Is-Sibt, 28 ta’ Jannar 2012

Wara l-Libja s-Sirja

MERĊENARJI IRANJANI KONTRA L-POPLU SIRJAN
Hekk kif din il-ġimgħa għaddiet sena minn meta  sena l-poplu Sirjan beda jipprotesta kontra r-reġim awtoritarju ta' Baxar al-Assad, bil-pulizija u l-armata tispara bl-adooċċ fuq id-dimostranti bil-vittmi stmati li jersqu qrib is-7000, b'madwar 400 minnhom tfal.
Minkejja l-appelli li sarulu mid-dinja kollha, Assad baqa' jinjorahom u jisfidahom, u bdew jaslu rapporti li l-gvern kien qed jimpjega anki eks-ħabsin biex jispjunaw, iwaqqfu r-rewwixti u anki joqltu. Dawn kienu qed jitħallsu €20 kuljum!
Jekk dan ma kienx biżżejjed l-Armata Ħielsa tas-Sirja din il-ġimgħa qalet li qabdet ħames Iranjani li nstab li huma suldati regolari, anzi tal-Gwardja tar-Rivoluzzjoni speċjali tar-reġim l-ieħor ġirien tal-Iran, minn fejn Assad ġabhom  apposta biex jgħinuh jeqred ir-rewwixta, għax probabbli ma bediex jafda li s-suldati se jkomplu jobdu l-ordnijiet biex joqltu lill-istess nieshom – l-istess bħalma kien jagħmel Gaddafi meta wkoll kien beda jġib il-merċenarji kontra l-poplu tiegħu.
Iżda filwaqt li Gaddafi ma kienx iħabbel rasu jiċħad dan,  mill-Iran ċaħdu dan l-indħil fir-Sirjan u qalu li l-ħames Iranjani li jidhru f'filmat li xandret l-Armata Ħielsa Sirjana kienu biss inġiniera Iranjani li nħatfu mir-ribelli Sirjani.
Il-filmat juri ħamest irġiel lebsin l-istess bl-iswed  b'azzarin Russu minn dawk li jużaw l-armata Sirjana, mingħajr  warajhom, b'wieħed minnhom jammetti li daħlu fis-Sirja f'Ottubru u f'dati oħra biex mjgħinu lis-servizz sigriet Sirjan iwaqqfu lid-dimostranti u jammetti li soaraw u qatlu nies ċivili, anki nisa u tfal, fuq ordnijiet mis-servizz sigriet tal-qawwa tal-ajru Sirjana u direttament mill-Ajjatollaħ Kamenej tal-Iran.
Sa' mill-ewwel xahar tal-protesti bdew joħorġu rapporti li l-alleati ta' Assad fil-Libanu u l-Iran kienu qed jibgħatu nies u suldati biex jgħinuh biex ikisser id-dimostrazzjonijiet bil-forza.
Dan għax dawk ir-reġimi wkoll ma jridu li jinbidel xejn fir-reġjun, għax inkella l-popli tagħhom jitħajru!
Prova oħra ta' dan ħarġu biha l-militari Iżraeljani meta osservaw li f'filmati tar-repressjoni bdew jidhru militari bid-daqna, meta s-suldati Sirjani huma projbiti milli jħallu d-daqna tikber.
Għalhrkk il-poplu Sirjan ma jistax jitħalla waħdu jiġġieled u jinqatel anki minn qawwiet barranin, u filwaqt li veru li dejjem qed jikbru s-sanzjonijiet kontra r-reġim ta' Assad, forsi wasal iż-żmien ta' intervent aktar dirett mill-komunità internazzjonali, bħalma sar fil-Libja.
Dan hu l-filmat kif intwera fuq l-istazzjon Aljazeera:

Persekuzzjoni Politika fl-Ukrajna (10)

