Is-Sibt, 7 ta’ Jannar 2012

Imiss lill-Ungerija?

JUŻAW IL-KRIŻI EKONOMIKA BIEX JIBDLU L-GVERNIJIET
Lloyd Blankfein, Uffiċjal Esekuttiv tal-Goldman Sachs jifraħ
bin-nies tiegħu fl-Irlanda (Sutherland, "Salvatur tal-ekonomija"
fil-Bank Ċentrali Ewropew (Draghi, President), fl-Italja
(Monti, Prim Ministru) u fil-Greċja (Papademos, Prim
Ministru). Issa jmiss lill-Ungerija?
Min isegwi l-kitba tiegħi f'In-Nazzjon kull nhar ta' Ħamis jaf li bħalissa qed jippreokkupani l-fatt li l-kriżi ekonomika/finanzjarja li qed tħarbat lid-dinja wara li xterrdet mill-Amerika u  ill-Greċja, qed tintuża minn istituzzjonijiet finanzjarji mondjali, bħal Goldman Sachs u l-hekk imsejħa Trilateral Commission biex jiddettaw u jibdlu gvernijiet eletti demokratikament fl-Ewropa ma' oħrajn hekk imsejħa 'tekniċi', immexxija b'kumbinazzjoni minn  nies midħla tagħhom.
Hekk ġara fil-Greċja, fl-Irlanda u fl-Italja, u jidher li dan il-'pjan' se jkompli matul din is-sena ġdida. Jekk, s'issa, x'aktarx li Franza u l-Ġermanja mhux se jintmissu, u Spanja bil-gvern ġdid ĊentruLemini li għadu kif ħa l-ġurament, proprju lejn tmiem is-sena li ntemmet beda jberraq għall-Ungerija.
Hemmhekk, wara żewġ gvernijiet ĊentruXellugin diżastrużi għall-pajjiż kien spiċċa fost l-aktar pajjiżi li ħassew r-riċessjoni u f'waħda mill-ikbar kriżijiet ekonomiċi gravi f'dawn l-aħħar għaxar snin, kriżi li bdiet taħt l-ewwel gvern Soċjalista li kien tela' fl-2002.
Bir-raġun kollu, għalhekk, il-poplu f'April tal-2010 ta maġġoranza assoluta ta' voti u siġġijiet fil-parlament lill-koalizzjoni ĊentruLeminija tal-Partit 'Unjoni Ċivika' u dak Demokristjan, fejn kellhom maġġoranza komda ta' żewġ terzi (ara l-post tat-12-04-2010)
B'hekk l-gvern immexxi minn Viktor Orban ta  bidu għall-kostituzzjoni ġdida biex tieħu post dik ta' żmien ir-reġim Komunista, li fiha kienu saru biss xi emendi tul is-snin.
Din daħlet fis-seħħ il-Ħadd li għadda l-1 ta' Jannar, fost kritika istigata minn imkejjen u gvernijiet Xellugin, li bdew jallegaw li l-kostituzzjoni u miżuri li ħa l-gvern ta' Orban kienu qed jagħmlu l-pajjiż wieħed dejjem aktar awtokratiku, filwaqt li lmentaw ukoll mill-fatt li l-gvern kien qed ifittex li jkollu aktar kontroll fuq il-Bank Ċentrali Ungeriż.
Mill-banda l-oħra hawn qabżu wkoll istituzzjonijiet finanzjarji Ewropej u l-Fond Monetarju Internazzjonali (FMI) jheddu li ma kienux se jagħtu faċilità ta' kreditu ġdid lill-Ungerija li tkujnn tistà tirrikorri għalih f'każ ta' emerġenza fiskali akbar, wara li self li kien għamel il-gvern Soċjalista ntuża b'mod irresponsabbli.
Dan wassal anki biex imkejjen Xellugin (fosthom l-organu Komunista Taljan Il Manifesto) waslu biex appuntu jinsistu li minflok il-gvern mtella' b'maġġoranza assoluta mill-poplu Ungeriż, jitpoġġa gvern tekniku!
Il-Prim Ministru Orban, però, f'konferenza stampa li għamel il-bieraħ wera li għadu fiduċjuż li t-taħditiet li se jkollu mal-FMI u l-Unjoni Ewropea fil-jiem li ġejjin ma jtulux u jkunu suċċess.
Jiena nżied li jekk m'hemmx min għandu skopijiet ulterjuri  dan iseħħ. Nistennew u naraw. jekk il-poter tal-flus huwiex se jkompli jizvojta d-demokrazija.

No comments:

Post a Comment

Wider Two Column Modification courtesy of The Blogger Guide