Il-Ħamis, 17 ta’ Frar 2011

L-Assedju kontra Berlusconi

ATTENTAT TA' KOLP TA' STAT MINN MĦALLFIN U MEDIA
Ix-Xellug, bl-għajnujna
ta' xi maġistrati preġudikati,
qed jipprova jasal fejn ma
wasalx fil-Parlament – iwaqqgħu
l-gvern imtella' mill-poplu
Jekk kien hemm min – wara li sar jaf li lill-Prim Ministru Taljan jridu jgħadduh ġuri f'April – ħaseb jew għamilha fatta li dan ifisser it-tmiem ta' Silvio Berlusconi jew il-gvern ĊentruLemini tiegħu, sejjer imqarraq għax qed jgħodd il-flieles meta għadhom lanqas biss faqqsu.
Jekk dawn  għandhom ħjiel ta' tfisser demokrazija parlamentari suppost jafu li gvern imtella' b'maġġoranza komda jista' jaqa' biss qabel iż-żmien jekk jirrriżenja hu stess, jew ma jibqagħlux appoġġ biżżejjed fil-parlament. Iżda l-gvern ta' Berlusconi, anki wara t-tradiment ta' Fini u l-kompliċi tiegħu, xorta fadallu maġġoranza li ma' kull vot li jittieħed qed terġà tikber.
Iżda anki kieku l-gvern tiegħu waqà, ma jistax jiġi ffurmat gvern ta' għamla politika differenti  milli l-poplu, l-elettorat kien wera ċar li jrid jiggvernah, fil-każ tal-Italja koalizzjoni ĊentruLeminija, u din fl-Italja ma tistax tiġi ffurmata mingħajr Berlusconi u l-partit tiegħu Popolo della Libertà.
Gvern imtella' mill-poplu jistà jinbidel biss mill-poplu, u l-unika triq f'dak il-każ hija elezzjoni, li kull tbassir li qed isir qed juri li terġà tintrebaħ minn koalizzjoni ĊentruLeminija b'Berlusconi bħala Prim Ministru.
Għalhekk dak li qed nassistu għalih fl-Italja f'dawn l-aħħar xhur m'huwa xejn għajr ATTENTAT TA' KOLP TA' STAT minn minoranza ta' imħallfin u maġistrati Xellugin u sezzjoni tal-Media, Xellugija wkoll, immexxija mill-ġurnal La Repubblica u r-RaiTre.
Il-persekuzzjoni kontra Berlusconi minn dawn it-talin ilha sejra 17-il sena, ċjoè minn meta hu ħareġ għall-politika, u l-poplu dejjem baqà jżiedlu l-voti, għax fl-aħħar hu offrilhom alternattiva kredibbli għal dik li qabel aktar milli demokrazija kienet PARTITOKRAZIJA, fejn il-poplu kien jivvota, iżda l-gvern kien jiġi ffurmat b'manuvri u intriċċi bejn il-partiti, liema gvernijiet għalhekk kienu inevitabilment jaqgħu wara ftit xhur. Ħaġa li kienet isseħħ regolarment tul 'l fuq mill-50 sena ta' dik li kienet magħrufa bħala l-Prima Repubblica.
Issa Berlusconi ġab l-istabbilità li tant ħtieġet l-Italja bl-ewwel amministrazzjoni li damet il-ħames snin sħaħ li l-poplu tella' biex tiggvernaħ. Gvern ĊentruLemini li beda jnaqqas dejjem aktar l-indil tal-istat fil-ħajja taċ-ċittadin, u li għalhekk, ftit inqas minn tlett snin ilu, reġà ivvutalu biex imexxih għal ħames snin oħra, b'dejjem aktar voti, minkejja l-persekuzzjoni u l-assedju ma jaqtgħu xejn ta' minoranza tal-ġudikatura u maġġoranza tal-media preġudikata kontrih.
Meta raw dan kollu, u meta rrealizzaw li anki bit-tradiment ta' Fini b'kollox, ma kienx se jirnexxilhom 'jeħilsu' fil-parlament minn dak li bir-riformi li qed jagħmel qed jolqot l-interessi ta' ċerti oligarkiji, allura bdew jinvestigawh aktar minn ċerti kriminali mafjużi, biex jaraw isibux xi ħaġa fuqiex jaqbdu.
Wara kważi sena ta' għassa u interċettazzjonijiet, ħasbu li sabu fuqiex, u f'April jridu jressquh fuq akkużi ta' abbuż tal-poter u prostituzzjoni tal-minuri!
Nibdew b'din tal-abbuż tal-poter, jew eżattament concussione: li tfisser "abbuż tal-pożizzjoni ta' uffiċjal pubbliku biex iġiegħel lil ħaddieħor jagħti jew iwiegħed lilu, jew lil ħaddieħor f'ismu, flus jew xi ħaġa oħra utli". L-akkuża ssostni li dan wettqu l-Prim Ministru meta ċempel lill-Questura ta' Milan biex minflok iżżomm arrestata lil Karima Mahroug (magħrufa bħala Ruby) mixlija b'serq, titpoġġa taħt il-ħarsien tal-kunsilliera Nicole Minetti, minħabba li t-tfajla kienet qalet li hi Eġizzjana u neputija ta' Mubarak, li dak iż-żmien kien għadu President, u b'hekk jiġi evitat xi inċident diplomatiku. Fuq kollox  l-istess kap tal-Procura, Ostuni, irrepeta kemm-darba li fl-ebda ħin ma ħassu mġiegħel jew mhedded minn Berlusconi – Dak kollox.