Julia Timoxenko ma' bintha Jevhenja u żewġha
Oleksander waqt il-ġuri f'Ottubru
SANZJONIJIET KONTRA       L-UKRAJNA JEKK MA TINĦELISX TIMOXENKO
Komplew jaslu aktar kundanni u appelli kontra l-President awtoritarju tal-Ukrajna Viktor Janukoviċ, u issa anki theddid ta' sanzonijiet, kemm-il darba hu ma jeħlisx lill-Kap tal-Oppożizzjoni Julia Timoxenko mill-ħabs fejn qed tiskonta sentenza ta' seba' snin fuq akkużi meqjusa bħala motivati politikament kemm  mill-oppożizzjoni kif ukoll mill-Punent.
Kien imiss il-bieraħ lill-Assemblea Parlamentari tal-Kunsill tal-Ewropa (PACE) li, f'riżoluzzjoni mgħoddija l-bieraħ fi Strasburg dwar il-funzjoni tal-istituzzjonijiet demokratiċi fl-Ukrajna, tħeġġeġ lill-President Ukrajn biex jikkunsidra l-mezzi legali kollha possibbli biex jeħles lill-eks-Prim Ministru Timoxenko u eks-membri oħra tal-gvern, ħalli jkunu jistgħu jieħdu sehem fl-elezzjonijiet parlamentari li jmiss.
L-Assemblea appellat lill-awtoritajiet Ukrajni biex immedjatament jibdlu ż-żewġ artikli fil-liġi (ta' żmien ir-reġim Komunista) li taħthom Timoxenko ġiet dikjarata ħatja, ħalli dawn jiġu konformi mal-liġijiet Ewropej, u li jiġu rtirati l-akkużi kontra eks uffiċjali tal-gvern.
Jekk l-awtoritajiet Ukrajni ma jagħmlux dan, ir-riżoluzzjoni tipproponi li jiġu introdotti sanzjonijiet kontra l-Ukrajna.

Sadanittant bint Timoxenko, Jevħenja ġiet mistiedna tieħu sehem waqt dibattitu nhar l-Erbgħa l-1 ta' Frar fis-Senat Amerikan, li se jiddiskuti s-sitwazzjoni fl-Ukrajna. Jevħejna lmentat kemm-il darba li ommha mhix qed tingħata l-kura medika kwalifikata li tant teħtieġ, u li saħħitha dejjem sejra lura. Żewġha Oleksandr spiċċa jitlob kenn politiku fir-Repubbika Ċeka, ħalli l-awtoritajiet Ukrajni ma jkunux jistgħu jużaw lill-familja tagħha biex jirrikattaw lil Julia Timoxenko.

Il-Ġimgħa, 27 ta’ Jannar 2012

Rebbiegħa tal-Libertà fl-Asja ? (4)

