Il-Ġimgħa, 11 ta’ Marzu 2011

Żviluppi importanti dwar il-Libja

L-UE U L-AMERIKANI MA JRIDUX JAFU AKTAR B'GADDAFI
Filwaqt li l-ġellieda għall-ħelsien fil-Libja u anki ċittadini komuni qed jiġu massakrati mir-reġim ta' Gaddafi, il-komunità internazzjonali għad ma rnmexxilhix tiftiehem dwar azzjoni konkreta biex jitwaqqaf dan il-masskru, iżda bejn il-bieraħ u l-lum għallinqas ittieħdu pass importanti mill-mexxejja Ewropej u dawk Amerikani: dawn għamluha ċara li għalihom Gaddafi tilef kull dritt leġittimu li jibqà jiggverna fuq il-poplu Libjan. Fi kliem sempliċi u nieqes mit-tidwir tad-diskors tad-diplomazija, dawn ma jridux jafu aktar bih.
Mhux hekk biss: Fi kliem il-President tal-Kummissjoni Ewropea "Il-problema għandha isem wieħed: Gaddafi". Għalhekk dan għandu jfittex iwarrab.
Barra minhekk – wara li l-Parlament Ewropew il-bieraħ approva, b'maġġoranza assoluta, mozzjoni li titlob lill-gvernijiet Ewropej biex jirrikonoxxu l-Kunsill Nazzjonali Transitorju Temporanju mwaqqaf mill-qawwiet tal-Liberazzjoni – il-mexxejja Ewropej, waqt l-istess summit urġenti tal-lum  tal-Kunsill Ewropew, irrikonoxxa l-istess Kunsill Nazzjonali Libjan f'Bengażi bħala interlokutur politiku validu tal-poplu Libjan, filwaqt li għamillu kuraġġ.
Il-President Nicolas Sarkozy sa wasal biex ħabbar li Franza hija l-ewwel pajjiż li qed jagħraf uffiċjalment lill-Kunsill Nazzjonali Libjan bħala l-gvern leġittimu tal-Libja.
Wara dawn id-dikjarazzjonijiet, il-President Amerikan Barak Obama sostna li d-dinja hija obbligata li ma tħallix li jitwettqu massakri bħal dawk li kienu seħħew fir-Rwanda u fil-Bosnja. Għalhekk id-dinja qed tkompli "tissikka l-ingassa m'għonq Gaddafi", bl-iskop ċar li dan ikollu jwarrab.
"Għal dan l-iskop qed inkomplu naħdmu mal-komunità internazzjonali u se nikkonsultaw ukoll mal-oppożizzjoni, hekk kif qed jorganizzaw ruħhom, sabiex inħaffu t-tmiem tar-reġim ...m'aħna qed neskludu l-ebda opzjoni", reġà tenna Obama.

Sadattant il-filosofu-kittieb famuż Franċiż Bernard-Henri Levy il-bieraħ ta intervista interessantissima dwar is-sitwazzjoni fil-Libja – fejn mar biex jara b'għajnejh x'qed jiġri – u x'għandha tagħmel il-komunità internazzjonali, li nirrakkomanda li tarawha (hawn taħt):

No comments:

Post a Comment

Wider Two Column Modification courtesy of The Blogger Guide