Il-Ħadd, 31 ta’ Ottubru 2010

60 Sena mill-Mewt ta’ Nerik Mizzi (1885-1950) – 5

Diskors kommemorattiv mill-Professur Henry Frendo – 6 ta’ Settembru, 2010

Miżuri ta’ ripressjoni kolonjali paranojka
Min-naħa l-oħra, ma rridux ninsew il-famuża minuta ta’ T. B. Macaulay f’nofs is-seklu dsatax, b’riferenza għall-Indja: “that of developing a culturally distinct group who would form a class who may be interpreters between us and those whom we govern, a class of persons, Indians in blood and colour, English in taste, in opinion, in morals and in intellect."[11]
Għalhekk, fl-Indja kien hemm il-promozzjoni tal-ilsna vernakulari bħala mezz għat-tagħlim tal-Ingliż. Ara f’Wales, u fl-Irlanda, le; hemmhekk l-eliminazzjoni tal-ilsna nattivi favur l-Ingliż kienet l-aħjar politika. F’Malta, l-aħjar kienet it-tneħħija tat-Taljan u l-użu tal-Malti għall-Ingliż. Nerik u ta’ madwaru kienu ferm konxji ta’ din il-kontradizzjoni lampanti.
Kienu jafu wkoll li fl-aħħar mill-aħħar, sakemm ittieħdet mill-Ingilterra, Malta anki ġuridikament kienet tagħmel mar-Renju ta’ Napli – għalkemm ma jidhirx li kien hemm xi nostalġija għal dan.
Apparti dawn il-kunsiderazzjonijiet kontradittorji, xtaqt nagħmel riflessjoni qasira dwar l-iskola Ġermanika – dik ta’ Herder, Fichte u oħrajn – li tekwipara l-ilsien man-nazzjon. Din hi pożizzjoni tipika li jadottaw Vassalli u Dimech, fost l-oħrajn. Kif għallimna s-seklu għoxrin, li tekwipara b’identifikazzjoni assoluta l-lingwa hekk imsejħa ‘nazzjonali’ unikament ma’ nazzjon-stat iċċentralizzat, jaf ikun soċjoloġikament falz u ideoloġikament perikoluż. Għalkemm il-lingwa nattiva hi vitali – u f’ċerti ambjenti, bħal Malta, u llum fl-Ewropa kollha, iktar minn lingwa waħda hi daqstant importanti – in-nazzjonalità u l-identità tal-bniedem tmur lil hinn minn sempliċi lsien indiġenu, letterarju jew “nazzjonali”, kif wera Vico fost l-oħrajn. Kieku ma kienx hekk, bosta pajjiżi lanqas nistgħu ngħidu li kienu jew saru nazzjonijiet, ibda mill-Istati Uniti, il-Kanada, l-Awstralja u oħrajn, għax lingwa tassew awtentika tagħhom ma kellhomx.
F’Malta kellek il-Malti mitkellem, u dejjem iżjed miktub ukoll; iżda kellek ukoll, f’livelli u fi sferi privati u pubbliċi oħrajn – mhux inqas meħtieġa għall-ħajja sħiħa ta’ poplu u ta’ nazzjon – it-Taljan u l-Italjanità ingranata u ingastata fi ħsieb, sentimenti, affinitajiet, tradizzjonijiet u f’kontinwitajiet ta’ sekli. Dan, speċjalment iżda mhux biss, fost dawk il-Maltin li kienu edukaw ruħhom. Mela din id-dimensjoni tal-esseri irresidiet u skulat l-iktar proprju fost dawk li allura kienu iżjed lesti jqumu fuq saqajhom u jasserixxu d-drittijiet ta’ arthom, kif huma kienu jifhmuhom, iħossuhom u jarawhom. Fi kliem ieħor, il-politika tal-Italjanità u tal-Latinità, kif espressi minn Nerik bħala ġeneru ta’ nazzjonaliżmu Malti f’konfront mal-Ingliżazzjoni u l-ħakma barranija – anki jekk kultant esaġerati jew żvijati fid-dawl tan-normi ta’ popolin analfabeta jew kważi – ma nistgħux ngħidu li kienu sempliċiment egoiżmu eġemoniku klassist, iżda huma spjegabbli kulturalment, kif ukoll politikament.
La l-qorti marzjali ta’ Nerik fl-1917, meta l-Italja kienet attwalment imsieħba mal-Ingilterra; la l-internament tiegħu fl-1940 sa minn qabel id-dikjarazzjoni Taljana tal-gwerra; la t-tentattivi ripetuti biex jagħlqulu ħalqu bil-Malta b’kollox, u lanqas id-deportazzjoni illegali u anti-kostituzzjonali tiegħu fl-1942; ma kellhom tant x’jaqsmu mal-lingwa jew mal-kultura, jew imqar mal-Italjanità Maltija. Kienu miżuri ta’ kontroll u dominanza f’kolonja meqjusa fortizza.
Lanqas kellu x’jaqsam li Mizzi ltaqa’ ma’ Mussolini, kif iltaqgħu ħafna oħrajn, fosthom Ingliżi prominenti li f’ċerti mumenti anki faħħruh. Pretesti apparti, dawn kollha kienu miżuri ta’ ripressjoni kolonjali paranojka, bi tkeskis sfrenat minn kollaboraturi u fanatiċi lokali, suppost fl-interess imperjali, jew fl-interess tagħhom, u essenzjalment kontra l-oppożizzjoni politika. Dissidenza politika Nazzjonalista – kontra l-assimilazzjoni, il-militariżmu u d-despotiżmu – da parti ta’ min, minkejja kollox, ma beżax jesprimiha, għax traditur ta’ pajjiżu ma kienx.
Fin-nazzjonaliżmu Malti-Taljan u monarkiku kostituzzjonali ta’ Nerik, id-dissidenza politika, xprunata minn affinità kulturali rivali għal dik tad-dominatur, kienet taħbat u tikkonfliġġi mal-interess f’Malta bħala fortizza u gwarniġjon Ingliż. Fejn, bħal fuq gverta ta’ vapur tal-gwerra, kien hemm limitu strett għal dak li seta’ jitħalla jingħad u jintwera lil ħaddieħor. Għalhekk il-ħafna projbizzjonijiet dwar laqgħat pubbliċi u kostituzzjoni wara l-oħra tal-karti. Nerik kien immotivat, awdaċi u żbukkat biżżejjed biex lill-Ingliżi jiqfilhom, u sab jew ippretenda li jsib spalla fl-Italja.[12]
• Ikompli ġimgħa oħra
11  Ibid., p. 451.
12 Ara ez. H. Frendo, ‘A Prelude to Abyssinia: Strains in Anglo-Italian Relations as the Malta Language Question Culminates in 1934’, f’H. Frendo (Ed), The European Mind: Narrative and Identity (Malta University Press, 2010), Vol. 1, pp. 146-162.

