Diskors kommemorattiv mill-Professur Henry Frendo – 6 ta’ Settembru, 2010
Meta rritorna Malta mill-Italja qabel l-Ewwel Gwerra, Nerik mill-ewwel imbarka bħal missieru, li kien ġie nieqes fl-1905, fuq karriera politika – ħareġ b’suċċess għall-Kunsill tal-Gvern.
Imċappas diġà allura bl-akkuża ta’ żlealtà, fl-1917, meta kien hemm strajk fit-tarzna, qabdu miegħu, assaltawlu d-dar, żgassawlu l-iskrivanija u l-istamperija tal-Malta u, għad li ma sabu xejn ġdid, arrestawh u tellgħuh qorti marzjali fuq suppost sedizzjoni, b’pieni ħorox.
Fiż-żmien meta l-Italja kienet qiegħda tiġġieled gwerra fuq in-naħa Ingliża stess kontra l-Ġermanja tal-Kaizer, fil-kolonja-fortizza taċ-ċkejkna Malta, dan il-politiku żagħżugħ debuttant, għax kuraġġuż u ta’ prinċipju, intgħażel bħala vittma għas-sagrifiċċju, eżempju għal ħaddieħor li seta’ jazzarda jirreżisti u jopponi r-rieda u l-operat militari-kolonjali omnipotenti, jew iżeblaħ il-prestiġju tiegħu.
Dan, fost l-oħrajn, għax bħala deputat Nerik oġġezzjona fil-Kunsill li r-reliġjon Kattolika fl-iskejjel Maltin tibda tiġi mgħallma bl-Ingliż, minn Ingliż, fuq testi Ingliżi; u maqdar fil-miftuħ dak li hu sejjaħ ‘l-ipokrezija proverbjali Ingliża’ fir-rigward tas-suppost rispett lejn in-nazzjonalità tal-popli.
Wara l-gwerra, lil Nerik insibuh mill-ewwel fuq quddiem nett jirsisti għal Gvern Responsabbli, għall-awtonomija politika u d-drittijiet kostituzzjonali tal-Maltin. Wieħed mill-kolonni ewlenin fl-Assemblea Nazzjonali fil-laqgħat tagħha ta’ Frar u Ġunju 1919, din insibuha in sessjoni proprju fil-kwartieri ta’ Malta Żagħżugħa, il-Giovine Malta, fi Strada Santa Lucia, fejn Nerik kien il-factotum.
Għall-okkażjoni, kif nafu, daħlu l-belt folol kbar imgħaddba għall-Gvern Ingliż, għan-negozjanti tal-qamħ u għal dawk li huma raw bħala kollaboraturi tar-reġim – iniżżlu, iqattgħu u jaħarqu l-bandiera Ingliża.
Nerik kien hemm meta ġera d-demm. Meta, minn fost it-truppi Ingliżi li qabdu u sparaw fuq il-Maltin biex joqtlu, ħadd ma weħel xejn; meta, anzi, sa ttantaw iwaħħlu fih bħala x-xewwiex ewlieni li kien ipprovoka s-Sette Giugno kontrihom.
In-Nazzjonaliżmu ta’ Nerik
Il-formazzjoni tal-Partit Demokratiku Nazzjonalista tiegħu mal-wasla tal-gvern responsabbli fl-1921 tixhed impronta distinta. Għalkemm il-politika Mizzjana kienet tqarreb lejn dik tal-Unione Politica Maltese, immexxija minn Monsinjur Senglean, Ignazio Panzavecchia, kien hemm xi differenzi bejn il-Mizzjani u l-Panzavecchjani. Storikament, din il-formazzjoni hekk imsejħa ‘moderata’ kienet taf l-oriġini tagħha għas-snin disgħin meta Sigismondo Savona, li miet fl-1908, kien sfuma l-partit oriġinali tiegħu, ir-Reform Party, fl-hekk imsejjaħ Partito Popolare, flimkien mal-Kanonku Panzavecchia. Dik il-formazzjoni kienet nibtet l-iktar fil-kwestjoni taż-żwiġijiet imħallta taħt l-umbrella tal-isqof Għawdxi Pietru Pace.
