Il-Ħamis, 26 ta’ Jannar 2012

Kriżi Politika f'Pajjiżna wkoll (4)

ĦADD SPASSJONATAMENT MA JAQBEL LI SSIR ELEZZJONI BIKRIJA
Matul dawn l-aħħar ġimgħat, fost tant inċertezza fil-kriżi politika li għaddejna minnha, ħaġa ħarġet ċara: il-poplu Malti ma jaqbilx li bħalissa – fil-qagħda internazzjonali mwiergħa li matul din is-sena mistennija teħżien – għandha ssir elezzjoni bikrija.
Mill-mod kif irriżultat il-votazzjoni dwar mozzjoni ta' sfiduċja fil-gvern dalgħodu, jidher li l-maġġoranza tad-deputati parlamentari – inkluż d-deputat tal-gvern li wera nuqqas ta' qbil mal-istess gvern  tiegħu – fehmu dan u fehmu x-xewqa tal-poplu, għax il-mozzjoni m'għadditx, u b'hekk il-gvern ma waqax, u allura m'hemmx għalfejn issir elezzjoni qabel iż-żmien, li jiena dejjem insistejt li mhix fl-interess nazzjonali.
Fid-diskors tiegħu qabel il-vot il-Prim Ministru staqsa hekk:
"Hawn xi ħadd jgħidli, imma xi ħadd oġġettivament, spassjonatament, li m'għandux interessi partiġġjani, li Malta jaqblilha li jkollha elezzjoni bikrija?'
Jidher li dan il-messaġġ wasal u kkonvinċa lill-maġġoranza fil-parlament Malti, u l-ebda wieħed minn
dawk li vvutaw kontra l-mozzjoni ta' sfiduċja mressqa  mill-oppożizzjoni ma ried jieħu r-responsabbiltà li jixħet lill-pajjiż f'ġimgħat ta' inċertezza u instabbilità ta' kampanja elettorali.
Madankollu l-Prim Ministru ammetta li fis-sitwazzjoni interna "ma jfissirx li kollox huwa business as usual. Il-verità hi li biex inkomplu nimxu 'l quddiem, jiena rrid nara li jkolli l-partit tiegħi kollu kemm hu jappoġġja l-politika tal-gvern, u allura nittama li fil-ġranet li ġejjin inkunu nistgħu ukoll nieħdu l-inizjattivi interni fil-partit biex naċċertaw li l-gvern ikollu l-partit kollu warajh f'dan il-mument importanti għall-pajjiżna."
Nittamaw li b'rieda tajba minn kulħadd dan iseħħ ma jdumx ħalli titneħħa dik il-preċessjoini ta' instabbilità li setgħet inħolqot, u li xejn ma hija fl-interess nazzjonali.

No comments:

Post a Comment

Wider Two Column Modification courtesy of The Blogger Guide