Il-Ħadd, 31 ta’ Ottubru 2010

60 Sena mill-Mewt ta’ Nerik Mizzi (1885-1950) – 5

Diskors kommemorattiv mill-Professur Henry Frendo – 6 ta’ Settembru, 2010

Miżuri ta’ ripressjoni kolonjali paranojka
Min-naħa l-oħra, ma rridux ninsew il-famuża minuta ta’ T. B. Macaulay f’nofs is-seklu dsatax, b’riferenza għall-Indja: “that of developing a culturally distinct group who would form a class who may be interpreters between us and those whom we govern, a class of persons, Indians in blood and colour, English in taste, in opinion, in morals and in intellect."[11]
Għalhekk, fl-Indja kien hemm il-promozzjoni tal-ilsna vernakulari bħala mezz għat-tagħlim tal-Ingliż. Ara f’Wales, u fl-Irlanda, le; hemmhekk l-eliminazzjoni tal-ilsna nattivi favur l-Ingliż kienet l-aħjar politika. F’Malta, l-aħjar kienet it-tneħħija tat-Taljan u l-użu tal-Malti għall-Ingliż. Nerik u ta’ madwaru kienu ferm konxji ta’ din il-kontradizzjoni lampanti.
Kienu jafu wkoll li fl-aħħar mill-aħħar, sakemm ittieħdet mill-Ingilterra, Malta anki ġuridikament kienet tagħmel mar-Renju ta’ Napli – għalkemm ma jidhirx li kien hemm xi nostalġija għal dan.
Apparti dawn il-kunsiderazzjonijiet kontradittorji, xtaqt nagħmel riflessjoni qasira dwar l-iskola Ġermanika – dik ta’ Herder, Fichte u oħrajn – li tekwipara l-ilsien man-nazzjon. Din hi pożizzjoni tipika li jadottaw Vassalli u Dimech, fost l-oħrajn. Kif għallimna s-seklu għoxrin, li tekwipara b’identifikazzjoni assoluta l-lingwa hekk imsejħa ‘nazzjonali’ unikament ma’ nazzjon-stat iċċentralizzat, jaf ikun soċjoloġikament falz u ideoloġikament perikoluż. Għalkemm il-lingwa nattiva hi vitali – u f’ċerti ambjenti, bħal Malta, u llum fl-Ewropa kollha, iktar minn lingwa waħda hi daqstant importanti – in-nazzjonalità u l-identità tal-bniedem tmur lil hinn minn sempliċi lsien indiġenu, letterarju jew “nazzjonali”, kif wera Vico fost l-oħrajn. Kieku ma kienx hekk, bosta pajjiżi lanqas nistgħu ngħidu li kienu jew saru nazzjonijiet, ibda mill-Istati Uniti, il-Kanada, l-Awstralja u oħrajn, għax lingwa tassew awtentika tagħhom ma kellhomx.
F’Malta kellek il-Malti mitkellem, u dejjem iżjed miktub ukoll; iżda kellek ukoll, f’livelli u fi sferi privati u pubbliċi oħrajn – mhux inqas meħtieġa għall-ħajja sħiħa ta’ poplu u ta’ nazzjon – it-Taljan u l-Italjanità ingranata u ingastata fi ħsieb, sentimenti, affinitajiet, tradizzjonijiet u f’kontinwitajiet ta’ sekli. Dan, speċjalment iżda mhux biss, fost dawk il-Maltin li kienu edukaw ruħhom. Mela din id-dimensjoni tal-esseri irresidiet u skulat l-iktar proprju fost dawk li allura kienu iżjed lesti jqumu fuq saqajhom u jasserixxu d-drittijiet ta’ arthom, kif huma kienu jifhmuhom, iħossuhom u jarawhom. Fi kliem ieħor, il-politika tal-Italjanità u tal-Latinità, kif espressi minn Nerik bħala ġeneru ta’ nazzjonaliżmu Malti f’konfront mal-Ingliżazzjoni u l-ħakma barranija – anki jekk kultant esaġerati jew żvijati fid-dawl tan-normi ta’ popolin analfabeta jew kważi – ma nistgħux ngħidu li kienu sempliċiment egoiżmu eġemoniku klassist, iżda huma spjegabbli kulturalment, kif ukoll politikament.
La l-qorti marzjali ta’ Nerik fl-1917, meta l-Italja kienet attwalment imsieħba mal-Ingilterra; la l-internament tiegħu fl-1940 sa minn qabel id-dikjarazzjoni Taljana tal-gwerra; la t-tentattivi ripetuti biex jagħlqulu ħalqu bil-Malta b’kollox, u lanqas id-deportazzjoni illegali u anti-kostituzzjonali tiegħu fl-1942; ma kellhom tant x’jaqsmu mal-lingwa jew mal-kultura, jew imqar mal-Italjanità Maltija. Kienu miżuri ta’ kontroll u dominanza f’kolonja meqjusa fortizza.
Lanqas kellu x’jaqsam li Mizzi ltaqa’ ma’ Mussolini, kif iltaqgħu ħafna oħrajn, fosthom Ingliżi prominenti li f’ċerti mumenti anki faħħruh. Pretesti apparti, dawn kollha kienu miżuri ta’ ripressjoni kolonjali paranojka, bi tkeskis sfrenat minn kollaboraturi u fanatiċi lokali, suppost fl-interess imperjali, jew fl-interess tagħhom, u essenzjalment kontra l-oppożizzjoni politika. Dissidenza politika Nazzjonalista – kontra l-assimilazzjoni, il-militariżmu u d-despotiżmu – da parti ta’ min, minkejja kollox, ma beżax jesprimiha, għax traditur ta’ pajjiżu ma kienx.
Fin-nazzjonaliżmu Malti-Taljan u monarkiku kostituzzjonali ta’ Nerik, id-dissidenza politika, xprunata minn affinità kulturali rivali għal dik tad-dominatur, kienet taħbat u tikkonfliġġi mal-interess f’Malta bħala fortizza u gwarniġjon Ingliż. Fejn, bħal fuq gverta ta’ vapur tal-gwerra, kien hemm limitu strett għal dak li seta’ jitħalla jingħad u jintwera lil ħaddieħor. Għalhekk il-ħafna projbizzjonijiet dwar laqgħat pubbliċi u kostituzzjoni wara l-oħra tal-karti. Nerik kien immotivat, awdaċi u żbukkat biżżejjed biex lill-Ingliżi jiqfilhom, u sab jew ippretenda li jsib spalla fl-Italja.[12]
• Ikompli ġimgħa oħra
11  Ibid., p. 451.
12 Ara ez. H. Frendo, ‘A Prelude to Abyssinia: Strains in Anglo-Italian Relations as the Malta Language Question Culminates in 1934’, f’H. Frendo (Ed), The European Mind: Narrative and Identity (Malta University Press, 2010), Vol. 1, pp. 146-162.

No comments:

Post a Comment

Wider Two Column Modification courtesy of The Blogger Guide