PROBABBLI MHUX LESTI GĦAL RIVOLUZZJONI, IMMA ...
L-elezzjonijiet parlamentari fir-Repubblika eks-Sovjetika fl-Asja Ċentrali, il-Każakstan, ġew u għaddew, u, bħalma kien mistenni, kollox baqa' kif kien, u bħalma wara kollox kont inbassar fil-post tiegħi hawnhekk meta bdejt insegwi l-protesti li bdew fil-belt ta' Żanawzen minn ħaddiema fl-industrja taż-żejt li spiċċaw fi 19 maqtula u mal-100 oħra feruti mill-pulizija u mill-qawwiet armati tal-President awtoritarju Nażarbajev.
Wara dawk l-agħar inċidenti fl-istorja ta' 20 sena mill-indipendenza ta' pajjiż li kien kiseb fama għall-istabbilità politika u soċjali, il-poplu mar jivvota bit-tama li din id-darba partit verament ta' oppożizzjoni jikseb għallinqas rappreżentanza f'parlament dominat mill-parit ta' Nażarbajev Nur Otan.
Iżda filwaqt li veru ma' dan il-partit żdiedu tnejn oħra, dawn huma t-tnejn favur ir-reġim, u l-elezzjoni farsa tat maġġoranza assoluta ta' 81% tal-voti u 83 siġġu mill-108 tal-parlament, bl-uniku partit verament ta' oppożizzjoni, dak SoċjalDemokratiku Nazzjonali (OSDP) ma jirnexxielux jaqbeż is-7% tal-voti meħtieġa, anzi jnaqqas il-voti mill-aħħar elezzjoni. Mill-banda l-oħra din id-darba marru jivvutaw iżjed minn dakinhar, probabbli, għax emmnu li sata' ikun hemm oppożizzjoni vera, anki jekk żgħira, fil-parlament.
Filwaqt li l-oppożizzjoni kkundannat irregularitajiet  u frodi fl-elezzjoni, l-OSCE u d-Dipartiment ta' Stat Amerikan ma kkunsidrawhix demokratika.
L-istess kien il-każ tal-elezzjoni presidenzjali f'April tas-sena l-oħra meta Nażarbajev kiseb 95.5% tal-voti!
Mexxejja tal-OSDP ikkonkludew li wara dawn l-elezzjonijiet kull tama li l-awtoritajiet jirriformaw lilhom infushom issa għebu.
Il-fatti huma li Nażarbajev huwa awtokratu, imma hu jgawdi popolarità ġenwina mal-poplu li jidher lest ipartat l-libertà politika mal-istabbilità u tkabbir ekonomiku grazzi għall-industrja taż-żejt minkejja l-kriżi globali, bil-Prodott Gross Domestiku tal-Każakstan jikber b'7.5% is-sena li għaddiet.
Il-poplu huwa wkoll rikonoxxenrti lejn Nażarbajev talli rnexxielu jżomm l-bilanċ delikat f'dan il-pajjiż kosmopolitan ta' 130 grupp etniku.
Għalhekk osservaturi jħossu li s-sogru ta' xi "Rebbiegħa Każaka" ma jezistix fil-futur qarib. Wara r-riżultat tal-elezzjoni kienu madwar xi 100 ruħ biss li marru jipprotestaw fil-belt industrjali ta' Almaj, u huwa għalhekk li għada s-Sibt l-OSDP beħsiebu jorganizza oħra li qed jgħid li se tkun ikbar.
Ma' dan kollu wieħed irid iżied li forsi l-appoġġ mill-Punent lill-oppożizzjoni mhux daqstant konkret u sostanzjali, u s'issa kien limitat għall-kundanni verbali.
Kien hemm min nħass li r-raġuni hija li mill-Każakstan tgħaddi merkanzija vitali mill-Punent lejn l-Afganistan, hekk kif l-Pakistan qed dejjem aktar isir instabbli u ma tistax tafda fuqu.
Hawn fuq filmat li juri għadd ta' poloz tal-votazzjoni diġà mimlija (favur il-partit tal-president) jinxteħtu fil-kaxxa tal-voti fil-Post tal-Votazzjoni numru 374 qrib il-kapitali Almaj, b'oħrajn jippruvaw jgħattu l-kamera u jfixklu l-ifflmjar. Il-filmat jinsab fis-sit ta' Radio Free Europe/Radio Liberty (RFE/RFL).

Il-Ħamis, 26 ta’ Jannar 2012

Kriżi Politika f'Pajjiżna wkoll (4)

ĦADD SPASSJONATAMENT MA JAQBEL LI SSIR ELEZZJONI BIKRIJA
Matul dawn l-aħħar ġimgħat, fost tant inċertezza fil-kriżi politika li għaddejna minnha, ħaġa ħarġet ċara: il-poplu Malti ma jaqbilx li bħalissa – fil-qagħda internazzjonali mwiergħa li matul din is-sena mistennija teħżien – għandha ssir elezzjoni bikrija.
Mill-mod kif irriżultat il-votazzjoni dwar mozzjoni ta' sfiduċja fil-gvern dalgħodu, jidher li l-maġġoranza tad-deputati parlamentari – inkluż d-deputat tal-gvern li wera nuqqas ta' qbil mal-istess gvern  tiegħu – fehmu dan u fehmu x-xewqa tal-poplu, għax il-mozzjoni m'għadditx, u b'hekk il-gvern ma waqax, u allura m'hemmx għalfejn issir elezzjoni qabel iż-żmien, li jiena dejjem insistejt li mhix fl-interess nazzjonali.
Fid-diskors tiegħu qabel il-vot il-Prim Ministru staqsa hekk:
"Hawn xi ħadd jgħidli, imma xi ħadd oġġettivament, spassjonatament, li m'għandux interessi partiġġjani, li Malta jaqblilha li jkollha elezzjoni bikrija?'
Jidher li dan il-messaġġ wasal u kkonvinċa lill-maġġoranza fil-parlament Malti, u l-ebda wieħed minn
dawk li vvutaw kontra l-mozzjoni ta' sfiduċja mressqa  mill-oppożizzjoni ma ried jieħu r-responsabbiltà li jixħet lill-pajjiż f'ġimgħat ta' inċertezza u instabbilità ta' kampanja elettorali.
Madankollu l-Prim Ministru ammetta li fis-sitwazzjoni interna "ma jfissirx li kollox huwa business as usual. Il-verità hi li biex inkomplu nimxu 'l quddiem, jiena rrid nara li jkolli l-partit tiegħi kollu kemm hu jappoġġja l-politika tal-gvern, u allura nittama li fil-ġranet li ġejjin inkunu nistgħu ukoll nieħdu l-inizjattivi interni fil-partit biex naċċertaw li l-gvern ikollu l-partit kollu warajh f'dan il-mument importanti għall-pajjiżna."
Nittamaw li b'rieda tajba minn kulħadd dan iseħħ ma jdumx ħalli titneħħa dik il-preċessjoini ta' instabbilità li setgħet inħolqot, u li xejn ma hija fl-interess nazzjonali.