Wara l-elezzjonijiet 'mid-term' fl-Amerika

Ir-Repubblikani jridu jinvestigaw mill-ġdid Climategate
Jekk ir-Repubblikani, wara l-elezzjonijiet mid-term tal-ġimgħa d-dieħla, kif mistenni, jirbħu l-kontroll tal-Kungress Amerikan, qed jippjanaw li jattakkaw bil-qawwa kollha li se jiksbu l-politika ambjentali tal-amministrazzjoni ta' Obama u lil dawk ir-riċerkaturi li huma jixlu li mmanipulaw id-data bħala provi ta' tisħin globali ħtija tal-bniedem, u li jorbtu t-tniġġis tal-arja mat-tibdil fil-klima.
Dawn se jattakkaw l-aktar l-isforzi tal-amministrazzjoni biex tuża l-awtorità tal-Environment Protection Agency (EPA) fuq it-tniġġiż tal-arja biex tikkontrolla l-ħruġ tal-emissjonijiet mill-faħam, żejt u carbon fuels li xjentisti jgħidu li qed jikkontribwixxi għat-tisħin tal-globu.
Ir-Repubblikani se jixlu lill-EPA li qed tabbuża mill-awtorità tagħha u tagħmel ħsara lil-ekonomija b'liġijiet inutli tal-gvern.
Huma se jikkonċentraw b'mod partikulari fuq it-tgħawwiġ tal-provi xjentifiċi dwar it-tibdil fil-klima u fuq it-tentattivi tal-amministrazzjoni ta' Obama li timponi bil-poteri esekuttivi dak li ma jirnexxilhix tgħaddi fil-Kungress.
Il-Kungressista Repubblikan Darrel Issa ddikjara li huma beħsibhom jinvestigaw mill-ġdid l-iskandlu ta' Climategate li faqqa' bħal dan iż-żmien sena fl-Ingilterra, meta nkixef li riċerkaturi fl-East Anglia University kienu qed jimmanipulaw ir-riżultati tar-riċerki tagħhom biex jiġu juru li l-bniedem huwa ħati għat-tibdil fil-klima, għat-tisħin tad-dinja.
Iżda xi suppost inkjesti li saru ħelsu lil dawk suspettati bi tbagħbis billi ppruvaw jgħattu x-xemx bl-għarbiel, bħalma kont urejt fil-blog tiegħi fil-25 ta' April.
Anki jekk jitlef il-maġġoranza, kif mistenni, fil-Kungress, Obama xorta waħda jista' jirreżisti l-attakki tar-Repubblikani, jew billi d-Demokratiċi jużaw il-filibustering, jew inkella hu stess jagħmel użu mill-veto.
Iżda investigazzjonijiet kontinwi li xorta waħda r-Repubblikani jkunu jistgħu imexxu f'kumitati Kungresswali mwaqqfa apposta tal-Kungress, jistgħu ipoġġu lill-EPA u lill-policymakers Demokratiċi dwar l-ambjent f'pożizzjoni difensiva u joħolqu pressjoni politika li twassal lil Obama jirtira kwistjonijiet ambjentali hekk kif l-elezzjoni presidenzjali tal-2012 toqrob dejjem iżjed.

