Diskors kommemorattiv mill-Professur Henry Frendo – 6 ta’ Settembru, 2010
‘Malta tal-Maltin!’ ‘Malta m’hix tal-Ingliżi!’
Nerik ħareġ minn ġuf ommu (imwielda Sofia Fogliero de Luna), mgħammed fin-nazzjonaliżmu anti-kolonjali Malti. Is-sena li fiha huwa twieled kienet immarkata minn għajta storika waqt inkontru Nazzjonalista fil-Pjazza tal-Palazz, Piazza San Giorgio, li fil-pront sfat irrappurtata lill-gvernatur għal passi dixxiplinari minn Imperjalist li kien preżenti. Il-għajta kienet: ‘Malta tal-Maltin!’ ‘Malta m’hix tal-Ingliżi!’ Skont dan l-ispjun Malti, dik l-għajta kienet akkumpanjata minn oħra, terġa’ iktar sedizzjuża minnha, biex il-barrani jitlaq ’il barra minn pajjiżna (‘fuori lo straniero!’). Din is-sejħa nsibuha ripetuta minn Fortunat Mizzi fl-1899, meta ibnu Nerik kellu 14-il sena: “il-Maltin”, huwa kiteb, “kienu jħossuhom bħall-Irlandiżi, illi ‘tgħidx kemm kienu jieħdu gost meta l-Gvern Ingliż jaqbad u jitlaq ’il barra (bag and baggage) u jħallihom jieħdu ħsieb ħwejjiġhom”. (2)
Is-sena tat-twelid kienet ukoll dik li fiha missieru ħareġ pubblikament bis-sejħa għall-ħolqien ta’ jum nazzjonali għal Malta, biex b’dan juru li l-Maltin kienu poplu, kienu nazzjon magħqud, espress u simbolizzat fil-Jum Nazzjonali tiegħu. Wieħed malajr jifhem kif f’dik il-ħabta, id-data magħżula kienet l-Otto Settembre – b’tifkira tal-Assedju f’Malta tal-1565, li mmarka r-rebħa tal-Ewropa Kristjana fuq l-avvanz Musulman Tork, immortalizzat mill-monument ta’ Antonio Sciortino quddiem il-qorti, li nkixef fl-1927 fi żmien l-amministrazzjoni Mifsud-Mizzi.
Ma’ qlib is-seklu, fl-1901, ta’ 16-il sena, insibuh viċin missieru fil-lotta ħarxa u ostruzzjonista kontra l-ingliżizzazzjoni furzata u l-estimi għal xogħlijiet infrastrutturali inparti għall-benefiċċju tal-gwarniġjon; ġlieda favur is-suppost normi ta’ gvern rappreżentattiv b’maġġoranza Nazzjonalista eletta u injorata, meta allura seħħew id-dimostrazzjonijiet kbar barra l-Bieb tal-Bombi, għax fil-Belt il-laqgħat pubbliċi kienu ġew projbiti. Kienet ukoll is-sena li fiha xi tletin Nazzjonalist inġabru mill-pulizija fuq suspett li matul il-lejl kienu ddanneġġaw bl-aċtu l-istatwa tal-Maestà Tagħha r-Reġina Vittorja fi Pjazza Reġina, quddiem il-Bibljoteka. Il-Kunsill Rappreżentattiv tal-Istudenti (il-Comitato Permanente Universitario), li nbeda, kif għedt f’dan il-waqt, imbagħad kien ġie pprojbit f’nofs is-snin tletin meta kien immexxi minn Ġorġ Borg Olivier.(3)
Sakemm ġie ttrasferit minn Malta s-Segretarju Prinċipali tal-Gvern, Strickland, u fl-1903 ġie rrevokat il-gvern rappreżentattiv miksub mill-PN sitt snin qabel, fl-1887, lil Nerik insibuh fi triqtu għall-Baċellerat fl-Arti u x-Xjenzji mill-Università ta’ Malta. L-ewwel esperjenza universitarja tiegħu, għalhekk ikkoinċediet ma’ perjodu retrograd li fih Malta lanqas kellha iżjed kostituzzjoni funzjonabbli, żmien ta’ protesti, ta’ astensjonijiet, ta’ bojkottaġġi, ta’ tentattivi sabiex b’xi mod tinħoloq assoċjazzjoni politika-patrijottika Maltija b’xeħta apparenti ta’ demokrazija diretta.
Esperjenza Taljana li għaġnet lil Nerik Mizzi
Fl-1907 tibda fażi ġdida u formattiva f’ħajjet Nerik. Hu jħalli Malta u jmur jgħix u jistudja l-liġi l-Italja għal ħames snin, l-ewwel f’Ruma u mbagħad f’Urbino, mnejn jiggradwa b’dottorat fil-liġi fl-1912 b’teżina dwar il-qagħda tal-ġurnalist fl-istampa u fil-liġi.
Kif urejt imkien ieħor u kif nerġa’ nuri fi ktieb li ħiereġ dalwaqt – Culture, Politics and the Future of Identity – din l-esperjenza Taljana kompliet għaġnet u instigat lil Nerik.