Il-Ħadd, 22 ta’ Jannar 2012

Kriżi Politika f'Pajjiżna wkoll (3)

LEJN SOLUZZJONI ...NAĦA JEW OĦRA
Jidher il-ġimgħa li għaddiet kontra dak li kien mistenni ma wasslet imkien, din li ġejja se tkun deċiżiva għall-kriżi politika f'pajjiżna.
Li ġara kien li wara t-Tnejn li għadda ltaqa' l-Kumitat Konġunt Parlamentari ntlaħaq ftehim li d-dibattitu dwar il-Mozzjoni ta' Fiduċja mressqa mill-Oppożizzjoni jibda għada t-Tnejn u jibqà sejjer sa' nhar l-Erbgħa, biex mbagħad il-vot jittieħed nhar il-Ħamis f'Nofsinhar.
Għal darb'oħra, sakemm qed nikteb, id-deputat tal-gvern li kien qed jhedded li ma jivvutax favur il-gvern fil-mozzjoni mressqa mill-Oppożizzjoni, gġad tal-istess idea.
Mill-banda l-oħra, anki l-Prim Ministru dalgħodu ddikjara li lest jasal għal soluzzjoni basta f'din is-soluzzjoni
1) Il-ftehim ikun ċar u jibqà jgħodd sal-aħħar ta' din il-leġislatura, u mhux sal-Ħamis biss;
2) ma jkun hemm ebda kundizzjoni għall-ftehim; u
3) is-soluzzjoni ma tfixkilx lil dan il-gvern milli jħaddem u jwettaq il-programm kollu li l-poplu vvota favurih fl-aħħar elezzjoni.
Wara dan id-diskors, imbagħad, sar magħruf li f'Kastilja saret laqgħqa mitluba mill-Prim Ministru mad-deputat tal-gvern in kwistjoni, u li għaliha kien preżenti wkoll il-Viċi-Prim Ministru. Filwaqt li ma nħareġ xejn uffiċjali, u d-deputat ma riedx jikkummenta, intqal li l-laqgħa kienet waħda qasira u kordjali.
Jiena ngħid biss li kwalunkwe soluzzjoni trid tkun waħda fl-interess nazzjonali, inkella kulħadd ikollu jġorr ir-responsabbiltà tal-aġir tiegħu l-ġimgħa li ġejja.
U ntemm billi nerġà nfakkar li l-poplu dan l-aħħar wera kemm-il darba li ma jridx elezzjoni bikrija għax mhux fl-interess nazzjonali, fl-interess tiegħu, f'dan il-mument ta' taqlib madwarna, barra l-pajjiż.

Il-Ħadd, 15 ta’ Jannar 2012

Kriżi Politika f'Pajjiżna wkoll (2)