Is-Sibt, 23 ta’ Ottubru 2010

60 Sena mill-Mewt ta’ Nerik Mizzi (1885-1950) – 4

Diskors kommemorattiv mill-Professur Henry Frendo – 6 ta’ Settembru, 2010

In-Nazzjonaliżmu kulturali u soċjo-ekonomiku ta’ Nerik
Nerik kien Malti, minn missier u nanniet ta’ razza Għawdxija, fl-ambitu legali, Pawlin, joqgħod fit-Triq tal-Ganċ, Strada San Giovanni, kantuniera ma’ Strada San Paolo, lokalità li hi stess kienet benniena tradizzjonali ta’ identità nazzjonali u ta’ patrijottiżmu. Kien wieħed mill-ewwel politiċi Maltin magħruf aħjar popolarment b’ismu bil-Malti – ‘Nerik’, minn Enrico. Minn ommu, Nerik, ossia Henri, kellu influwenza Italo-Franċiża, kożmopolita u kontinentali, kif wara kollox kellhom bosta Maltin edukati tal-ġenerazzjoni tiegħu u dawk ta’ qabilha, speċjalment, imma mhux biss, professjonisti u ekkleżjastiċi, sa minn qabel u wara r-Risorgimento. Nerik studja f’Malta kif ukoll f’żewġ universitajiet Taljani rinomati, fiż-żmien meta l-unifikazzjoni Taljana ‘risorġimentali’ kienet bdiet tfarfar gwenħajha u tasserixxi ruħha, għad li mill-espansjoni imperjalista tas-seklu ta’ qabel, speċjalment dik Ingliża, l-Italja, sa issa kien messha ftit li xejn. Fl-1911 ħadet it-Tripolitanja.
Fid-dawl ta’ dawn l-influwenzi għammiela fl-għaġna patrijottika ta’ dan il-politiku, x’kien allura n-nazzjonaliżmu ta’ Nerik?
In-nazzjonaliżmu ta’ Nerik kien qabel xejn wieħed kulturali, kulturali iżjed milli etniku, għalkemm xi Maltin, speċjalment qabel it-Tieni Gwerra, kienu jqisu lilhom infushom “Taljani ta’ Malta”, desinjazzjoni li kienet tintuża sa minn ħafna qabel mill-Maltin fl-emigrazzjoni sabiex jindikaw il-provenjenza tagħhom.[7] Marbuta mal-kultura però, kien hemm dejjem il-politika, u fuq kollox il-jedd kostituzzjonali. Ta’ min hi Malta? Min suppost jiggvernaha? B’risq min? X’kienu tassew u fit-tul l-identità u l-ġejjieni tagħha? X’seta’ jikseb tabilħaqq il-bniedem mingħajr l-awtonomija tiegħu?
L-aspetti soċjo-ekonomiċi fl-ideoloġija ta’ Mizzi
Nerik ma kien xejn inqas konxju mill-ħtiġiet ekonomiċi u finanzjarji; ġabar mill-esperjenzi u l-istudji tiegħu kuxjenza liberali u sekolari f’kuntest Kattoliku modern. Fost il-partiti li kkontestaw l-ewwel elezzjonijiet taħt il-gvern responsabbli, il-Partit Demokratiku Nazzjonalista ta’ Nerik kien meta pparagunat innovattiv, anki radikali. Jitkellem dwar il-ħtieġa għad-devoluzzjoni u għad-diċentralizzazzjoni fl-amministrazzjoni. Jipproponi tribunal tal-arbitraġġ għal kwistjonijiet industrijali u tax-xogħol. Jiċċensura l-piena kapitali. Isemmi l-kumpens għal min ikorri fuq ix-xogħol; forom tal-assigurazzjoni; il-pensjoni tax-xjuħ, inkluż fond għar-romol u l-orfni. Irid leġiżlazzjoni dwar l-għaqdiet sindikali – ‘società di mutuo soccorso’ u dawk li bdew jissejħu unions – u dwar il-fabbriki. Ried riformi fil-kodiċijiet penali, kummerċjali u marittimi. U jikkritika lill-Panzavecchjani tal-Unione Politica Maltese għax dawn kienu wisq borgiżi, wisq intransiġenti u konservattivi, antikwati u eċċentriċi; mhux interessati biżżejjed fil-klassi tal-ħaddiema, mhux lesti jċedulha l-ispazju. Mingħajr ma jaċċetta s-soċjaliżmu, Nerik ried jara “riformi kbar biex tittejjeb il-ħajja tal-klassijiet tal-ħaddiema mingħajr ma jitweġġgħu l-interessi akkwistati tal-klassi tan-nofs.” Fl-edukazzjoni, Mizzi ried jara l-pari passu, it-tagħlim parallel kemm tal-Ingliż kif ukoll tat-Taljan – politika li Strickland dejjem opponieha b’ħiltu kollha peress li dan l-Imperjalist prim ried effettivament jirrendi lill-Maltin kemm jista’ jkun, kif stqarr, ‘Ingliżi fi ħsiebhom, f’għemilhom u fil-fatt’.[8]
