GĦADHOM MA QATGĦUX QALBHOM !
Wara l-fjask tal-Konferenza tan-Nazzjonijiet dwar il-Klima f'Diċembru tas-sena l-oħra f'Kopenħagen li suppost kellha twassal għall-ftehim bejn il-pajjiżi kollha għal xi protokoll Kjoto 2, l-allarmisti, l-ekoterroristi u dawk kollha li jridu jkomplu jistgħanew bit-twerwir, bil-manipulazzjoni stil Climategate u bl-impożiżżjoni ta' miżuri li suppost jikkontrollaw u jwaqqfu t-tibdil naturali tal-klima, għadhom ma qatgħux qalbhom, u minn dakinhar ma waqfux jorganizzaw konferenzi, summits u laqgħat – b'iżjed tixrid ta' aktar C02 – biex jippruvaw jilħqu kompromess bi tħejjija għal Summit kbir ieħor (bħal dak fallut ta' Kopenħagen) f'Cancun fil-Messiku bejn Novembru u Diċembru.L-aktar waħda riċenti saret il-Ħamis li għadda fi Brussels fejn sar il-Kunsill tal-Ambjent tal-Unjoni Ewropea fejn Ministri tal-Ambjent kellhom jippruvaw jilħqu ftehim biex iżiedu t-tnaqqis tal-gassijiet serra (CO2) minn 20% għal 30% tal-livelli li kienu fl-1990, u jippreżentaw front magħqud għas-Summit ta' Cancún biex juru kemm huma "bravi", meta fil-fatt b'hekk ikunu qed iwettqu suwiċidju ekonomiku.
Naturalment, bħalma kien hemm ħafna bassru, minn din il-laqgħa ma ħareġ xejn ġdid, u dwar l-aktar ħaġa kontroversjali: dik li jintrabtu li jżiedu t-tnaqqis tas-CO2 minn 20% għal 30%, iddeċidew li ma jiddeċidux.
Dan kien inevitabbli meta tqies li diversi pajjiżi bħall-Italja, il-Polonja u l-pajjiżi fl-Ewropa tal-Lvant eks satelliti tar-Russja Sovjetika huma kontra, filwaqt li sa' ftit ilu anki l-Ġermanja u Franza ma kienux jaqblu li jkabbru t-tnaqqis tal-emissjonijiet. Biex ma nsemmux li anki l-istess Kummissarju għal Azzjoni dwar il-Klima Connie Hedegaard, sa' Ġunju li għadda, ukoll kienet iddikjarat li dik iż-żjieda ma kenitx tagħmel sens fil-kundizzjonijiet attwali, biċ-Ċina u l-Istati Uniti għadhom ma mpenjawx ruħhom għal miżuri simili.
Minflok issa jidher li, indirettament, ġiet aċċettata l-pożizzjoni tal-Italja u l-pajjiżi l-oħra, li qabel jiġu imposti aktar miżuri bħal din tat-30% (anki jekk kundizzjonata mal-fatt li basta l-pajjiżi l-oħra f'Cancún jaqblu li jagħmlu l-istess), għandhom isiru aktar studji biex isir magħruf kif miżuri bħal dawn jolqtu kull pajjiż individwalment.
Barra minhekk il-Ministeru tal-Ambjent ta' Stefania Prestigiacomo, permezz tad-Direttur Corrado Clini, ħeġġeġ lill-Ministri tal-UE jibdew jaħsbu bis-serjetà dwar kemm in-nukleari hija teknoloġija utili u tant nadifa biex tassew jitnaqqsu l-emissjonijiet.
Prestigiacomo kienet ikkritikat bl-aħrax lill-Kunsill tal-Ambjent meta esklamat hekk: "ta' min wieħed jara kemm f'dan il-Kunsill jirraġunaw b'mod realistiku, jew inkella humiex jinkitbu kotba tal-ħolm."
Ta' min jinnota li din id-darba, għal-laqgħa tal-Ħamis li għadda, Prestigiacomo ma attenditx, u minflokha bagħtet lir-Rappreżentant Permanenti tal-Italja fl-UE Vincenzo Grassi.
Dan hu t-tieni falliment f'inqas minn xahar ta' tentattiv biex jintlaħaq ftehim qabel is-Summit ta' Cancún. Ftit jiem qabel saru sessjonijiet (b'aktar ħruġ ta' CO2!) ta' żewġ working groups tal-UNFCC (l-AWG-KP u l-AWG-LCA) f'Tianjin, fiċ-Ċina bi tħejjija għal Cancún, u hemm ukoll ma sar l-ebda progress, b'kull pajjiż jibqà jżomm il-pożizzjoni tiegħu. B'mod partikulari ċ-Ċina li ma tridx irbit legali u kontroll ta' tnaqqis tal-emissjonijiet, u bil-muzuri li ried jgħaddi Obama fl-Amerika, imwaħħlin fis-Senat fejn anki senaturi Demokratiċi kienu vvutaw kontrihom f'Lulju, b'Obama jissogr bis-serjetà li jitlef il-maġġoranza fis-Senat wara l-elezzjonijiet 'mid-term' tax-xahar id-dieħel.
Mhux ta' b'xejn li kulħadd jew kważi, diġà qed jammetti li s-summit ta' Cancún fil-Messiku se jsir għalxejn, bħalma ġara f'Kopenħagen, biex kollox jiġi pospost b'sena oħra għas-summit tal-2011 fl-Afrika t'Isfel !
Kien ġie kalkulat li għas-summit ta' Kopenħagen kienu attendeww delegati minn 192 pajjiż, 5,000 ġurnalist u 40,000 attivsti ambjentali, bi ħruġ ta' aktar minn 40,500 tunnellata ta' CO2 – daqs il-Marokk f'sena!. U dan kollu għalxejn!
No comments:
Post a Comment