Is-Sibt, 28 ta’ Jannar 2012

Persekuzzjoni Politika fl-Ukrajna (10)

Julia Timoxenko ma' bintha Jevhenja u żewġha
Oleksander waqt il-ġuri f'Ottubru
SANZJONIJIET KONTRA       L-UKRAJNA JEKK MA TINĦELISX TIMOXENKO
Komplew jaslu aktar kundanni u appelli kontra l-President awtoritarju tal-Ukrajna Viktor Janukoviċ, u issa anki theddid ta' sanzonijiet, kemm-il darba hu ma jeħlisx lill-Kap tal-Oppożizzjoni Julia Timoxenko mill-ħabs fejn qed tiskonta sentenza ta' seba' snin fuq akkużi meqjusa bħala motivati politikament kemm  mill-oppożizzjoni kif ukoll mill-Punent.
Kien imiss il-bieraħ lill-Assemblea Parlamentari tal-Kunsill tal-Ewropa (PACE) li, f'riżoluzzjoni mgħoddija l-bieraħ fi Strasburg dwar il-funzjoni tal-istituzzjonijiet demokratiċi fl-Ukrajna, tħeġġeġ lill-President Ukrajn biex jikkunsidra l-mezzi legali kollha possibbli biex jeħles lill-eks-Prim Ministru Timoxenko u eks-membri oħra tal-gvern, ħalli jkunu jistgħu jieħdu sehem fl-elezzjonijiet parlamentari li jmiss.
L-Assemblea appellat lill-awtoritajiet Ukrajni biex immedjatament jibdlu ż-żewġ artikli fil-liġi (ta' żmien ir-reġim Komunista) li taħthom Timoxenko ġiet dikjarata ħatja, ħalli dawn jiġu konformi mal-liġijiet Ewropej, u li jiġu rtirati l-akkużi kontra eks uffiċjali tal-gvern.
Jekk l-awtoritajiet Ukrajni ma jagħmlux dan, ir-riżoluzzjoni tipproponi li jiġu introdotti sanzjonijiet kontra l-Ukrajna.

Sadanittant bint Timoxenko, Jevħenja ġiet mistiedna tieħu sehem waqt dibattitu nhar l-Erbgħa l-1 ta' Frar fis-Senat Amerikan, li se jiddiskuti s-sitwazzjoni fl-Ukrajna. Jevħejna lmentat kemm-il darba li ommha mhix qed tingħata l-kura medika kwalifikata li tant teħtieġ, u li saħħitha dejjem sejra lura. Żewġha Oleksandr spiċċa jitlob kenn politiku fir-Repubbika Ċeka, ħalli l-awtoritajiet Ukrajni ma jkunux jistgħu jużaw lill-familja tagħha biex jirrikattaw lil Julia Timoxenko.

No comments:

Post a Comment

Wider Two Column Modification courtesy of The Blogger Guide