IL-MAĠĠORANZA TAL-POPLU MA TRIDX ELEZZJONI BIKRIJA
Għaddiet ġimgħa minn meta kkummentajt dwar il-kriżi politika li faqqgħet f'Malta, u għamiltha ċara li dan kont qed nagħmlu  biss fl-Interess Nazzjonali mhux partiġġjan.
Il-kriżi bdiet meta deputat tal-gvern f'nuqqas ta' qbil mat-tmexxija tal-gvern u tal-partit tiegħu iddikjara li ma kienx se jivvota favur il-gvern f'każ ta' vot li tfisser fiduċja fil-gvern, filwaqt li l-gvern u l-partit qalulu li allura għandu jirriżenja jekk kien se jibqà isostni dan.
Sal-mument li qed nikteb id-deputat in kwistjoni għadu bl-istess intenzjoni, filwaqt li l-partit tiegħu għadu qed jappellalu biex jerġà jaħsibha, fl-interess nazzjonali, mhux tal-partit.  Żvilupp importanti minn ġimgħa ilu huwa li l-Oppożizzjoni ressqet mozzjoni li tgħid li l-Kamra "m'għandiex fiduċja fil-Gvern." Allura din issa trid tiġi dibattuta l-ġimgħa d-dieħla, nhar il-Ħamis, b'riżultat li sakemm qed  nikteb għadu inċert.
Iżda minn jumejn 'l hawn kien hemm żvilupp ieħor importanti:
Minn żewġ sorsi differenti ħareġ li l-maġġoranza assoluta tal-poplu ma tridx li ssir elezzjoni bikrija.
Waqt il-programmn popolari "Xarabank" fuq l-istazzjon nazzjonali t-telespetturi ntalbu jċemplu u jgħidu jekk jaqblux li ssir elezzjoni qabel iż-żmien. 76.5% qalu "Le", ma jaqblux. Kienu biss 23.5% li riedu li ssir elezzjoni bikrija. Imma dan ma kienx biżżejjed.
Illum is-Sunday Times of Malta ppubblikat sondaġġ, opinion poll ieħor li minnu wkoll reġà ħareġ ċar li l-poplu ma jħossx li hu għaqli u fl-Interess Nazzjonali li ssir elezzjoni issa. 56.3% ma jridux li ssir issa, jew ma jafux.
Ir-raġunijiet li dan m'għandux isir hija wkoll għax numru kbir minn dawk mistoqsija, 43.5% qalu li għadhom ma jafux lil min se jivvutaw, ma riedux iwieġbu jew s'issa m'għandhomx ħsieb jivvutaw.
Fl-Interess Nazzjonali, quddiem dak li għaddej barra minn  pajjiżna,  kulħadd, Gvern, Oppożizzjoni, Deputati kollha fil-Parlament Malti għandhom jixtarru sewwa dan il-messaġġ, din l-indikazzjoni tax-xewqa tal-poplu sovran.
Quddiem l-agħar klima ekonomika li qatt iffaċċjat l-Ewropa f'dan l-aħħar seklu, jkun irresponsabbli u żgur  mhux fl-Interess Nazzjonali li xi ħadd jisforza elezzjoni bikrija. Elezzjoni dejjem tmajna l-attività ekonomika, aħaseb u ara elezzjoni bikrija, mhux mistennija. Hija żgur l-inqas ħaġa li għandu bżonn bħalissa l-pajjiż.
Fid-dawl ta' dak li għaddew pajjiżi oħra li sfaw umiljati, umilment għandi żewġ suġġerimenti fl-Interess Nazzjonali:
1. Li d-deputat in kwistjoni jieqaf mill-atteġġjamenti tiegħu, issa li aktar milli spjega l-pożizzjoni tiegħu, u jkompli jinsisti u jirsisti għal dak li jemmen fih fi ħdan il-partit tiegħu u fil-parlament, bħalma kien hemm  min fil-fatt għamel. Iżda jekk le
2. L-Oppożizzjoni tirtira l-Mozzjoni ta' Sfiduċja, u fl-Interess Nazzjonali jintlaħaq ftehim bejn iż-żewġ naħat tal-Kamra għal programm leġislattiv limitat sa' tmiem din il-leġislatura, u forsi wkoll dwar tibdil Kostituzzjonali li jiggarantixxi li jekk partit jikseb il-maġġoranza tal-voti u jispiċċa b'maġġoranza ta' siġġu wieħed f'parlament b'żewġ partiti biss, dawn jiżdiedulu għal tlieta biex tiġi żgurata l-istabbilità u fl-Interess Nazzjonali, issa li ż-żewġ partiti, u l-pajjiż, għaddew mill-istess esperjenza.
Dawn huma l-ħsibijiet tiegħi bħalissa.
Fl-Interess Nazzjonali. L-uniku interess tiegħi, u ta' kull PATRIJOTT MALTI 