Apparti l-istudji u l-kuntatti ġodda tiegħu fi sferi ġurnalistiċi, akkademiċi u politiċi, dan kien żmien movimentat ta’ kambjamenti, sew fl-Italja – bil-kisba tal-Libja fl-1911 – kif ukoll fix-xena internazzjonali bl-axxendenza galoppanti tal-Ġermanja, l-alleanza Anglo-Franċiża, u d-distakk navali tal-Ingilterra mill-Mediterran.
Snin ta’ tbatija u miżerja
F’Malta, l-assenza ta’ Mizzi bejn l-1907 u l-1912 ikkoinċidiet ma’ snin ta’ tbatija u miżerja soċjo-ekonomika, qagħad u emigrazzjoni, flimkien ma’ staġnar politiku-kostituzzjonali nett – sfond doppju għall-politika soċjo-ekonomika u ta’ żvilupp nazzjonali pro-attiv li Mizzi beda jabbozza u jsostni ftit snin biss wara.
F’dawn iċ-ċirkustanzi wkoll, Nerik aktar ħass ħajja l-Italjanità ġeografika, kulturali, reliġjuża, storika u lingwistika ta’ gżirtu, kif ukoll il-ħtieġa ta’ żblokk fil-qagħda soċjali, politika u kostituzzjonali tal-pajjiż, iktar u iktar la l-preżenza Taljana fil-Mediterran kienet qiegħda tikber, filwaqt li dik Ingliża kienet qiegħda tmajna.
Wara l-laqgħa f’Malta bejn Asquith, Churchill u Kitchener fl-1912, l-Ingilterra u Franza kienu ftehmu biex jirriallokaw bejniethom l-isferi tal-ħarsien navali, bil-flotta Ingliża titlaq minn Malta ħalli tikkonċentra l-forzi tagħha fil-Baħar tan-Nord.
Kien f’dan il-kuntest strateġikament mibdul u kulturalment sospett li Mizzi fl-1912 ħareġ bis-suġġeriment f’rivista, meta kien għadu student, li Malta titpartat mal-Eritrea bejn l-Italja u l-Ingilterra> bil-patt, iżda, li Malta f’pactum foederis mar-Renju Taljan tgawdi awtonomija politika reġjonali, kif ukoll tibbenefika minn privileġġi u aċċessi għal riżorsi superjuri Taljani, u fl-istess waqt li tibqa’ tipprovdi liberament kwalunkwe faċilitajiet navali u portwarji meħtieġa lir-Renju Unit u stati oħrajn.
Proposta li riedet ukoll awtonomija għal Malta
Rappreżentanti Maltin kellhom wkoll jiġu eletti fil-Parlament Taljan biex javvanzaw l-interessi Maltin. Kienet proposta ta’ federazzjoni jew integrazzjoni li riedet ukoll awtonomija għal Malta, bil-benefiċċji kollha possibbli li Malta setgħet takkwista mill-ġara, l-Italja, fiż-żmien meta l-faxxiżmu lanqas biss kien għadu tfaċċa. (4)
Wara li Franza kienet ħadet Tuneż, fl-1883 l-Italja ssieħbet f’alleanza mal-Awstrija u l-Ġermanja. Bil-proposta ta’ Nerik, issa fl-1912, ma setgħetx minflok l-Italja tissieħeb f’alleanza mal-Ingilterra?
Minn hawnekk, l-iktar li oriġinat l-akkuża ta’ irredentiżmu u żlealtà versu l-Ingilterra u l-Imperu tagħha. Kienet akkuża politikament konvenjenti għall-avversarji ‘leali’, anzi ‘lealissmi’, b’taħwira ta’ nazzjonaliżmu lingwistiku klassiku, li kellha tibqa’ tittormentah għal għomru u tinfluwenza l-memorja kollettiva ta’ British Malta b’mod tanġenzjali.
Dan, minkejja li fl-1932, meta kien fil-Gvern, insibuh Londra flimkien mal-Prim Ministru tiegħu, Sir Ugo Mifsud, jitlob għal Malta d-Dominion Status, skont l-istatut frisk frisk ta’ Westminster tal-1931.
Id-Dominion Status kien ifisser awtonomija ftit jew wisq sħiħa għal Malta fi ħdan l-Imperu Ingliż, li beda jissejjaħ Commonwealth – kważi indipendenza, bħall-Kanada u l-Awstralja. M’għandniex xi ngħidu, għal Malta, l-Ingliżi la riedu l-ewwel proposta ta’ awtonomija reġjonali f’patt mal-Italja, u lanqas it-tieni waħda ta’ awtonomija statutorja fi ħdan l-Imperu Ingliż.
• Ikompli ġimgħa oħra
2 H. Frendo, Żmien l-Ingliżi – Is-Seklu Dsatax (KKM, Valletta, 2004), p. 278.
3 Għal aktar tagħrif dwar dan, ara x-xogħol tiegħi Culture, Politics and the Future of Identity, op.cit.
4 Ibid., p. 151, p. 159; u ara l-introduzzjoni ‘Motherland and Empire’
No comments:
Post a Comment