It-Tlieta, 8 ta’ Marzu 2011

Ultimatum lil Gaddafi

ŻMIEN TLETT JIEM BIEX IDABBAR RASU
Il-Kunsill Nazzjonali Transitorju Temporanju llum ta żmien 72 siegħa lid-dittatur Muammar Gaddafi biex jitlaq mil-Libja. Jekk immedjatament, qabel jgħaddu dawn it-tlett ijiem, jagħmel dan, il-Kunsill qed iwiegħed li minn naħa tiegħu ma jieħux passi kontra tiegħu u l-familja tiegħu.
Dan ħabbru Mustafa Abdul Ġalil, li bħalissa qed imexxi l-Kunsill, li qal dan illum wara nofsinhar: 
"F'ġieħ il-ġid u l-imħabba li għandna lejn pajjiżna urejna t-tama tagħna man-negozjaturi indiretti ta' Gaddafi li soluzzjoni setgħet tinstab"
"Il-kundizzjonijiet huma li l-ewwelnett iwaqqaf il-ġlied kollu; it-tieni li Gaddafi jrid jitlaq fi żmien 72 siegħa; it-tielet li aħna nirrinunċjaw għad-dritt tagħna li nieħdu passi kontrih... għall-krimini ta' oppressjoni, persekuzzjoni, massakri, u talli żamm lill-poplu Libjan nieqes mill-ikel".
"Aħna se nistennew u naraw x'se tkun it-tweġiba tar-reġim, iżda mhux aktar miż-żmien li tajnih, filwaqt li dan l-ultimatum mhu se jirrepeti ruħu", iddikjara Ġalil.
Din il-pressjoni kontra d-dittatur Gaddafi tiżdied ma' dik li qed jiffaċċja minn barra l-pajjiż, inkluża wkoll dik mid-dinja Għarbija, fejn qed issir dejjem aktar probabbli l-impożizzjoni ta' "no-fly zone" biex ir-reġim ta' Gaddafi ma jkunx jista' jibqa' jimmassakra lill-poplu Libjan mill-ajru.


Sadattant araw dan il-video li xandret AlJazeera dwar dak li kien iseħħ taħt ir-reġim ta' Gaddafi, u li wassal għar-rivoluzzjoni ta' bħalissa:

No comments:

Post a Comment

Wider Two Column Modification courtesy of The Blogger Guide