħall bis-sħana li qed jipproduċi l-bniedem mill-ħruġ tal-gassijiet serra, tas-CO2. B'hekk naqraw u nisimgħu b'kurrenti kesħin li jitilqu mill-Pol ta' Fuq u jiffriżaw lill-Amerika u l-Ewropa u ċ-ċiklun li ħakem l-Awstralja bħala speċi ta' Armageddon, katastrofi li se teqred lid-dinja u l-umanità ma ddumx!
Veru li ilu mal-50 sena ma tinżel daqshekk borra fuq Chicago, iżda bħalma jiddikjaraw klimatologi tal-affari tagħhom bħat-Taljan Franco Prodi  – (ħu l-politiku Romano Prodi) direttur tal-Istituto di Scienze dell'Atmosfera e del Clima (ISAC-CNR), lecturer fil-fiżika tal-atmosfera fl-università ta' Ferrara u membru tal-kunsill xjentifiku taċ-Ċentru Ewro-Mediterranju dwar it-Tibdil fil-Klima – il-fenomenu jagħmel parti minn "eventi estremi normali", li bħahom seħħew minn dejjem ta' dejjem.
Prodi jkompli billi jwissi li għandna nogħqodu attenti li ma nħalltux il-metereoloġija u l-klima, bħalma spiss qed jiġri. "Biex wieħed  isemmi l-klima ħalli jispjega avveniment meteoroloġiku, dan jistà jagħmlu biss fuq bażi ta' studju ta' mill-inqas għaxar snin, u jiżbalja min jasal għal konklużjonijiet billi jħawwad fenomeni eċċezzjonali waħdanin mat-tibdil fil-klima.
Il-Professur Prodi għamel snin jistudja l-għargħar fl-Ewropa, u sab li  "m'hemmx provi ta' żjieda ta' dawn il-fenomeni f'dawn l-aħħar snin, jew li qed iseħħu aktar spiss". Hemm  min isostni li ċ-ċikluni tropikali qed ikunu aktar qawwijin, iżda anki jekk dan hu hekk, xorta dan ma jistax jingħad li qed iseħħ  minħabba li d-dinja qed tisħon".
Iżda x'qed jiġri fl-East Coast tal-Amerika imblukkata bil-kesħa? Hija veru prova oħra li l-klima qed tiġġennen?
It-tenent kurunell tal-ajronawtika militari Taljana Guido Guidi, li għandu wkoll il-blog tajjeb ferm Climate Monitor, jgħid li l-borra u silġ li qed jiksu t-toroq ta' Chicago huma parti minn "oxxillazzjoni tat-temp kawżati mill-varjabilità interawtunnali. Meta staqsewh jekk din hix in-norma, Guidi wieġeb "Xejn m'hu normali, il-klima u t-temp minn dejjem kienu 'imġienen". Huwa aħna li nippruvaw nidentifikaw x'inhu u x'mhux medju, normali".
Ma nistgħux nitkellmu dwar temp atmosferiku "medju", għax inkunu qed insemmu xi ħaġa li ma teżistix. ħlief f'okkażjonijiet eċċezzjoinali: il-medja hija dejjem ir-riżultat ta' żewġ jew aktar estremi reali. Apparti kollox, ikompli Guidi, "fl-Amerika  din is-sena qed nassistu għal xitwa fin-norma.
Xi ħadd għandu jispjegalna għaliex, meta s-sena l-oħra f'Vancouver ma kienx hemm borra kien tort tal-global warming, u din is-sena, li borra hemm iżżejjed, xorta waħda qed jintqal li tort tal-global warming!"
Il-borra li tinżel bl-abbundanza mhix xi fenomenu straordinarju: "Diversi studji juru li ma kienx hemm varjazzjoni fil-kwantità ta' art miksija bil-borra/silġ matul dawn l-aħħar għaxar snin. Għalhekk huwa diffiċli twaħħal fis-sħana għall-maltemp ta' dil-ġimgħa.
L-istess argumenti jgħodd għall-Awstralja "mgħarrqa" jew aħjar parti minnha milquta miċ-ċiklun Yasi. L-għargħar tax-xahar l-ieħor huwa fenomenu "naturali" kawżat mill-preżenza tan-Niña – it-tkessiħ tal-ilma tal-Oċean Paċifiku kull  bejn 3 u 7 snin.
Lanqas mhu veru li l-oċean qed jisħon minħabba li d-dinja qed tisħon. "M'hemm l-ebda studju li jipprova din it-teorija - kull sena ċ-ċikluni jaslu f'dan il-perjodu", temm jgħid Franco Prodi.

No comments:

Post a Comment

Wider Two Column Modification courtesy of The Blogger Guide