Is-Sibt, 9 ta’ Ottubru 2010

ŻEWĠ GVERNIJIET OĦRA TAĊ-ĊENTRU-LEMIN FL-EWROPA

In-nuqqas ta' fiduċja fil-kapaċità tal-partiti u movimenti Xellugin li jiffaċċjaw u jsolvu l-problemi tal-kriżi finanzjarja-ekonomika li qed tiffaċċja d-dinja, qed dejjem tikber u tinxtered, b'kull opportunità li jkollhom il-popli jwarrbuhom u jagħżlu jew jikkonfermaw partiti u koalizzjonijiet taċ-Ċentru-Lemin sabiex jiggvernawhom, bħalma ġara din il-ġimgħa fil-Latvja u fl-Olanda.

FIL-LATVJA
MAĠĠORANZA IKBAR GĦALL-KOALIZZJONI FIL-GVERN
Wara l-elezzjoni tal-Ħadd li għadda fil-Latvja l-koalizzjoni Ċentru-Leminija "Unità" (Vienotíiba -V) flimkien ma' partiti oħra taċ-Ċentru u l-Lemin li kienu jiffurmaw il-gvern ta' Valdis Dombrovskis (ritratt) mhux biss ġiet konfermata mill-poplu, iżda kompliet ssaħħet u issa kisbet 58.6 fil-mija tal-voti li jissarfu f'maġġoranza komda fil-parlament ta' 63 minn 100 siġġu.
Dan minkejja li l-gvern kellu jieħu deċiżjonijiet xejn popolari biex jaffronta l-kriżi finanzjarja-ekonomika  billi jnaqqas l-infieq tal-gvern u jintroduċi riformi strutturali biex ikun kredibbli mal-investituri barranin, il-Kummissjoni Ewropea u l-Fond Monetarju Internazzjonali. Dawn l-aħħar tnejn salvaw lill-pajjiż minn diffikultajiet finanzjarji (bailed out) b'self fit-tul, li l-gvern qal ċar u tond li biex jitħallas lura se jkollu jagħmel budgets iebsa.
 Minkejja wkoll it-tbassir pessimistiku ta' diversi osservaturi (u s-soltu opinion polls qabel l-elezzjoni) li kienu diġà għamluha fatta t-telfa taċ-Ċentru-Lemin, u r-rebħa tal-ikbar alleanza fl-oppożizzjoni, l-hekk imsejħa "Ċentru tal-Armonija" (SC), xellugija b'ideat Komunisti, u favur Moska, bil-biċċa l-kbira tad-deputati tagħha ġejjin mill-komunità Russa fil-pajjiż.
Din fil-fatt spiċċat tilfet 5 siġġijiet meta tqies li t-tlett partiti li ngħaqdu fil-koalizzjoni, fl-elezzjoni ta' erba' snin ilu kienu kisbu 34 siġġu bejnithom u issa spiċċaw b'29.
B'kollox ix-Xellug ġabru 26% tal-voti, bi kważi l-kumplament kollha jivvutaw lill-"Unità", lill-Unjoni ċentrista tal-Ħodor u l-Bdiewa ZZS (19.7% u 22 siġġu), u lil blokk ieħor tal-Lemin "Alleanza Nazzjonali" (NA) bis-7.7% li kisbet akkwistat 8 siġġijiet oħra.
Dan ifisser li fil-parlament tal-Latjva issa hemm maġġoranza assoluta ta' 71 siġġu bl-appoġġ ta' aktar  minn 66% tal-elettorat.
Dan ma kienx ikun possibbli kieku l-partit taċ-Ċentru u tal-Lemin baqgħu maqsumin f'geġwiġija ta' partiti frott piki, antagoniżmu u ambizzjonijiet personali. Ġieli kien hemm anki għaxra minnhom!