Għalkemm il-PN ta’ missier Nerik dejjem kellu bħala motto patria et religio, u kien emfatikament Kattoliku u Latin, madankollu ma kienx imsejjes fuq il-klerikaliżmu, wisq inqas kien ultramontan, papist, fl-impronta tiegħu, u sa ċertu punt offra ftuħ aktar pluralista fir-rappreżentanza tal-poplu fir-rigward tal-gvernatur, li ma setax jirreferi iktar għall-Isqof bħala l-kap tal-poplu. Fortunat Mizzi kien xellef difru bl-ikrah ma’ Pace, li kien x’aktarx ben dispost lejn il-gvern kolonjali, filwaqt li Savona qabeż fuq il-vagun populista jitbandal fuq il-bradella politika-reliġjuża bħala s-‘salvatur’ u r-‘redentur’. Għalkemm Mizzi x-xiħ u mexxejja Nazzjonalisti oħrajn, bħall-bibljotekarju u storiku erudit, il-Monsinjur Alfredo Mifsud, ma setgħux jeħduha espliċitament kontra l-pożizzjoni riġida ta’ Pace, li effettivament ma riedet li jkun permess l-ebda żwieġ imħallat f’Malta jekk mhux iċċelebrat unikament skont il-liġi Kanonika, kien hemm min ħass li l-kwistjoni kollha kienet ġiet esaġerata u ppolitiċizzata, b’diskors allarmista dwar il-prospett taż-żwieġ ċivili, jekk mhux ukoll id-divorzju.
Iżjed sekulari mill-Unione Popolare Maltese
Fi ftit kliem, il-PN Mizzjan kellu wirt x’aktarx iżjed sekulari u indipendenti mill-karru klerikali-ekkleżjastiku li kien ikkaratterizza l-Partit Popolari Savonjan-Panzavecchjan – wara msemmi Unione Politica Maltese – għall-elezzjonijiet tal-gvern responsabbli. Kellu wkoll timbru xi ftit iżjed legali u kumpatt, kien inqas lest jagħmel kompromessi, apparti l-fattur tal-personalità enerġika u distinta ta’ Nerik innifsu. Kien dan il-fil Mizzjan, inizjalment b’dimensjoni iktar Għawdxija, li ġibed Nerik fil-moviment Nazzjonalista. Il-manifest tiegħu kien pjuttost avangardist.
Fl-1926, imbagħad saret il-funzjoni tal-fazzjonijiet u reġa’ ħareġ, bl-isem oriġinali tas-snin tmenin, il-PN, bħala l-Partit Nazzjonali, anzi Nazzjonalista, bl-element Panzavecchjan u dak Mizzjan taħt kappa waħda. Dawn iż-żewġ fili, ġibdiet jew xejriet, u potenzjalment fazzjonijiet, fil-partit jew il-moviment baqgħu jinħassu u jixirfu rashom b’mod jew ieħor, almenu sas-snin Sittin u Sebgħin, jekk mhux sal-lum.
Il-botta avversarja ta’ “Pappa Nerik” kienet tfisser li l-ewwel il-pappa, imbagħad l-umpappa – l-ewwel żaqqek, min jitimgħek. Il-PN, skont dawn, ma kienx tajjeb biex tpappi jew tpappiha, fis-sens li kienu l-Ingliżi li jipprovdu x-xogħol għal faxex sħaħ ta’ ħaddiema li magħhom kienu ‘jgħixu’, allura ma stajtx iddardar l-għajn li ridt tixrob minnha.[5]
In-nazzjonaliżmu ta’ Nerik ma kienx primarjament dak tal-“pappa”, lanqas kien dak “tan-nemex”, u wisq inqas kien dak tal-“gaxin”. Nerik ftit kien lest għall-kompromessi, żgur qatt ma niżel imbè għal-loqom taħt il-mejda, la ntlewa u lanqas tgħawweġ, anki jekk forsi hawn min jaħseb li tgħaffeġ u nħela. Anzi l-motto tiegħu kien ‘resistere, resistere, resistere’ – motto x’aktarx ispirat mill-eżortazzjoni tal-Prim Ministru Taljan Orlando wara t-telfa ta’ Caporetto, fl-1917, sena li fiha l-ewwel li Mizzi daq l-arrest u l-ħabs.[6] Nirreżistu dejjem, ma nċedu qatt.
5 Dwar dawn l-aspetti, specjalment fi zmien il-karriera pubblika ta’ Nerik, ara x-xogħol prospettiv tiegħi Culture, Politics and the Future of Identity, skedat għall-Fiera tal-Ktieb li se ssir bejn l-10 u l-14 ta’ Novembru (Midsea, 2010).
6 H. Frendo, Nerik Mizzi: The Formative Years (Malta University History Society, 2009), p. 13.
No comments:
Post a Comment