L-EWWEL LAQGĦA TAL-KUNSILL NAZZJONALI TRANSITORJU TEMPORANJU
|
Il-laqgħa tal-Kunsill Nazzjonali Transitorju Temporanju li saret il-bieraħ
indirizzata minn Mustafà Abdul Ġalil (fin-nofs)
|
Sal-lum is-sitwazzjoni fil-Libja għadha inċerta għall-aħħar, bil-pajjiż maqsum fi tnejn, iżda bi 80 fil-mija tal-pajjiż f'idejn il-ġellieda għall-ħelsien b'bażi f'Bengażi, u l-kumplament fi Tripli u madwarha f'idejn Gaddafi u l-minoranza li għadhom leali lejh tiegħu; żewġ jew tlett battaljuni, iżda mħarrġa u armati ferm tajjeb, anki b'tankijiet, ħelikopter u ajruplani tal-ġlied, flimkien ma' mijiet ta' merċenarji, b'lealtà waħda: lejn Gaddafi u l-familja tiegħu.
Minkejja dan, u proprju l-bieraħ, f'jum fejn l-attakki tal-qawwiet ta' Gaddafi wettqu l-aktar attakki ħorox fuq bliet maħtufa mill-oppożizzjoni b'numru kbir ta' vittmi, saret l-ewwel laqgħa tal-Kunsill Nazzjonali Transitorju Temporanju mwaqqaf u magħmul mill-ġellieda għall-ħelsien li matulha, quddiem rappreżentanti tal-istampa internazzjonali, iddikjara lilu nnifsiu bħala l-uniku rappreżentant tal-Libja kollha.
Il-konferenza saret fil-bini ewlieni tal-qorti f'Bengażi, li dan l-aħħar fil-fatt serva bħala l-kwartier ġenerali. u l-kunsill huwa magħmul minn 30 membru magħżula mill-kumitati li twaqqfu wara li l-gvern ta' Gaddafi tilef il-kontroll tal-lvant tal-pajjiż.
Il-kunsill, li qed jissejjaħ "il-wiċċ politiku tar-rivoluzzjoni", huwa mmexxi minn
Mustafà Abdul Ġalil, eks- Ministru tal-Ġustizzja tal-amministrazzjoni ta' Gaddafi li kien fost l-ewwel personalitajiet li rriżenja u ingħaqad mal-oppożiżżjoni fl--ewwel jiem tal-protesti.
L-istess kunsill waqqaf kumitat ta' kriżi magħmul minn tlett membri.
Omar Ħariri, wieħed mill-uffiċjali li kien ħa sehem fil-kolp ta' stat ta' Gaddafi fl-1969, iżda li wara l-istess Gaddafi kien xeħtu l-ħabs, ġie inkarigat mit-tmexxija tal-militari li daru kontra r-reġim, u l-organizzazzjoni taċ-ċivili li daħlu voluntiera fl-armata.
Ali Essawi, eks ambaxxatur fl-Indja li rriżenja xahar ilu, ġie nominat kap tal-Affarijiet Barranin, biex jieħu ħsieb il-kuntatti mal-gvernijiet u organizzazzjonijiet barranin.
Maħmud Jebril, li kien imdaħħal fi proġett bejn intellettwali Libjani biex jitwaqqaf stat demokratiku, inħatar kap tal-kumitat ta' kriżi, li għandu l-iskop li li jtejjeb u jħaffef il-proċess ta' deċiżjonijiet li jridu jittieħdu f'sitwazzjoni li qed tinbidel minn ħin għall-ieħor.
Skond d-dikjarazzjoni tat-twaqqif tal-Kunsill dan għandu wkoll jissuperviżjona l-elezzjoni ta' assemblea kostitwenti li trid tfassal kostituzzjoni ġdida li mbagħad għandha titressaq b'referendum popolari; kostituzzjoni li għandha tkun bbażata fuq ir-rieda tal-poplu, il-kisbiet tar-Rivoluzzjoni tas-17 ta' Frar, ir-rispett tad-drittijiet tal-bniedem, is-separazzjoni tas-setgħat, ġudikatura indipendenti, u t-twaqqif ta' istituzzjonijet nazzjonali li jipprovdu parteċipazzjoni wiesgħa u pluralistika, it-transizzjoni paċifika tal-awtorità u d-dritt ta' tappreżentanza għal kull settur tas-soċjetà Libika.
Kull belt u raħal li huma jew jispiċċaw taħt il-kontroll tal-qawwiet tal-ħelsien, qed jingħataw ħames siġġijiet f'dan il-kunsill nazzjonali, iżda l-ismijiet ta' uħud mill-membri qed jinżammu sigrieti biex ma jiġux mhedda l-familjari tagħhom f'arji li għadhom maħkuma minn Gaddafi. Mill-inqas ħames siġġijiet jridu jkunu riservati għaż-żgħażagħ.
F'Bengażi twaqqaf kumitat ieħor ta' 15-il membru magħmul minn avukati, mħallfin u persuni lokali prominenti u rispettati, sabiex jipprovdu l-amministrazzjoini ċivika fil-belt, f'dawk li huma sigurtà, saħħa, edukazzjoni, banek, finanzi u reliġjon.
Residenti organizzaw ruħhom biex jidderieġu t-traffiku u jiġbru l-iskart, filwaqt li beda jiġi pubblikat ġurnal u fetħu żewġ stazzjonijiet tar-radju.
Kumitati simili qed jitwaqqfu fil-bliet u rħula li qed jaqgħu taħt il-kontroll tar-ribelli.
Wara li faqqgħet ir-rivoluzzjoni, r-reġim qered l-infrastruttura, u qed ikollha terġà tinbena mill-ġdid soċjetà ċivili u l-bażi ta' stat.
Sadattant, dalgħodu Abdul Ġalil ddikjara li qed jistennew għarfien imminenti formali minn diversi pajjiżi Ewropej u Għarab, u li l-qawwiet tal-ħelsien, magħmula minn eks militari tar-reġim se javvanzaw lejn il-belt strateġika Mediterranja ta' Sirte (fejn kien twieled Gaddafi), biex aktar tard jerħula lejn Tripli.