L-aspetti soċjo-ekonomiċi fl-ideoloġija ta’ Mizzi ftit huma magħrufa, għalkemm biż-żmien kollha seħħew. Dan, in parti, għaliex il-politika u l-interpretazzjoni imperjalista sfigurat l-immaġni u l-memorja kollha ta’ Nerik Mizzi fl-istorjografija kolonjali; filwaqt li ġenerazzjoni wara l-oħra ta’ żgħażagħ Maltin, sal-lum baqgħu sajmin minn tagħlim struwit, professjonali u komunikattiv ta’ xeħta post-kolonjali fl-iskejjel Maltin, minkejja l-indipendenza. B’dispett, bħala insult, l-awtoritajiet governattivi u l-imperjalisti Maltin ġieli xebbħu lil Nerik ma’, ngħidu aħna, Eamon De Valera (Malta’s De Valera), kif jagħmel Sir Augustus Bartolo fid-Daily Malta Chronicle, dik li sfat attakkata fis-Sette Giugno. De Valera illum hu eroj Irlandiż, l-ewwel President tal-Irlanda indipendenti; f’dak iż-żmien iżda, dik it-tixbiha ta’ Mizzi ma’ De Valera u oħrajn bħalu kienet waħda gravi u ta’ dannu. Kienet tfisser periklu, żlealtà, estremiżmu. Ma stajtx, kif darba qal il-Konti Sir Gerald Strickland, tkun “leali lejn ir-Ré u lejn Nerik Mizzi” fl-istess ħin.[9] Fi kliem ieħor, Nerik kien żleali, kritiku, xewwiex, aġitatur, oqogħdulu attenti, ibżgħu minnu, dan nazzjonalist perikoluż.
Patrijott u anti-kolonjalista ddikjarat
Żleali lejn il-Kuruna Ingliża fis-sens Stricklandjan, Nerik seta’ kien tabilħaqq, għax kien jara l-ewwel dak li hu ħass u emmen li kien l-aħjar interess ta’ Malta; kien patrijott u anti-kolonjalista ddikjarat. Iżda l-lealtà li rridu nkejluh biha llum m’hijiex iżjed, jekk qatt kienet, dik lejn il-Kuruna Ingliża u lejn l-Imperu Britanniku. Hi l-lealtà lejn art twelidu, lejn id-drittijiet u l-ħtiġiet ta’ niesha fuq medda taż-żmien. U lejn dak li, fis-sentimenti ta’ moħħu u ta’ dawk ta’ qablu, kienu l-karatteristiċi li lil Malta kienu jiddistingwuha, jelevawha, jipproteġuha u jmantnuha, f’kontinwità u f’dinjità mal-passat tagħha stess. Dan, fil-kuntesti storiċi, ġeografiċi, kulturali, reliġjużi, spiritwali u, iva, anki lingwistiċi tagħha. Kienet din Malta ‘Mizzjana’, idealizzata, Malta piccola fior del mondo, Malta li ħtiġilha tikkonfronta u tirribatti s-suppost superjorità politika, razzjali, finanzjarja u lingwistika ta’ min kien jaħkimha. Malta li ħtiġilha wkoll iżżomm ħajt ta’ kenn, tarka ta’ separazzjoni, wirt tradizzjonali ta’ mentalità marbut mal-identità u l-amorproprju, kontra l-ingliżizzazzjoni f’kull sens, ir-razziżmu fil-wiċċ, kif ukoll dak invers li baqa’ ħaj, u d-despotiżmu militari. L-Italja viċina nħasset bħala l-vera r-ruħ kulturali-spiritwali, bil-letteratura u l-mużika, bil-liġi u r-reliġjon b’kollox.
L-akkuża tal-irredentiżmu, li baqgħet imċappsa ma’ Nerik sa mewtu, kienet serja, mhux tant fiha nfisha, imma għax għall-Ingliżi kienet tfisser insubordinazzjoni ta’ sudditu, sfida lill-interessi u l-prestiġju tagħhom. Allura meta, wara li ntalbu jiġu jgħinu lill-Maltin fl-insurrezzjoni fejn tilfu ħajjithom eluf ta’ Maltin, fit-Trattat ta’ Amiens tal-1802, l-Ingliżi kienu lesti jirritornaw Malta lill-Ordni arbitrarjament, dik x’lealtà kienet? Illum nafu li malli faqqgħet it-Tieni Gwerra u Hitler beda jiġri b’kulħadd, il-Kabinett Ingliż iddiskuta aktar minn darba l-possibbiltà li jagħti Malta lil Mussolini ħalli dan jibqa’ newtrali; x’aktarx hemm anki skambji ta’ ittri f’dan is-sens. Dik x’lealtà kienet? Lejn min kienet? Meta l-Perit Dominic Mintoff talab l-għaqda ta’ Malta mal-Ingilterra fis-snin ħamsin – talba li ħafna appoġġjawha – l-Ingliżi fil-bidu għorku jdejhom bil-ferħ. Il-lealtà lejn min kienet?
