IL-MAĠĠORANZA TAL-POPLU MA TRIDX ELEZZJONI BIKRIJA
Għaddiet ġimgħa minn meta kkummentajt dwar il-kriżi politika li faqqgħet f'Malta, u għamiltha ċara li dan kont qed nagħmlu biss fl-Interess Nazzjonali mhux partiġġjan.Il-kriżi bdiet meta deputat tal-gvern f'nuqqas ta' qbil mat-tmexxija tal-gvern u tal-partit tiegħu iddikjara li ma kienx se jivvota favur il-gvern f'każ ta' vot li tfisser fiduċja fil-gvern, filwaqt li l-gvern u l-partit qalulu li allura għandu jirriżenja jekk kien se jibqà isostni dan.
Sal-mument li qed nikteb id-deputat in kwistjoni għadu bl-istess intenzjoni, filwaqt li l-partit tiegħu għadu qed jappellalu biex jerġà jaħsibha, fl-interess nazzjonali, mhux tal-partit. Żvilupp importanti minn ġimgħa ilu huwa li l-Oppożizzjoni ressqet mozzjoni li tgħid li l-Kamra "m'għandiex fiduċja fil-Gvern." Allura din issa trid tiġi dibattuta l-ġimgħa d-dieħla, nhar il-Ħamis, b'riżultat li sakemm qed nikteb għadu inċert.
Iżda minn jumejn 'l hawn kien hemm żvilupp ieħor importanti:
Minn żewġ sorsi differenti ħareġ li l-maġġoranza assoluta tal-poplu ma tridx li ssir elezzjoni bikrija.
Waqt il-programmn popolari "Xarabank" fuq l-istazzjon nazzjonali t-telespetturi ntalbu jċemplu u jgħidu jekk jaqblux li ssir elezzjoni qabel iż-żmien. 76.5% qalu "Le", ma jaqblux. Kienu biss 23.5% li riedu li ssir elezzjoni bikrija. Imma dan ma kienx biżżejjed.
Illum is-Sunday Times of Malta ppubblikat sondaġġ, opinion poll ieħor li minnu wkoll reġà ħareġ ċar li l-poplu ma jħossx li hu għaqli u fl-Interess Nazzjonali li ssir elezzjoni issa. 56.3% ma jridux li ssir issa, jew ma jafux.
Ir-raġunijiet li dan m'għandux isir hija wkoll għax numru kbir minn dawk mistoqsija, 43.5% qalu li għadhom ma jafux lil min se jivvutaw, ma riedux iwieġbu jew s'issa m'għandhomx ħsieb jivvutaw.
Fl-Interess Nazzjonali, quddiem dak li għaddej barra minn pajjiżna, kulħadd, Gvern, Oppożizzjoni, Deputati kollha fil-Parlament Malti għandhom jixtarru sewwa dan il-messaġġ, din l-indikazzjoni tax-xewqa tal-poplu sovran.
Quddiem l-agħar klima ekonomika li qatt iffaċċjat l-Ewropa f'dan l-aħħar seklu, jkun irresponsabbli u żgur mhux fl-Interess Nazzjonali li xi ħadd jisforza elezzjoni bikrija. Elezzjoni dejjem tmajna l-attività ekonomika, aħaseb u ara elezzjoni bikrija, mhux mistennija. Hija żgur l-inqas ħaġa li għandu bżonn bħalissa l-pajjiż.
Fid-dawl ta' dak li għaddew pajjiżi oħra li sfaw umiljati, umilment għandi żewġ suġġerimenti fl-Interess Nazzjonali:
1. Li d-deputat in kwistjoni jieqaf mill-atteġġjamenti tiegħu, issa li aktar milli spjega l-pożizzjoni tiegħu, u jkompli jinsisti u jirsisti għal dak li jemmen fih fi ħdan il-partit tiegħu u fil-parlament, bħalma kien hemm min fil-fatt għamel. Iżda jekk le
2. L-Oppożizzjoni tirtira l-Mozzjoni ta' Sfiduċja, u fl-Interess Nazzjonali jintlaħaq ftehim bejn iż-żewġ naħat tal-Kamra għal programm leġislattiv limitat sa' tmiem din il-leġislatura, u forsi wkoll dwar tibdil Kostituzzjonali li jiggarantixxi li jekk partit jikseb il-maġġoranza tal-voti u jispiċċa b'maġġoranza ta' siġġu wieħed f'parlament b'żewġ partiti biss, dawn jiżdiedulu għal tlieta biex tiġi żgurata l-istabbilità u fl-Interess Nazzjonali, issa li ż-żewġ partiti, u l-pajjiż, għaddew mill-istess esperjenza.
Dawn huma l-ħsibijiet tiegħi bħalissa.
Fl-Interess Nazzjonali. L-uniku interess tiegħi, u ta' kull PATRIJOTT MALTI
No comments:
Post a Comment