JITWAQQAF GVERN TRANSITORJU U JINĦATAR PRIM MINISTRU
Maħmud Ġibril magħżul Prim Ministru temporanju mill-Gvern Transitorju Libjan |
Ġibril s'issa kien responsabbli għar-relazzjonijiet barranin tal-Kunsill, u fil-fatt l-ġimgħa l-oħra ltaqa' mal-President Franċiż Sarkozy li kkonvinċih jirrikonoxxi l-Kunsill bħala li jirrappreżenta lil Libja.
Kelliem għall-gvern provviżorju qal li waqqfu dan il-gvern, għax filwaqt li l-Kunsill kien korp leġislattiv, jeħtieġilhom korp esekuttiv biex jieħu l-kontroll temporanju tat-territorju liberat u jipprovdi l-amministrazzjoni.
Sadattant, wara tlett ijiem skiet, tfaċċa Gaddafi li kellem ċorma ta' partitarji tiegħu minn bini fil-fortizza-palazz tiegħu f'Bieb al-Ażiżija li kien ġie bumbardjat fis-Snin Tmemin mill-qawwa tal-ajru Amerikana.
Hu rrepeta li se joħroġ rebbieħ u appella lill-armati Islamisti (terroristi) biex jingħaqdu miegħu kontra l-attakki faxxisti tal-"Kruċjati", kif hu issa qed isejjaħ lill-qawwiet tal-koalizzjoni tal-Alleati. Huwa magħruf li Gaddafi mhux qed jogħqod aktar fil-palazz-fortizza tiegħu, iżda fi bliet differenti fil-lbiċ tal-pajjiż, fosthom dik ta' Għadamis fuq il-fruntiera ma' Tuneż u l-Alġerija.
Il-qawwiet Alleati llum bdew jattakkaw lill-armata ta' Gaddafi li kienet qed tassedja l-bliet ta' Misrata, Aġdabija u Żintan li ntrebħu mill-ġellieda għall-ħelsien.
Bħalissa fil-Pjazza tal-Bidla f'Bengażi quddiem il-bini tal-gvern transitorju, qed issir dimostrazzjoni kbira ta' ringrazzjament lill-pajjiżi tal-koalizzjoni li qed jgħinuhom fir-rivoluzzjoni kontra r-reġim ta' Gaddafi, hekk kif l-Alleati ħabbru li l-qawwa tal-ajru ta' Gaddafi ma tistax tintuza aktar kontrihom.
No comments:
Post a Comment