FL-OLANDA
GVERN ...WARA ERBA' XHUR MOĦLIJA
Bħalma kien mistenni, u bħalma soltu jiġri fl-Olanda wara kull elezzjoni, tħallew jgħaddu x-xhur, din id-darba erba', qabel intlaħaq ftehim biex ikun jista' jiġi ffurmat gvern, u l-Ħamis ir-Reġina Beatriċi inkarigat lill-mexxej tal-Partit tal-Libertà (VVD) Mark Rutte biex jifforma gvern.  Erba' xhur moħlija, perikolużi quddiem il-kriżi internazzjonali, u inspjegabbli meta tqies, bħalma kont ikkummentajt fil-post tiegħi tat-13 ta' Ġunju, li l-poplu kien tkellem ċar bil-vot tiegħu meta ta maġġoranza ta' voti u siġġijiet lill-partiti taċ-Ċentru-Lemin.
Infatti l-erba' partiti taċ-Ċentru-Lemin kisbu 53% tal-voti u 81 mill-150 siġġu fil-parlament, imqassmin hekk: Partit Popolari għal-Libertà u Demokrazija (VVD) 31 siġġu; Appel Kristjan-Demokratiku (CDA) 21;  Partit tal-Libertà (PVV) 24; Unjoni Kristjana (CU) 5.
  Fuq il-karta, għalhekk, il-formazzjoni tal-gvern kellha tkun ħaġa faċli ħafna aktar minn qabel. Għaliex allura nħlew dawn l-erba' xhur vitali?
Raġuni ewlenija kienet ir-reżistenza minn  elementi Xellugin fil-partit Kristjan-Demokratiku (CDA) li jaċċettaw il-verdett u l-messaġġ tal-poplu li ried gvern Ċentru-Lemini.
Dawn  l-istess elementi kienu wasslu lis-CDA biex, wara l-aħħar żewġ elezzjonijiet (2002 u 2206), il-partit mar kontra l-għeruq Ċentru-leminin naturali tiegħu u appoġġja jew ingħaqad fi gvernijiet Ċentru-Xellugin mal-Partit Laburista (PdvA) li, inevitabilment, minħabba n-nuqqas ta' omoġenjità bejnithom, waqgħu qabel iż-żmien.
L-aħħar wieħed fi Frar li għadda meta l-Laburisti ma qablux li l-gvern Olandiż iżied is-suldati għall-gwerra kontra t-terroriżmu fl-Afganistan.
Geert Wilders (PVV), Mark Rutte (VVD) u
Maxime Verhagen (CDA) jifirħu  bil-ftehim 
Dan wassal għall-elezzjoni ta' Ġunju li għadda, li fiha l-maġġoranza tal-votanti kabbru l-appoġġ lill-partiti taċ-Ċentru-Lemin, iżda fl-istess ħin ppenalizzaw lill-KristjanDemokratiċi billi s-CDA naqqas nofs il-voti biex b'hekk mill-ikbar partit spiċċa r-raba', u tilef nofs is-siġġijiet fil-parlament.
Jidher li l-maġġoranza fis-CDA issa tgħallmuha l-lezzjoni, għax waqt konferenza ġenerali straordinarja 68% ivvutaw favur koalizzjoni  Ċentru-Leminija mal-partit ta' Rutte, appoġġjata mill-PVV.
Infatti Mark Rutte ħabbar li l-ġimgħa d-dieħla se jitlob il-fiduċja tal-parlament għall-gvern tiegħu magħmul mill-partit tiegħu VVD, mas-CDA, bl-appoġġ minn barra tal-Partit tal-Libertà (PVV), b'dan l-aħħar partit populista tal-kontroversjali Geert Wilders ikun l-aktar wieħed li mar tajjeb biex ħa  post is-CDA bħala t-tielet l-ikbar partit billi żjied il-voti b'9.6% għal 15.5%.
Filwaqt li l-Wilders mhu se jkollu l-ebda ministru fil-kabinet, dan wiegħed l-appoġġ tal-partit tiegħu lill-programm tal-gvern "Libertà u Responsabbiltà" li se jinkludi projbizzjoni tal-ilbies tal-burka għal raġunijiet ta' sigurtà, tal-veli fl-iskejjel u uffiċji tal-gvern, tnaqqis drastiku fuq l-immigrazzjoni minn pajjiżi Musulmani u oħrajn mhux mill-Punent, li mhumiex biss konċessjonijiet lil PVV, iżda għarfien tal-preokkupazzjoni tal-poplu Olandiż dwar dawn il-problemi.
Bħalma kont osservajt tlett ġimgħat ilu meta kkummentajt dwar l-elezzjoni fl-Isvezja, faċli telimina partiti bħal dawn, li qed javvanzaw f'pajjiż Ewropew wara ieħor, bħala xenofobi u razzisti, iżda dawn jirriflettu l-ansjetà ta' miljuni ta' votanti, li l-partiti l-kbar jagħmlu tajjeb jippruvaw jifhmuhom, u jieħdu miżuri meħtieġa, qabel ikomplu jikbru partiti bħal dawn bil-possibiltà ta' instabbilità politika.
Hekk qed jagħmlu gvernijiet bħal dak ta' Franza, il-Belġju, u dalwaqt fl-Italja u anki fl-Ingilterra, hekk kif medja ta' 60% tal-popli Ewropej huma favur l-projbizzjoni tal-ilbies li jgħatti speċjalment l-uċuh. 

No comments:

Post a Comment

Wider Two Column Modification courtesy of The Blogger Guide