Il-filosofija  tal-Italjanità u l-Latinità ta’ Malta
L-akkuża dwar il-politika – anzi l-filosofija – tal-Italjanità u l-Latinità, bħala ħafna ħela ta’ żmien kontra l-interess tal-poplu, jew bħala stupidaġni, speċi ta’ ġennata, m’hi xejn inqas nieqsa mill-verità u mill-istruzzjoni. Kull min jaf xi ħaġa dwar l-intimità profonda li jimplika l-għarfien u l-użu ta’ lingwa tradizzjonali f’soċjetà, ħolqa minn ġenerazzjoni għal oħra, malajr jifhem kif is-sostituzzjoni ta’ lingwa minn oħra, b’politika u f’kuntest kolonjali u militari, ma kenitx bħal ma tbiddel qmis – biex nuża analoġija ta’ Nerik innifsu. Lanqas ma kienet il-kwistjoni tal-lingwa xi fenomenu ta’ tensjoni u konfront ristrett għal Malta. Din insibuha kull fejn l-imperi jħokku mal-popli maħkuma jew imqar ma’ xulxin; fi Puerto Rico, fil-Filippini, f’Goa, f’Vanuatu, f’Ġibiltà, fil-Gżejjer Ijoni, f’Ċipru, fi Guam; u sal-lum stess fil-Belġju, fost l-oħrajn.[10]
L-ekwivoku fin-nazzjonaliżmu ta’ Nerik – u sa ċertu punt fin-nazzjonaliżmu Malti kollu sa wara t-Tieni Gwerra – joħroġ mill-qagħda uffiċjalment inferjuri tal-ilsien Malti, f’sitwazzjoni ppolarizzata minn battalja bejn żewġ ġganti, kalamiti letterarji u kulturali; it-Taljan u l-Ingliż, irrappreżentati minn żewġ potenzi fl-istess reġjun. Il-Malti sas-snin tletin lanqas kellu ortografija uniformi, u l-letteratura bil-Malti kienet, kif għadha xi ftit sal-lum, limitata u ċirkostritta minn bosta fatturi, fosthom iċ-ċokon, in-nuqqas ta’ suq, l-inferjorità fil-moħħ, u ċerta instabbiltà fl-użu stess tal-lingwa. Hija ħasra, li nstabu xi rimedji għaliha; iżda hu wkoll fatt li bil-‘puriżmu’ lingwistiku iżolat – Arabizzat jew, issa, Ingliżizzat u Amerikanizzat – din lanqas ma kienet se titjieb jew tgħib. Mizzi jsostni li l-Maltin la kienu Għarab u lanqas kienu Afrikani – kienu però Ewropej, effettivament Taljani, bl-identità u l-ħtiġiet partikulari tagħhom. Sadattant, il-mobilizzazzjoni Mizzjana ħolqot jew issudat il-pedamenti għal entità politika, għal opinjoni pubblika, għall-partiti politiċi, għal diskors dwar kuxjenza u interessi nazzjonali fir-rigward ta’ Malta u tal-imperu, sfortunatament fi klima ta’ dividet et imperat, li saħħnet il-partiġjaniżmu lokali. L-Italja u l-Latinità f’sens wiesa’ kienu s-salvawomu, il-boxxla ta’ Malta lejn l-Ewropa; tqisu bħala l-pont tal-gżira mal-kontinent u, f’moħħ Mizzi wara l-1911, dan il-pont beda jofroq il-baħar san-naħa l-oħra, minn Sqallija sal-Libja, issa ‘Taljana’ wkoll. It-Taljan, però kien xkiel għall-Ingliż, hekk kif il-Malti deher bħala xkiel għat-Taljan; sakemm, f’sinteżi mhux tas-soltu, bħalma jgħid it-Taljan, bejn dawn iż-żewġ litiganti, fl-aħħar gawda t-tielet wieħed.
• Ikompli ġimgħa oħra
7  Din sibtha, ngħidu aħna, inċiża fuq xi lapidi f’ċimiterji ta’ New Orleans li jmorru lura għall-ewwel deċennji tas-Seklu Dsatax.
8  Ara H. Frendo, Party Politics in a Fortress Colony (Midsea, 1979, 2nd ed. 1991), passim. Fl-2009 ħarġet edizzjoni aġġornata ta’ dan ix-xogħol bit-Taljan, monografu ta’ Studi Urbinati mill-Universita’ ta’ Urbino, Colonialismo e nazionalismo nel Mediterraneo: la lotta partitica a Malta durante l’occupazione inglese; tra assimilazione e resistenza.
9  Ibid., p. 193.
10  Ara H. Frendo, ‘Language and Nationhood’, f’Collected Papers (ed. Ellul Micallef & Fiorini, 1992),  439-471.