Il-Ħadd, 8 ta’ Jannar 2012

Kriżi Politika f'Pajjiżna wkoll

MALTA L-EWWEL U QABEL KOLLOX
Dawk kollha li ilhom isegwu dan il-blog tiegħi għal dawn l-aħħar sentejn u tlett xhur jafu li qatt ma ttrattajt l-politika lokali partiġġjana, skond il-wegħda li kont għamilt meta bdejtu, u li ġbartha f'sentenza li tidher regolarment fl-aħħar tal-blog, isfel.
Iżda l-iżviluppi politiċi ta' dawn l-aħħar tlett ijiem fissru li Malta tinsab fi kriżi politika. Għalhekk ma stajtx ma nikkummentax dwarha  bħalma, wara kollox, nagħmel f'każi simili f'pajjiżi barranin. Dan, però, mhux se nagħmlu b'mod partiġġjan, għalkemm politikament kulħadd jaf fejn ninsab, u ideoloġikament iddikjarajtu ċar fil-profil tiegħi f'dan il-blog: fuq il-Lemin.
Għalhekk se nittratta din il-kriżi mil-lat tal-Interess Nazzjonali, nazzjonali mhux Nazzjonalista partiġġjan.
Ma stajtx l-ewwelnett ma ninnutax ix-xebħ bejn dak li ġara f'Malta u dak li seħħ fl-Italja.
Fiż-żewġ każi gvern ĊentruLemini spiċċa bil-maġġoranza mhedda minn deputat/i fil-gvern, u dan meta ż-żewġ gvernijet kienu qed jagħmlu ħilithom kollha biex jaffrontaw il-problemi finanzjarji/ekonomiċi li sabu rwieħhom fihom minħabba l-kriżi finanzjarja/ekonomika  li faqqgħet fid-dinja.
Għalkemm kien għadu ma sofrix vot ta' sfiduċja l-gvern Taljan, bl-oppożizzjoni lesta biex tivvota kontrih, għażel li, fl-Interess Nazzjonali jwarrab u filwaqt li l-pajjiż spiċċa bi gvern tekniku, mhux mtella' mill-poplu, għamilha ċara li kien jistenna li l-poplu ma jdumx ma jingħata d-dritt jerġà jagħżel il-gvern li jrid hu.
F'Malta nittamaw li ma nispiċċawx hekk, u probabbli ma nispiċċawx hekk, minħabba li pajjiżna, b'xorti tajba,  żgħir wisq biex l-ispekulaturi internazzjonali 'jinteressaw' ruħhom fina!
Iżda bħal f'Malta, il-kriżi fl-Italja bdiet minħabba l-ambizzjoni personali ta' deputat fil-gvern, Gianfranco Fini, li warrab għal kollox l-Interess Nazzjonali, meta mill-karriera politika tiegħu ħadd ma stenna l-pass ta' tradiment li ħa, mhux biss fil-konfront tal-gvern biss, iżda lejn dawk kollha li vvutaw lilu u lill-sħabu li ngħaqdu miegħu.
Imma niġu lura Malta.
Sakemm qed  nikteb kemm il-Prim Ministru kif ukoll id-deputat in kwistjoni għadhom qed iżommu l-pożizzjoni rispettiva tagħhom: dan tal-aħħar qed jhedded li se jivvota kontra l-gvern jekk ikun hemm vot ta' fiduċja, kemm-il darba il-PM u Kap tal-PN ma jirriżenjax, filwaqt li l-Prim Ministru f'intervista li ta llum lis-Sunday Times, qal dawn il-preċiżi kelmiet:
"If it were the only way (resign) to see the country moving forward; if it were the only way to see Malta avoiding the humiliation that I’ve seen taking place in other countries; if it is the only way where Malta can avoid having to go through what other countries have gone through, then I will do it. At the end of the day I am in politics to serve the country – not to control the country."
Dikjarazzjoni mill-aktar responsabbli ta' statista, filwaqt li kompla li fl-istess ħin jistenna li d-deputat in kwistjoni ma fadallux triq oħra għajr li jirriżenja, mhux l-aktar għax ittradixxa lilu u lill-partit li telgħa fil-miegħu fil-parlament, iżda fuq kollox il-fiduċja ta' dawk li vvutawlu.
Jekk dan ma jsirx, l-alternattiva fl-Interess Nazzjonali li qed nara hija din:
Meta tqies li la d-deputat u lanqas l-Oppożizzjoni ma qalu li se jressqu huma vot ta' sfiduċja, f'ġieħ l-istabbilità, fis-sitwazzjoni mwiergħa internazzjonali, bl-2012 mistennija tkun agħar mis-sentejn li għaddew, il-gvern għandu jibqà jmexxi l-pajjiż, anki jekk jivvota kontrih dak id-deputat – dan mill-inqas sa' budget ieħor lejn tmiem din is-sena, minħabba li gvern jistà jaqa' biss f'vot dirett ta' sfiduċja jew vot finanzjarju. bħal appuntu l-budget.
Hawnhekk tkun l-Oppożizzjoni li trid turi lill-poplu li hija responsabbli aktar minn dak id-deputat, u ma tippruvax tixħet lill-pajjiż fl-instabbilità li ġġib magħha kampanja elettorali u pajjiż bla gvern elett demokratikament, minħabba, wara kollox, il-kapriċċ/pika personali ta' bniedem wieħed.
Irrid nemmen li l-Oppożizzjoni Maltija hija aktar konxja tal-veru Interess Nazzjonali minn dik Taljana, li l-ewwel għamlet minn kollox biex tfixkel il-gvern li kien hemm, u wara li dan warrab, bdiet tappoġġja ieħor tekniku (li ma vvutax għalih il-poplu) u vvutat favur miżuri ta' awsterità tant meħtieġa biex jiġu salvati l-finanzi u l-ekonomija tal-pajjiż  – miżuri li għax kien se jressaqhom il-gvern ta' qabel elett demokratikament, kienu lesti jivvutaw kontrihom, basta jwaqqgħu il-gvern qabel iż-żmien!
Fil-jiem, ġimgħat u xhur li ġejjin il-poplu se jkun jaf min għalih verament Malta tiġi l-Ewwel u Qabel Kollox, u mhux l-ispekulaturi li qed jagħmlu xalata sħiħa mis-sovranità nazzjonali ta' pajjiżi oħra.
Din ma tkunx l-ewwel darba li l-klassi politika ngħaqdet fl-Interess Nazzjonali: kważi 55 sena ilu hekk sar bil-Break With Britain Resolution.
Dan hu l-uniku interess tiegħi f'din il-kriżi: l-Interess Nazzjonali. Tiegħi u ta' kull PATRIJOTT MALTI.

