Il-Ħadd, 20 ta’ Marzu 2011

RAPPORTI LI GADDAFI DABBAR RASU
Rapporti li bdew ħerġin il-lejla minn Dubai, fl-Emirati Għarab Magħquda, qed jgħidu li d-dittatur Gaddafi m'għadux aktar fi Tripli fil-palazz-Fortizza tiegħu f'Bieb al Ażiżia, iżda jinsab fil-belt ta' Ghadamis fuq il-fruntiera ma' Tuneż.
Dan skond is-sit tal-moviment taż-żgħażagħ Libjani "17 ta' Frar" li qed jikkwota lis-sit ta' ekonomista Għarbi-Awstrjak, Iyad-elBaghdadi, li jgħix f'Dubai, iżda li jgħid li għandu ħafna kuntatti fuq l-internet fi Tripli.
Dan ikompli jgħid li dawn is-sorsi tiegħu qalulu wkoll li fid-dar ta' wieħed mill-uffiċjali tiegħu, Baxir Saleh, ma' Gaddafi m'hemmx membri tal-familja tiegħu.
Dawn x'aktarx jinsabu f'Sabha, flimkien mal-kmand ta' Gaddafi.
Rapporti oħra jgħidu li filwaqt li iben Gaddafi, Khamis inqatel, ibnu l-ieħor jinsab għall-kura minħabba ħruq serju li ġarrab, mhux magħruf jekk huwiex kawża ta' ġlied jew inkella l-attakki mill-ajru tal-qawwiet tal-ajru tal-koalizzjoni internazzjonali.
Meta staqsew lil elBaghdadi minn fejn qed iġib din l-informazzjoni, hu sempliċiment wieġeb hekk:
"Dawk ta' madwaru (Gaddafi) jafu li meta l-vapur qed jegħreq, u qed jippruvaw idabbru rashom, f'dan il-proċess tibda ħierġa l-informazzjoni!"
Jiena hawn hekk qiegħed sempliċiment nirrepeti dawn ir-rapporti, u, naturalment, m'għandi l-ebda mod nikkonfermahom jew le.

No comments:

Post a Comment

Wider Two Column Modification courtesy of The Blogger Guide