Wara d-diskors tal-Kanċillier Ġermaniża Angela Merkel

MULTIKULTURALIŻMU LE, INTEGRAZZJONI IVA
Minkejja l-isforzi kollha tad-diversi gvernijiet li kellha l-Ġermanja mis-Snin Sittin 'l hawn, il-multikulturaliżmu falla, u falla bl-ikraħ. Dan kien is-sustanza ta' diskors iebes, iżda realistiku li l-Kanċillier Ġermaniża Angela Merkel għamlet filpbidu ta' din il-ġimgħa liż-żgħażagħ tal-partit tagħha, l-Unjoni Kristjan-Demokratika (CDU), li flimkien mas-sieħeb Unjoni Kristjan-Soċjali (CSU) , u dak Liberali (FDP) ilhom jiggvernaw minn  Ottubru tas-sena l-oħra.
"Multikult," il-kunċett "li aħna qed ngħixu maġenb xulxin f'armonija, u kuntenti b'dan," ma jaħdimx. "dan l-approċ, il-qarba, falla totalment", kompliet tgħid Merkel filwaqt li zjiedet li l-immigranti għandhom jintegraw u jadottaw l-kultura u l-valuri tal-Ġermanja.
"Aħna marbutin mal-valuri Insara...Dawk li ma jaċċettawhomx m'għandhomx post hawnhekk." Meta spjegat aktar x'riedet tfisser hi semmiet li l-immigranti għandhom jitgħallmu l-lingwa Ġermaniża u jiċħdu drawwiet bħal dik ta' żwiġijiet sfurzati fuq in-nisa.
Dan id-diskors sar ġimgħa wara laqgħa li Merkel kellha mal-Prim Ministru Tork Erdogan, fejn qablu li għandu jsir sforzi ikbar biex tikber l-integrazzjoni li lum tant hija baxxa tal-komunità ta' madwar żewġ miljuni u nofs Tork fil-Ġermanja.
Bid-diskors tagħha Angela Merkel tat skoss tant meħtieġ lil
kontinent li għal żmien twil illuda ruħu li jistà "jikkonverti"
għad-demokrazija popli li lanqas biss iridu jisimgħu biha
Filwaqt li wissiet kontra "immigrazzjoni li ttaqqal is-sistema ta' servizzi soċjali tagħna", Merkel qalet li l-huma lesti jilqgħu immigranti għax il-Ġermanja għandha bżonn ta' speċjalisti minn barra",  inġiniera u ħaddiema kwalifikati.
Ir-riferenza għas-servizzi soċjali Merkel għamlitha wara li direttur tal-Bank Ċentrali tal-Ġermanja f'Awwissu kien qajjem agħa sħiħa meta qal li l-pajjiż qed jingħata dehra ta' wieħed stupidu "minn immigranti Musulmani lebsin il-velu, neqsin mill-edukazzjoni, li ma jipproduċu xejn u jiġu hawn biss biex jerdgħu mis-servizzi soċjali tagħna".
Għalkemm dawn kienu kummenti estremisti li wasslu għar-riżenja tad-direttur, jirriflettu l-preokkupazzjoni tal-Ġermaniżi quddiem il-fenomenu tal-immigrazzjoni.
Fil-Ġermanja, b'kollox, hemm 'l fuq minn sitt miljun immigrant, u din l-ansjetà ħarġet ċara minn stħarriġ li sar mill-Fondazzjoni Ebert, think-tank qrib il-Partit SoċjalDemokratiku Ġermaniż.
Minn dan ħareġ li 35.6% ta' dawk intervistati qed jibżgħu li l-pajjiż  qed jiġi mirbuħ mill-barranin, u 34.3% jemmnu li dawn imorru l-Ġermanja għall-benefiċċji soċjali. Kważi l-istess persentaġġ iħoss li meta fil-Ġermanja hemm rata għolja ta' qagħad il-barranin bla xogħol għandhom jintbagħtu lura lejn arthom, filwaqt li 60 fil-mija jaħsbu li l-Musulmani fil-Ġermanja għandhom jitrażżnulhom ċerti drawwiet reliġjużi, bħal burka, mhux biss għal raġunijiet ta' sigurtà, iżda biex  ikunu konformi mad-drittijiet universali tal-bniedem, f'dan il-każ tan-nisa.
B'dawn id-dikjarazzjonijiet tagħha Merkel ingħaqdet ma' politiċi oħra Ewropej li qed jirrealizzaw li din tal-multikulturaliżmu hija ħrafa, għax ma ġarax kif ħasbu: li l-biċċa l-kbira tal-immigranti jerġà jibdilhom u wara ftit snin imorru lura f'pajjiżhom, b'minoranza jirnexxilha tintegra u tinsa' l-oriġini u d-drawwiet tagħhom. Minflok dawk li ġew fl-Ewropa baqgħu hawn, ingħalqu f'komunitajiet razzjali jew reliġjużi, u bilkemm ma jippretendux li l-pajjiż li laqagħhom ibiddel il-liġijiet biex jakkomodahom! Mhux talli ma kkonvertewx għad-demokrazija, iżda lanqas biss riedu jisimgħu biha. Dan nissel preokkupazzjoni u anki biżà fost iċ-ċittadini Ewropej.
Konsegwenza t'hekk bdew jikbru movimenti fi ħdan il-partiti tradizzjonali, anki partiti ġodda, li bdew jipproponu riċetta opposta għal multikulturaliżmu: l-intergrazzjoni.
Jiġifieri li l-barranin jridu jitgħallmu malajr u sew il-lingwa tal-pajjiż, u jirrispettaw il-liġijiet, mill-Kostituzzjoni sar-regolmenti tal-kwartieti fejn jgħixu, il-kodiċi penali u l-miżuri ta' saħħa f'postijiet pubbliċi. Dwar simboli reliġjużi tip il-burka, projbizzjoni assoluta.
Jekk dawn il-prinċipji bażiċi ma jiġux applikati u obduti, allura ma nieħduhix bi kbira li jitfaċċaw movimenti verament xenofobi li jieħduna għexiren ta' snin lura.

