Il-Ħadd, 8 ta’ Jannar 2012

Kriżi Politika f'Pajjiżna wkoll

MALTA L-EWWEL U QABEL KOLLOX
Dawk kollha li ilhom isegwu dan il-blog tiegħi għal dawn l-aħħar sentejn u tlett xhur jafu li qatt ma ttrattajt l-politika lokali partiġġjana, skond il-wegħda li kont għamilt meta bdejtu, u li ġbartha f'sentenza li tidher regolarment fl-aħħar tal-blog, isfel.
Iżda l-iżviluppi politiċi ta' dawn l-aħħar tlett ijiem fissru li Malta tinsab fi kriżi politika. Għalhekk ma stajtx ma nikkummentax dwarha  bħalma, wara kollox, nagħmel f'każi simili f'pajjiżi barranin. Dan, però, mhux se nagħmlu b'mod partiġġjan, għalkemm politikament kulħadd jaf fejn ninsab, u ideoloġikament iddikjarajtu ċar fil-profil tiegħi f'dan il-blog: fuq il-Lemin.
Għalhekk se nittratta din il-kriżi mil-lat tal-Interess Nazzjonali, nazzjonali mhux Nazzjonalista partiġġjan.
Ma stajtx l-ewwelnett ma ninnutax ix-xebħ bejn dak li ġara f'Malta u dak li seħħ fl-Italja.
Fiż-żewġ każi gvern ĊentruLemini spiċċa bil-maġġoranza mhedda minn deputat/i fil-gvern, u dan meta ż-żewġ gvernijet kienu qed jagħmlu ħilithom kollha biex jaffrontaw il-problemi finanzjarji/ekonomiċi li sabu rwieħhom fihom minħabba l-kriżi finanzjarja/ekonomika  li faqqgħet fid-dinja.
Għalkemm kien għadu ma sofrix vot ta' sfiduċja l-gvern Taljan, bl-oppożizzjoni lesta biex tivvota kontrih, għażel li, fl-Interess Nazzjonali jwarrab u filwaqt li l-pajjiż spiċċa bi gvern tekniku, mhux mtella' mill-poplu, għamilha ċara li kien jistenna li l-poplu ma jdumx ma jingħata d-dritt jerġà jagħżel il-gvern li jrid hu.
F'Malta nittamaw li ma nispiċċawx hekk, u probabbli ma nispiċċawx hekk, minħabba li pajjiżna, b'xorti tajba,  żgħir wisq biex l-ispekulaturi internazzjonali 'jinteressaw' ruħhom fina!
Iżda bħal f'Malta, il-kriżi fl-Italja bdiet minħabba l-ambizzjoni personali ta' deputat fil-gvern, Gianfranco Fini, li warrab għal kollox l-Interess Nazzjonali, meta mill-karriera politika tiegħu ħadd ma stenna l-pass ta' tradiment li ħa, mhux biss fil-konfront tal-gvern biss, iżda lejn dawk kollha li vvutaw lilu u lill-sħabu li ngħaqdu miegħu.
Imma niġu lura Malta.
Sakemm qed  nikteb kemm il-Prim Ministru kif ukoll id-deputat in kwistjoni għadhom qed iżommu l-pożizzjoni rispettiva tagħhom: dan tal-aħħar qed jhedded li se jivvota kontra l-gvern jekk ikun hemm vot ta' fiduċja, kemm-il darba il-PM u Kap tal-PN ma jirriżenjax, filwaqt li l-Prim Ministru f'intervista li ta llum lis-Sunday Times, qal dawn il-preċiżi kelmiet:
"If it were the only way (resign) to see the country moving forward; if it were the only way to see Malta avoiding the humiliation that I’ve seen taking place in other countries; if it is the only way where Malta can avoid having to go through what other countries have gone through, then I will do it. At the end of the day I am in politics to serve the country – not to control the country."
Dikjarazzjoni mill-aktar responsabbli ta' statista, filwaqt li kompla li fl-istess ħin jistenna li d-deputat in kwistjoni ma fadallux triq oħra għajr li jirriżenja, mhux l-aktar għax ittradixxa lilu u lill-partit li telgħa fil-miegħu fil-parlament, iżda fuq kollox il-fiduċja ta' dawk li vvutawlu.
Jekk dan ma jsirx, l-alternattiva fl-Interess Nazzjonali li qed nara hija din:
Meta tqies li la d-deputat u lanqas l-Oppożizzjoni ma qalu li se jressqu huma vot ta' sfiduċja, f'ġieħ l-istabbilità, fis-sitwazzjoni mwiergħa internazzjonali, bl-2012 mistennija tkun agħar mis-sentejn li għaddew, il-gvern għandu jibqà jmexxi l-pajjiż, anki jekk jivvota kontrih dak id-deputat – dan mill-inqas sa' budget ieħor lejn tmiem din is-sena, minħabba li gvern jistà jaqa' biss f'vot dirett ta' sfiduċja jew vot finanzjarju. bħal appuntu l-budget.
Hawnhekk tkun l-Oppożizzjoni li trid turi lill-poplu li hija responsabbli aktar minn dak id-deputat, u ma tippruvax tixħet lill-pajjiż fl-instabbilità li ġġib magħha kampanja elettorali u pajjiż bla gvern elett demokratikament, minħabba, wara kollox, il-kapriċċ/pika personali ta' bniedem wieħed.
Irrid nemmen li l-Oppożizzjoni Maltija hija aktar konxja tal-veru Interess Nazzjonali minn dik Taljana, li l-ewwel għamlet minn kollox biex tfixkel il-gvern li kien hemm, u wara li dan warrab, bdiet tappoġġja ieħor tekniku (li ma vvutax għalih il-poplu) u vvutat favur miżuri ta' awsterità tant meħtieġa biex jiġu salvati l-finanzi u l-ekonomija tal-pajjiż  – miżuri li għax kien se jressaqhom il-gvern ta' qabel elett demokratikament, kienu lesti jivvutaw kontrihom, basta jwaqqgħu il-gvern qabel iż-żmien!
Fil-jiem, ġimgħat u xhur li ġejjin il-poplu se jkun jaf min għalih verament Malta tiġi l-Ewwel u Qabel Kollox, u mhux l-ispekulaturi li qed jagħmlu xalata sħiħa mis-sovranità nazzjonali ta' pajjiżi oħra.
Din ma tkunx l-ewwel darba li l-klassi politika ngħaqdet fl-Interess Nazzjonali: kważi 55 sena ilu hekk sar bil-Break With Britain Resolution.
Dan hu l-uniku interess tiegħi f'din il-kriżi: l-Interess Nazzjonali. Tiegħi u ta' kull PATRIJOTT MALTI.

No comments:

Post a Comment

Wider Two Column Modification courtesy of The Blogger Guide