LEJN BATTALJA DEĊIŻIVA FI TRIPLI ?
Wieħed mill-ħafna ritratti tad-dittatur Gaddafi li nħarqu mill-bidu tar-rewwwixta tal-poplu fil-15 ta' Frar |
Mill-banda l-oħra, bi tħejjija għal din il-battalja li aktar ma jgħaddi l-ħin aktar qed tidher imminenti, eluf ta' merċenarji, il-biċċa kbira minnhom Afrikani, u partitarji armati ta' Gaddafi qed jaslu wkoll fi Tripli f'tentattiv iddisprat ta' Gaddafi biex iżomm il-kontroll tal-kapitali taħt idejh, hekk kif dejjem aktar qed jitlef partijiet mil-Libja.
Gaddafi nnifsu jingħad li, flimkien ma' madwar għaxar uffiċjali tas-sigurtà fedelissimi lejh, jinsab barrikat fil-bunker tiegħu taħt l-art fil-barracks qrib Bieb al-Ażiżija, subborg fin-naħa t'isfel ta' Tripli, minn fejn, skond il-President tal-Comunità del Mondo Arabo in Italia (Comai) Foad Aodi, qed jipprepara l-ajruplan privat tiegħu biex jaħrab mil-Libja lejn pajjiż Afrikan ħabib tiegħu. Dan wara messaġġ fuq ir-radju li fih hu akkuża lill-al Qajda li tinsab wara r-rewwixti kontra r-reġim tiegħu, filwaqt li wissa' lill-Amerikani kontra xi intervent militari bl-iskuża li jattakkaw lill-istess al Qajda!
Ta' min ifakkar li l-appell li hu għamel it-Tlieta biex dawk li jappoġġjawh l-għada l-Erbgħa (il-bieraħ) joħorġu jiddimostraw favurih jidher li waqa' fuq widjejn torox, għax ma saret l-ebda dimostrazzjoni kolossali fi Tripli favurih.
Li komplew żgur kienu attakki minn merċenarji u membri ta' milizji favurih, b'elmi u uniformijiet sofor, fi djar li dawn jikkunsidraw kontra Gaddafi, fejn jissakkeġġaw, isawtu lill-irġiel u jistupraw lin-nisa.
Żagħżugħ b'tabella bil-mappa tal-Libja bil-bandiera Libjana ta' qabel il-kolp ta' stat ta' Gaddafi, tixxuttja lid-dittatur |
Sadattant quddiem dawn il-massakri minn Gaddafi kontra l-poplu Libjan, apparti l-kundanni tan-Nazzjonijiet Uniti, kemm l-Istati Uniti kif ukoll l-Unjoni Ewropea mhux qed jeskludu "opzjonijiet u interventi oħra", apparti sanzjonijiet biex jikkonvinċu lid-dittatur Gaddafi jwaqqaf ir-repressjoni mdemmija kontra x-xewqat leġittimi tal-poplu. Fi żvilupp ieħor tħabbar li l-gvern Svizzeru ffriża l-flus u l-ġid ta' Gaddafi.
Fl-aħħarnett qed joħroġ ċar ukoll li kontra dak li ġara f'Tuneż u l-Eġittu fejn l-armata kellha sehem fit-twaqqigħ tar-reġimi Soċjalisti, fil-Libja (fejn Gaddafi ppromwova dak li sejjaħ "Soċjaliżmu Islamiku") qed ikollhom parti importanti l-madwar 20 tribù li hemm fil-pajjiż li sa' ftit żmien ilu Gaddafi kellu kontroll fuqhom, iżda li ssa jidher li l-biċċa kbira minnhom daru kontrih u qed jingħaqdu biex ineħħuh. Saħansitra wieħed mill-piloti li qabżu mill-bomber fi triqtu lejn Bengażi, qabel ikkraxxjawh, għax ma riedux jobdu l-ordni ta' Gaddafi li jattakkaw il-popolazzjoni ta' dik il-belt, huwa mill-istess tribù tad-dittatur, il-Gadħadħfa.
No comments:
Post a Comment