Ir-Repubblikani jridu jinvestigaw mill-ġdid Climategate
Jekk ir-Repubblikani, wara l-elezzjonijiet mid-term tal-ġimgħa d-dieħla, kif mistenni, jirbħu l-kontroll tal-Kungress Amerikan, qed jippjanaw li jattakkaw bil-qawwa kollha li se jiksbu l-politika ambjentali tal-amministrazzjoni ta' Obama u lil dawk ir-riċerkaturi li huma jixlu li mmanipulaw id-data bħala provi ta' tisħin globali ħtija tal-bniedem, u li jorbtu t-tniġġis tal-arja mat-tibdil fil-klima.Dawn se jattakkaw l-aktar l-isforzi tal-amministrazzjoni biex tuża l-awtorità tal-Environment Protection Agency (EPA) fuq it-tniġġiż tal-arja biex tikkontrolla l-ħruġ tal-emissjonijiet mill-faħam, żejt u carbon fuels li xjentisti jgħidu li qed jikkontribwixxi għat-tisħin tal-globu.
Ir-Repubblikani se jixlu lill-EPA li qed tabbuża mill-awtorità tagħha u tagħmel ħsara lil-ekonomija b'liġijiet inutli tal-gvern.
Huma se jikkonċentraw b'mod partikulari fuq it-tgħawwiġ tal-provi xjentifiċi dwar it-tibdil fil-klima u fuq it-tentattivi tal-amministrazzjoni ta' Obama li timponi bil-poteri esekuttivi dak li ma jirnexxilhix tgħaddi fil-Kungress.
Il-Kungressista Repubblikan Darrel Issa ddikjara li huma beħsibhom jinvestigaw mill-ġdid l-iskandlu ta' Climategate li faqqa' bħal dan iż-żmien sena fl-Ingilterra, meta nkixef li riċerkaturi fl-East Anglia University kienu qed jimmanipulaw ir-riżultati tar-riċerki tagħhom biex jiġu juru li l-bniedem huwa ħati għat-tibdil fil-klima, għat-tisħin tad-dinja.
Iżda xi suppost inkjesti li saru ħelsu lil dawk suspettati bi tbagħbis billi ppruvaw jgħattu x-xemx bl-għarbiel, bħalma kont urejt fil-blog tiegħi fil-25 ta' April.
Anki jekk jitlef il-maġġoranza, kif mistenni, fil-Kungress, Obama xorta waħda jista' jirreżisti l-attakki tar-Repubblikani, jew billi d-Demokratiċi jużaw il-filibustering, jew inkella hu stess jagħmel użu mill-veto.
Iżda investigazzjonijiet kontinwi li xorta waħda r-Repubblikani jkunu jistgħu imexxu f'kumitati Kungresswali mwaqqfa apposta tal-Kungress, jistgħu ipoġġu lill-EPA u lill-policymakers Demokratiċi dwar l-ambjent f'pożizzjoni difensiva u joħolqu pressjoni politika li twassal lil Obama jirtira kwistjonijiet ambjentali hekk kif l-elezzjoni presidenzjali tal-2012 toqrob dejjem iżjed.
No comments:
Post a Comment