Libanu 23 ta' Ottubru 1983

ATTAKK TERRORISTIKU ISLAMIKU GRAVI B'505 VITTMI
Jekk hawn min jaħseb li l-gwerra kontra t-terroriżmu bdiet wara l-attakk u fuq it-Twin Towers fl-2001, qed jitqarraq. Qabel dak l-attakk terroristiku Islamiku vili li ħalla mat-3000 vittma innoċenti, dawk  it-terroristi kien ilhom iwettqu attentati, u proprju llum 23 ta' Ottubru jaħbat it-28 anniversarju mill-attakk fuq l-Ajruport Internazzjonali ta' Bejrut fil-Libanu li kien ħalla 505 vittma bi kważi mija oħra feruti.
Żewġ trakkijiet mgħobbija b'5400 kilogramma splussiv instaqu b'ħeffa kbira minn żewġ terroristi suwiċida fuq bini ta' għadd ta' barracks li fihom kien hemm għadd kbir ta' suldati Amerikani u Franċiżi, li kienu jagħmlu parti mill-Qawwa Multinazzjonali għall-Paċi fil-Libanu, li kienet intbagħtet hemm biex tissorvelja l-irtirar tal-PLO minn hemmhekk, wara li kienet faqqgħet il-Gwerra Ċivili Libaniża
Minbarra 241 militari Amerikan u 58 Franċiż kien hemm ukoll sitt ċivili mal-vittmi.
Il-Ġiħad Islamika kienet ħadet ir-responsabbiltà tal-attakk, iżda mill-ewwel ingħad li dak kien biss isem ieħor għall-Ħiżbollah, mgħejjunin mir-Repubblika Islamika tal-Iran.
Dan kien l-iktar attakk serju sa' dak iż-żmien,  kontra l-Amerikani barra pajjiżhom minn wara t-Tieni Gwerra Dinjija.

