Il-Ġimgħa, 18 ta’ Marzu 2011

Il-"Waqfien mill-Ġlied" minn Gaddafi

IL-GVERN LIBJAN TALAB LIL MALTA TIKKONTROLLA
Minkejja li wara nofsinhar il-Ministru tal-Affarijiet Barranin Libjan ħabbar li kien waqqaf l-operazzjonijet militari tiegħu skond ir-riżoluzzjoni tal-bieraħ tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU, gvernijiet oħra wrew xettiċiżmu kbir kemm dan kien se jżommu, u fil-fatt l-oppożiżżjoni Libjana qalet li l-attakki fuq il-bliet ta' Misrata kienu għadhom għaddejjin u li l-qawwiet ta' Gaddafi kienu għadhom qed javvanzaw lejn Bengażi.
Iżda d-deputat Ministru tal-Affarijiet Barranin Libjan, Kalid Kaim – l-istess wieħed li l-bieraħ bil-lejl ukoll kien ħabbar li l-gvern aċċetta l-waqfien mill-ġlied, fl-istess waqt li dan kien għadu qed jattakka l-istess Misrata – sostna li l-preżenza tat-truppi ta' Gaddafi barra l-belt ta' Bengażi, ma jiksrux il-waqfien mill-ġlied.
Dan wara li kemm l-President Amerikan Obama, l-Prim Ministru Ingliż Cameron, kif ukoll dak Malti Lawrence Gonzi, qed jinsistu li Gaddafi għandu jirtira t-truppi tiegħu minn barra Bengażi, u mill-bliet ta' Ajdabiġah, Misrata u Żawijah.
Waqt il-konferenza stampa Kaim qal li l-waqfien mill-ġlied li ddikjaraw kien "kredibbli, reali u validu", u  ħabbar li l-gvern tiegħu kien stieden osservaturi minn Malta, iċ-Ċina, it-Turkija u l-Ġermanja biex imorru l-Libja mill-aktar fis ħalli jikkonfermaw u jikkontrollaw li veru hemm dan il-waqfien mill-ġlied.
Il-gvern Malti tard il-lejla qal li kien qed jeżamina din it-talba, "fil-kuntest tal-implimentazzjoni sħiħa tar-riżoluzzjonijiet tan-NU".

No comments:

Post a Comment

Wider Two Column Modification courtesy of The Blogger Guide