Niġu issa għat-tieni akkuża kontra Berlusconi: minn dak li joħroġ mill-istess ruxxmata karti tal-akkuża (22 boxfile!) imkien ma jiġi ppruvat li l-Prim Ministru Taljan kellu x'jaqsam sesswalment ma' tfajliet taħt l-età, jew li organizza xi ċirku ta' prostituzzjoni – Dawn huma l-fatti.
Berlusconi u l-ħbieb imsemmija fl-investigazzjoni-farsa (fosthom Lele Mora, il-ġurnalist veteran Emilio Fede u l-kunsilliera Nicole Minetti) veru kienu jistiednu tfajliet sbieħ għal ikliet u parties privati. Iżda dak kollox. Xejn kontra l-Liġi – Dawn huma l-fatti.
Veru illi li kieku kont jiena fil-pożizzjoni ta' responsabbiltà u delikata ta' Prim Ministru, u naf li l-oppożiżżjoni parlamentari u dik ekstra-parlamentari, qegħdin fuqi bħal seqer, kont nogħqod daqsxejn aktar attent, ħalli ma nagħtihomx porvli biex jippruvaw joqtluni.
Intant dak li qed jippruvaw iwettqu  dawn huwa KOLP TA'  STAT kontra s-sovranità tal-poplu u tal-Parlament, permezz ta' att ta' ġustizzja żbrigattiva, lil hinn mill-proċeduri normali tal-ġustizzja.
Huma DAWN li qed iwettqu skandlu ta' aggressjoni ġudizzjarja frott preġudizzju politiku, antroploġiku u personali kontra l-figura tal-Prim Ministru Taljan u dak li jirrappreżenta;
Huma DAWN li qed jheddu l-istituzzjonijiet demokratiċi billi joħolqu konflitti bejnithom.
Huma DAWN li qed jabbużaw mill-poter.
Iżda mhumiex se 'jeħilsu' daqstant faċilment u malajr minnu, u dan jafuh.
Mhux ta b'xejn li l-uniku kumment li għadda Berlusconi wara li tħabbret id-data li suppost jibda l-ġuri kien li "Mhux qed ninkwieta".
Qabel, u jekk, jibda l-ġuri jrid jiġi deċiż jekk il-każ huwiex kompetenza tal-Procura ta' Milan jew inkella tat-Tribunal tal-Ministri (bħalma qed issostni d-difiża tal-Prim Ministru), li minkejja ismu, mhuwiex magħmul minn xi ministri, iżda minn tlett maġistrati mtella' bix-xorti minn fost il-maġistrati kollha  b'5 snin servizz fil-Qorti tal-Appell fid-distrett fejn seħħew l-allegati ksur tal-liġi.
Barra minhekk, proprju l-bieraħ tħabbar li l-Popolo della Libertà  qed iħejji biex iressaq mozzjoni biex, skond l-artiklu 96 tal-Kostituzzjoni Taljana, "il-Prim Ministru u l-Ministri, anki meta ma jibqgħux f'dik il-kariga, jistgħu jiġu ġudikati għal reati li wettqu fl-eżerċizzju tal-funzjinijiet tagħhom, għall-ġurisdizzjoni ordinarja, basta jkun hemm l-awtorizzazzjoni tas-Senat tar-Repubblika jew il-Kamra tad-Deputati".
Dan ġara qabel, meta fl-2006 Altero Matteoli bħala Ministru kien se jitressaq il-Qorti, iżda l-Camera dei Deputati vvutat kontra li jittieħdu proċeduri kontrih, b'kumbinazzjoni wkoll fuq każ (bħall-akkuża lil Berlusconi) ta' telefonata li l-Ministru kien għamel bħala ministru.
Jekk din il-mozzjoni, kif probabbli, tgħaddi – għax proprju din il-ġimgħa l-gvern ĊentruLemini qed ikompli jkabbar il-maġġoranza (s'issa jinsab bi 320 deputat, meta jkunu biżżejjed 316) – allura l-ġuri ta' Milan jisfaxxa.
Għaliex allura, forsi tistaqsu, dawn l-imħallfin u media Xellugija jibqgħu jinsistu b'dan l-assedju kontra l-maġġoranza, meta jafu li dan kollu jista' jinfaqa' bħal bużżieqa tas-sapun?
Għax li jinteressahom ukoll huwa li rnexxilhom iħammġu lil Berlusconi, iżda l-oxxenità hija li miegħu ħammġu wkoll l-isem tal-Italja quddiem id-dinja kollha. MIN SE JĦALLAS GĦAL DIN IL-ĦSARA? HADD?!?

No comments:

Post a Comment

Wider Two Column Modification courtesy of The Blogger Guide