Rebbiegħa tal-Libertà fl-Asja ? (3)

MHUX SE JITĦALLEW JIVVUTAW FIL-BELT TAL-MASSAKRI
Ikompli t-tnaqqir tal-libertà fil-Każakstan, u wara li l-pulizija u l-qawwiet tas-sigurtà qatlu 16-il persuna u ferew mal-100 ħaddiema li kienu qed jipprotestaw fil-belt ta' Żanawzen, u wara li hemmhekk ġie dikjarat stat ta' emerġenza, f'dik il-belt ġiet ukoll sospiża l-elezzjoni u b'hekk mal-50,000 elettur tilfu d-dritt tal-vot, li bi probabbiltà kbira kienu se jkunu fil-maġġoranza kontra l-partit tal-President awtoritarjru Nażarbajev, li ilu jaħkem il-pajjiż Ċentru-Asjatiku sa' minn żmien l-era Sovjetika fl-1989, u wara l-1991, b'elezzjonijiet xejn fier (Ara wkoll l-posts tas-17 u t-23 ta' Diċembru).
Rakjat Alijev waqt l-intervista f'Malta
Sadanittant huwa magħruf li f'Malta, għallinqas sa' Novembru, li għadda kien hawn Rakjat Alijev, l-eks raġel tat-tifla ta' Nażarbajev li kisirha miegħu wara li sar jaf li Alijev kien qed jittama li jieħu postu (ta' Nazarbajev).
Alijev wara kien intbagħat fl-Awstrja bħala viċi Ambaxxatur, u wara bdew jasluilu diversi akkużi ta' frodi, komplotti kontra l-istat u anki fi qtil doppju. Il-gvern Awstrjak irrifjuta t-talba ta' estradizzjoni minn Nażarbajev għax ħass li fil-Każakstan ma kienx hemm garanzjij biżżejjed ta' ġuri fier.
Jidher li minn hemm Alijev ġie jgħix malta ma' martu Awstrjaka, fejn issemma f'xi medja lokali, u deher ukoll f'intervista fuq stazzjon televiżżiv privat K-Plus fit-23 ta' Novembru, bħalma jixhed r-ritratt.
Alijev ippubblika wkoll ktieb dwar ir-reġim ta' Nażarbajev bl-isem ta' "The Godfather-In-Law" li, naturalment ma jistax jinbiegħ jew jinqara fil-Każakstan.

Is-Sibt, 7 ta’ Jannar 2012

Imiss lill-Ungerija?

