Is-Sibt, 12 ta’ Frar 2011

Mubarak fl-Aħħar Telaq

IL-FUTUR TAL-LIBERTÀ U D-DEMOKRAZIJA F'IDEJN L-ARMATA
Anki tfal telgħu jiċċelebraw fuq it-tankijiet !
Wara aktar minn ħmistax protesti mill-poplu, f'xi mumenti anki mdemmija, dittatur ieħor Soċjalista Għarbi, wara dak tat-Tuneżija, tneħħa mill-poter fost il-ferħ tal-folol miġbura l-lejla fi Pjazza Tahrir. L-Għajta, is-slogan  prinċipali kienet "Mubarak Irriżenja" u ftit dwar libertà u demokrazija, u dan iġiegħlek titħasseb.
F'Tuneż, wara l-ħarba tad-dittatur Soċjalista l-ieħor Ben Ali, il-qawwiet fl-eks oppożizzjoni mill-ewwel wiegħdu li beħsibhom jibnu d-demokrazija billi jibdew bil-Kostituzzjomi tal-1957 – li kien sfiguraha Burgiba billi daħħal il-presidenza għal għomru – li tinkludi l-prinċipji tal-lajċità, tal-ugwaljanza taċ-ċittadini indipendentement minn reliġjon, sess u razza, bħala sur kontra kull tentattiv li xi ħadd jittanta jagħmel l-liġi Islamika tax-xarija l-ispirazzjoni ta' xi stat klerikali Taliban.
Imma jekk ir-rewwixta f'Tuneż waqqgħet l-istat despota modern, u rrifjutat l-istat teoloġiku medjevali u jrid iżomm distinzjoni bej  il-politiku u r-reliġjuż, fl-Eġittu hemm – minkejja li suppost taħt Mubarak kien illegali - moviment qawwi Islamiku radikali, il-Fratellanza Musulmana, u  minn diversi stħarriġ tal-opinjoni pubblika li sar tant għandu għeruq fost il-poplu illi kieku kellha ssir elezzjoni  tintrebaħ bil-kbir minnhom – udan kien qabel bdiet ir-rewwixta fil-Kajr.
Iżda llum hemm min jemmen li dawn inbidlu, saru moderati, bħall-Kap tas-Sigurtà Amerikan James Clapper li – waqt li l-bieraħ il-President Amerikan Obama għaġġel għamilha fatta li fi ftit minuti Mubarak kien se jirriżenja (il-bieraħ) – quddiem il-Kumitat tas-Senat dwar is-Sigurtà iddikjara li l-Fratellanza Musulmana kienet filp-maġġoranza tagħha sekulari, li ċaħdet il-vjolenza u kkundannat lil al-Qajda bħala perverżjoni tal-Islam, l-ġimgħa l-oħra wieħed mill-mexxejja tagħhom iddikjara li huma jridu li l-Eġittu jsir bħall-Iran, u li l-President Eġizzjan ikun bħal Aħmadineġad, u sena ilu mexxej ieħor qal li jridu jwaqqfu stat Ġiħadista,
Imbagħad ta' min ifakkar li lorganizzazzoni terroristika Ħamas li qed taħkem f'Gaża u qed tibdel dak it-territorju fi stat klerikali Taliban hija fergħa, kustilja tal-Fratellanza Umana!
Fl-Eġittu s'issa, qagħdu attenti li ma jidhrux ħafna, biex appuntu għall-mument ma jgerrxux lil min belagħha li huma nbidlu,  iżda ibqgħu żguri li issa li Mubarak darrab rasu, huma mhux se jdumu ma jerfgħu rashom.
Malli bdew ir-rewwixti fl-Eġittu, Muħammad Ghannem, membru ewlieni tal-Fratellanza waqt li kien qed jitkellem fuq in-network Iranjan Al-Alam li l-poplu Eġizzjan għandu jkun preparat għall-gwerra kontra Iżrael. Dan kollu jġib fix-xejn dik li allura nistgħu nsejħulha inġenwità ta' min hu responsabbli mis-sigurtà tal-Istati Uniti.
Jekk issa li l-Eġizzjani ħelsu minn dittatur Soċjalista, se jkollhom perjodu ta' transizzjoni fejn l-Eġizzjani jiktbu mill-ġdid il-kostituzzjoni, fejn iħejju għal elezzjonijiet ħielsa, b'partiti politiċi varji, stampa u media ħielsa u sistema ġudizzjarja indipendenti, tajjeb. Iżda x'jiġri jekk minflok ikollna perjodu ta' kaos u vojt tal-poter, min se joħroġ rebbieħ? Forsi l-aktar grupp organizzat u dixxiplinat bħalissa fl-Eġittu, apparti l-Armata? Appuntu l-Fratellanza Musulmana?
Quddiem l-inġenwità tal-amministrazzjoni Amerikana ta' Obama (wieħed mill-konsulenti tiegħu, Bruce Riedel, jgħid li huma jistgħu jgħixu ma' gvern tal-Fratellanza Musulmana!) u t-titubanza tal-Punent, jidher li t-tama tal-futur tal-libertà u d-demokrazija fl-Eġittu se tkun, appuntu l-armata (mħarrġa fl-Amerika anki fil-prinċipji liberali u demokratiċi), il-Kunsill Suprem tal-Qawwiet Militari immexxi mill-Feldmarixxal Moħammed Tantawi. Nittamaw!

No comments:

Post a Comment

Wider Two Column Modification courtesy of The Blogger Guide