Il-Ħadd, 13 ta’ Marzu 2011

Iwerwru 'l-Ulieda bit-Tibdil fil-Klima

VERU QED NGĦIXU FL-ERA TAL-ISTUPIDI !
Sakemm in-Nazzjonijiet Uniti jiddeċiedu li jiċċaqalqu qabel ikun tard wisq biex il-poplu ġar Libjan tagħna  jeħles mill-ħakma ta' dittatur feroċi li xejn mhu qed jiddejjaq jibbumbardjah bl-ajruplani, ħelikoper u tankijiet, illum se nikkummenta fuq aħbar li – f'nofs din il-kriżi internazzjonali, inqas minn 100 kilometru biss bogħod minn xtutna – forsi ftit taw każha.
Qed nirreferi għad-donazzjoni mill-Kummissjoni Għolja Ingliża  ta' suppost dokumentarju drammatiku lill-iskejjel sekondarji u terzjarji kollha f'Malta. Dan jismu The Age of Stupid, u ma setgħux semmew aħjar!
Jirrakkonta dak li jsib bniedem fis-sena 2055: dinja meqruda għal kollox, tort tal-bniedem għax ma semgħax mill-katastrofisti u l-ekoterroristi tal-ambjent li fi żmienna, żmien l-istupidi, mhux qed jaqtgħu qalbhom milli jkomplu jwerwru lill-bniedem, u issa wkoll lill-uliedna Maltin.
Imma l-veri stupidi huma dawk imdaħħla fil-produzzjoni ta' films bħal dawn, li jaħsbu li l-poplu tistà tibqà tittrattah ta' stupidu u tibqà tidħak bih għal dejjem.
Għalhekk ma nistax nifhem kif dan The Age of Stupid nagħta din l-importanza mill-gvern Ingliż, meta, ġustament, gvern Ingliż ieħor ma kienx tħalla jqassam fl-iskejjel tiegħu film ieħor allarmistiku u preġudikat bħal dan, An Inconvenient Truth ta' Al Gore, għax kien joffri opinjoni waħda, qarrieqa, dwar it-tibdil fil-klima jew it-tisħin tal-globu.
The Age of Stupid kien ħareġ fl-2009, ftit qabel il-Konferenza dwar il-Klima li n-Nazzjonijiet Uniti kienet organizzat f'Kopenħagen; konferenza li rriżultat fi fjask kbir, u allura, ovvjament, dan il-film ma kienx laħaq l-iskop tiegħu; li jinfluwenza lill-politiċi u eluf ta' delegati li kienu marru għall-konferenza, u tant, allura, pproduċew gassijiet CO2!
L-istess qed tagħmel Franny Armstrong, ir-reġista ta' dan il-film, bil-vjaġġi tagħha mad-dinja kollha biex tippromwovih!
Dan fil-fatt mhu dokumentarju xejn u huwa diżonest mill-bidu tiegħu, għax appuntu mhuwiex dokumentarju. Huwa film fantaxjentifiku minn dawk maħduma biex iwerwru, li bħala premessa għandu dik li huwa l-bniedem li qed jikkawża tibdil fil-klima, meta dan mhux ippruvat biżżejjed xjentifikament u mhux veru li hemm kunsens dwar dan.
Perikoluż, minbarra li ipokritu, huwa l-messaġġ li biex dan it-tibdil jieqaf, allura l-pajjiżi li qed jiżviluppaw ma jitħallewx jiżviluppaw, jibqgħu jgħixu fil-faqar ta' qabel l-era industrjali, u minflok nippromwovu l-imtieħen li spiċċa żmienhom mijiet ta' snin ilu! U dan isejħulu progress!
Imbagħad huwa veru fi pjaneta stupida li xi ħadd jipproduċi film li jwissi li "apparti li wieħed jikkawża ħruq fil-foresti, li wieħed jittajjar bl-ajruplan huwa l-ikbar delitt li l-bniedem jista' iwettaq biex ibiddel il-klima" – u mbagħad, kif ktibt, jittajjar mad-dinja kollha biex jagħmel pubbliċità lill-istess film!
Biex tkun kostanti u kredibbli Armstrong missha tivvjaġġa fuq frejgatina jew xini bl-imqadef, u fuq karrijiet miġbuda minn żwiemel; imma bilħaqq lanqas dan aħjar ma tagħmel, għax iż-zwiemel u l-bhejjem iħammġu u jniġġsu l-ambjent bil-bżonnijiet naturali tagħna ...bħall-bniedem ukoll, bilħaqq!
Iżda apparti l-battuti – din tal-indotrinazzjoni ta' wliedna (għax mhi xejn aktar minn hekk) hija serja. Tifhmuniex ħażin.Bħalma ktibt drabi oħra, jiena m'inhix kontra li jinżamm ambjent nadif u san, jew miżuri bħal riċiklaġġ jew kontra t-tniġġis (xi FTIT dawn dejjem jgħinu), u kontra l-ħela fl-enerġija, speċjalment fil-każ ta'pajjiżna, iżda mhux fl-estremiżmi, fil-fundamentaliżmu (ipokrita) ambjentali.
Imma lill-uliedja, u lill-poplu in ġenerali, m'għandnix inbellgħulu stampa waħda biss. Għalhekk, tajjeb l-awtoritajiet joffru opinjonijiet alternattivi dwar is-suġġett, bħal, appuntu dan id-dokumentarju NOT EVIL, JUST WRONG The True Cost of Global Warming Hysteria ta' Phelim McAleer u Ann McElhinney, li tistgħu taraw billi tniżżluh minn hawnhekk:
files.me.com/jocal/2b0od3

No comments:

Post a Comment

Wider Two Column Modification courtesy of The Blogger Guide