JUŻAW IL-KRIŻI EKONOMIKA BIEX JIBDLU L-GVERNIJIET
Lloyd Blankfein, Uffiċjal Esekuttiv tal-Goldman Sachs jifraħ
bin-nies tiegħu fl-Irlanda (Sutherland, "Salvatur tal-ekonomija"
fil-Bank Ċentrali Ewropew (Draghi, President), fl-Italja
(Monti, Prim Ministru) u fil-Greċja (Papademos, Prim
Ministru). Issa jmiss lill-Ungerija?
Min isegwi l-kitba tiegħi f'In-Nazzjon kull nhar ta' Ħamis jaf li bħalissa qed jippreokkupani l-fatt li l-kriżi ekonomika/finanzjarja li qed tħarbat lid-dinja wara li xterrdet mill-Amerika u  ill-Greċja, qed tintuża minn istituzzjonijiet finanzjarji mondjali, bħal Goldman Sachs u l-hekk imsejħa Trilateral Commission biex jiddettaw u jibdlu gvernijiet eletti demokratikament fl-Ewropa ma' oħrajn hekk imsejħa 'tekniċi', immexxija b'kumbinazzjoni minn  nies midħla tagħhom.
Hekk ġara fil-Greċja, fl-Irlanda u fl-Italja, u jidher li dan il-'pjan' se jkompli matul din is-sena ġdida. Jekk, s'issa, x'aktarx li Franza u l-Ġermanja mhux se jintmissu, u Spanja bil-gvern ġdid ĊentruLemini li għadu kif ħa l-ġurament, proprju lejn tmiem is-sena li ntemmet beda jberraq għall-Ungerija.
Hemmhekk, wara żewġ gvernijiet ĊentruXellugin diżastrużi għall-pajjiż kien spiċċa fost l-aktar pajjiżi li ħassew r-riċessjoni u f'waħda mill-ikbar kriżijiet ekonomiċi gravi f'dawn l-aħħar għaxar snin, kriżi li bdiet taħt l-ewwel gvern Soċjalista li kien tela' fl-2002.
Bir-raġun kollu, għalhekk, il-poplu f'April tal-2010 ta maġġoranza assoluta ta' voti u siġġijiet fil-parlament lill-koalizzjoni ĊentruLeminija tal-Partit 'Unjoni Ċivika' u dak Demokristjan, fejn kellhom maġġoranza komda ta' żewġ terzi (ara l-post tat-12-04-2010)
B'hekk l-gvern immexxi minn Viktor Orban ta  bidu għall-kostituzzjoni ġdida biex tieħu post dik ta' żmien ir-reġim Komunista, li fiha kienu saru biss xi emendi tul is-snin.
Din daħlet fis-seħħ il-Ħadd li għadda l-1 ta' Jannar, fost kritika istigata minn imkejjen u gvernijiet Xellugin, li bdew jallegaw li l-kostituzzjoni u miżuri li ħa l-gvern ta' Orban kienu qed jagħmlu l-pajjiż wieħed dejjem aktar awtokratiku, filwaqt li lmentaw ukoll mill-fatt li l-gvern kien qed ifittex li jkollu aktar kontroll fuq il-Bank Ċentrali Ungeriż.
Mill-banda l-oħra hawn qabżu wkoll istituzzjonijiet finanzjarji Ewropej u l-Fond Monetarju Internazzjonali (FMI) jheddu li ma kienux se jagħtu faċilità ta' kreditu ġdid lill-Ungerija li tkujnn tistà tirrikorri għalih f'każ ta' emerġenza fiskali akbar, wara li self li kien għamel il-gvern Soċjalista ntuża b'mod irresponsabbli.
Dan wassal anki biex imkejjen Xellugin (fosthom l-organu Komunista Taljan Il Manifesto) waslu biex appuntu jinsistu li minflok il-gvern mtella' b'maġġoranza assoluta mill-poplu Ungeriż, jitpoġġa gvern tekniku!
Il-Prim Ministru Orban, però, f'konferenza stampa li għamel il-bieraħ wera li għadu fiduċjuż li t-taħditiet li se jkollu mal-FMI u l-Unjoni Ewropea fil-jiem li ġejjin ma jtulux u jkunu suċċess.
Jiena nżied li jekk m'hemmx min għandu skopijiet ulterjuri  dan iseħħ. Nistennew u naraw. jekk il-poter tal-flus huwiex se jkompli jizvojta d-demokrazija.
Wider Two Column Modification courtesy of The Blogger Guide