PROBABBLI MHUX LESTI GĦAL RIVOLUZZJONI, IMMA ...
L-elezzjonijiet parlamentari fir-Repubblika eks-Sovjetika fl-Asja Ċentrali, il-Każakstan, ġew u għaddew, u, bħalma kien mistenni, kollox baqa' kif kien, u bħalma wara kollox kont inbassar fil-post tiegħi hawnhekk meta bdejt insegwi l-protesti li bdew fil-belt ta' Żanawzen minn ħaddiema fl-industrja taż-żejt li spiċċaw fi 19 maqtula u mal-100 oħra feruti mill-pulizija u mill-qawwiet armati tal-President awtoritarju Nażarbajev.Wara dawk l-agħar inċidenti fl-istorja ta' 20 sena mill-indipendenza ta' pajjiż li kien kiseb fama għall-istabbilità politika u soċjali, il-poplu mar jivvota bit-tama li din id-darba partit verament ta' oppożizzjoni jikseb għallinqas rappreżentanza f'parlament dominat mill-parit ta' Nażarbajev Nur Otan.
Iżda filwaqt li veru ma' dan il-partit żdiedu tnejn oħra, dawn huma t-tnejn favur ir-reġim, u l-elezzjoni farsa tat maġġoranza assoluta ta' 81% tal-voti u 83 siġġu mill-108 tal-parlament, bl-uniku partit verament ta' oppożizzjoni, dak SoċjalDemokratiku Nazzjonali (OSDP) ma jirnexxielux jaqbeż is-7% tal-voti meħtieġa, anzi jnaqqas il-voti mill-aħħar elezzjoni. Mill-banda l-oħra din id-darba marru jivvutaw iżjed minn dakinhar, probabbli, għax emmnu li sata' ikun hemm oppożizzjoni vera, anki jekk żgħira, fil-parlament.
Filwaqt li l-oppożizzjoni kkundannat irregularitajiet u frodi fl-elezzjoni, l-OSCE u d-Dipartiment ta' Stat Amerikan ma kkunsidrawhix demokratika.
L-istess kien il-każ tal-elezzjoni presidenzjali f'April tas-sena l-oħra meta Nażarbajev kiseb 95.5% tal-voti!
Mexxejja tal-OSDP ikkonkludew li wara dawn l-elezzjonijiet kull tama li l-awtoritajiet jirriformaw lilhom infushom issa għebu.
Il-fatti huma li Nażarbajev huwa awtokratu, imma hu jgawdi popolarità ġenwina mal-poplu li jidher lest ipartat l-libertà politika mal-istabbilità u tkabbir ekonomiku grazzi għall-industrja taż-żejt minkejja l-kriżi globali, bil-Prodott Gross Domestiku tal-Każakstan jikber b'7.5% is-sena li għaddiet.
Il-poplu huwa wkoll rikonoxxenrti lejn Nażarbajev talli rnexxielu jżomm l-bilanċ delikat f'dan il-pajjiż kosmopolitan ta' 130 grupp etniku.
Għalhekk osservaturi jħossu li s-sogru ta' xi "Rebbiegħa Każaka" ma jezistix fil-futur qarib. Wara r-riżultat tal-elezzjoni kienu madwar xi 100 ruħ biss li marru jipprotestaw fil-belt industrjali ta' Almaj, u huwa għalhekk li għada s-Sibt l-OSDP beħsiebu jorganizza oħra li qed jgħid li se tkun ikbar.
Ma' dan kollu wieħed irid iżied li forsi l-appoġġ mill-Punent lill-oppożizzjoni mhux daqstant konkret u sostanzjali, u s'issa kien limitat għall-kundanni verbali.
Kien hemm min nħass li r-raġuni hija li mill-Każakstan tgħaddi merkanzija vitali mill-Punent lejn l-Afganistan, hekk kif l-Pakistan qed dejjem aktar isir instabbli u ma tistax tafda fuqu.
Hawn fuq filmat li juri għadd ta' poloz tal-votazzjoni diġà mimlija (favur il-partit tal-president) jinxteħtu fil-kaxxa tal-voti fil-Post tal-Votazzjoni numru 374 qrib il-kapitali Almaj, b'oħrajn jippruvaw jgħattu l-kamera u jfixklu l-ifflmjar. Il-filmat jinsab fis-sit ta' Radio Free Europe/Radio Liberty (RFE/RFL).
No comments:
Post a Comment