Il-Ġimgħa, 22 ta’ Ottubru 2010

60 Sena mill-Mewt ta’ Nerik Mizzi (1885-1950) – 3

Diskors kommemorattiv mill-Professur Henry Frendo – 6 ta’ Settembru, 2010
 Assaltawlu daru u arrestawh
Meta rritorna Malta mill-Italja qabel l-Ewwel Gwerra, Nerik mill-ewwel imbarka bħal missieru, li kien ġie nieqes fl-1905, fuq karriera politika – ħareġ b’suċċess għall-Kunsill tal-Gvern.
Imċappas diġà allura bl-akkuża ta’ żlealtà, fl-1917, meta kien hemm strajk fit-tarzna, qabdu miegħu, assaltawlu d-dar, żgassawlu l-iskrivanija u l-istamperija tal-Malta u, għad li ma sabu xejn ġdid, arrestawh u tellgħuh qorti marzjali fuq suppost sedizzjoni, b’pieni ħorox.
Fiż-żmien meta l-Italja kienet qiegħda tiġġieled gwerra fuq in-naħa Ingliża stess kontra l-Ġermanja tal-Kaizer, fil-kolonja-fortizza taċ-ċkejkna Malta, dan il-politiku żagħżugħ debuttant, għax kuraġġuż u ta’ prinċipju, intgħażel bħala vittma għas-sagrifiċċju, eżempju għal ħaddieħor li seta’ jazzarda jirreżisti u jopponi r-rieda u l-operat militari-kolonjali omnipotenti, jew iżeblaħ il-prestiġju tiegħu.
Dan, fost l-oħrajn, għax bħala deputat Nerik oġġezzjona fil-Kunsill li r-reliġjon Kattolika fl-iskejjel Maltin tibda tiġi mgħallma bl-Ingliż, minn Ingliż, fuq testi Ingliżi; u maqdar fil-miftuħ dak li hu sejjaħ ‘l-ipokrezija proverbjali Ingliża’ fir-rigward tas-suppost rispett lejn in-nazzjonalità tal-popli.
Wara l-gwerra, lil Nerik insibuh mill-ewwel fuq quddiem nett jirsisti għal Gvern Responsabbli, għall-awtonomija politika u d-drittijiet kostituzzjonali tal-Maltin. Wieħed mill-kolonni ewlenin fl-Assemblea Nazzjonali fil-laqgħat tagħha ta’ Frar u Ġunju 1919, din insibuha in sessjoni proprju fil-kwartieri ta’ Malta Żagħżugħa, il-Giovine Malta, fi Strada Santa Lucia, fejn Nerik kien il-factotum.
Għall-okkażjoni, kif nafu, daħlu l-belt folol kbar imgħaddba għall-Gvern Ingliż, għan-negozjanti tal-qamħ u għal dawk li huma raw bħala kollaboraturi tar-reġim – iniżżlu, iqattgħu u jaħarqu l-bandiera Ingliża.
Nerik kien hemm meta ġera d-demm. Meta, minn fost it-truppi Ingliżi li qabdu u sparaw fuq il-Maltin biex joqtlu, ħadd ma weħel xejn; meta, anzi, sa ttantaw iwaħħlu fih bħala x-xewwiex ewlieni li kien ipprovoka s-Sette Giugno kontrihom.
In-Nazzjonaliżmu ta’ Nerik
Il-formazzjoni tal-Partit Demokratiku Nazzjonalista tiegħu mal-wasla tal-gvern responsabbli fl-1921 tixhed impronta distinta. Għalkemm il-politika Mizzjana kienet tqarreb lejn dik tal-Unione Politica Maltese, immexxija minn Monsinjur Senglean, Ignazio Panzavecchia, kien hemm xi differenzi bejn il-Mizzjani u l-Panzavecchjani. Storikament, din il-formazzjoni hekk imsejħa ‘moderata’ kienet taf l-oriġini tagħha għas-snin disgħin meta Sigismondo Savona, li miet fl-1908, kien sfuma l-partit oriġinali tiegħu, ir-Reform Party, fl-hekk imsejjaħ Partito Popolare, flimkien mal-Kanonku Panzavecchia. Dik il-formazzjoni kienet nibtet l-iktar fil-kwestjoni taż-żwiġijiet imħallta taħt l-umbrella tal-isqof Għawdxi Pietru Pace.
Għalkemm il-PN ta’ missier Nerik dejjem kellu bħala motto patria et religio, u kien emfatikament Kattoliku u Latin, madankollu ma kienx imsejjes fuq il-klerikaliżmu, wisq inqas kien ultramontan, papist, fl-impronta tiegħu, u sa ċertu punt offra ftuħ aktar pluralista fir-rappreżentanza tal-poplu fir-rigward tal-gvernatur, li ma setax jirreferi iktar għall-Isqof bħala l-kap tal-poplu. Fortunat Mizzi kien xellef difru bl-ikrah ma’ Pace, li kien x’aktarx ben dispost lejn il-gvern kolonjali, filwaqt li Savona qabeż fuq il-vagun populista jitbandal fuq il-bradella politika-reliġjuża bħala s-‘salvatur’ u r-‘redentur’. Għalkemm Mizzi x-xiħ u mexxejja Nazzjonalisti oħrajn, bħall-bibljotekarju u storiku erudit, il-Monsinjur Alfredo Mifsud, ma setgħux jeħduha espliċitament kontra l-pożizzjoni riġida ta’ Pace, li effettivament ma riedet li jkun permess l-ebda żwieġ imħallat f’Malta jekk mhux iċċelebrat unikament skont il-liġi Kanonika, kien hemm min ħass li l-kwistjoni kollha kienet ġiet esaġerata u ppolitiċizzata, b’diskors allarmista dwar il-prospett taż-żwieġ ċivili, jekk mhux ukoll id-divorzju.
Iżjed sekulari mill-Unione Popolare Maltese
Fi ftit kliem, il-PN Mizzjan kellu wirt x’aktarx iżjed sekulari u indipendenti mill-karru klerikali-ekkleżjastiku li kien ikkaratterizza l-Partit Popolari Savonjan-Panzavecchjan – wara msemmi Unione Politica Maltese – għall-elezzjonijiet tal-gvern responsabbli. Kellu wkoll timbru xi ftit iżjed legali u kumpatt, kien inqas lest jagħmel kompromessi, apparti l-fattur tal-personalità enerġika u distinta ta’ Nerik innifsu. Kien dan il-fil Mizzjan, inizjalment b’dimensjoni iktar Għawdxija, li ġibed Nerik fil-moviment Nazzjonalista. Il-manifest tiegħu kien pjuttost avangardist.
Fl-1926, imbagħad saret il-funzjoni tal-fazzjonijiet u reġa’ ħareġ, bl-isem oriġinali tas-snin tmenin, il-PN, bħala l-Partit Nazzjonali, anzi Nazzjonalista, bl-element Panzavecchjan u dak Mizzjan taħt kappa waħda. Dawn iż-żewġ fili, ġibdiet jew xejriet, u potenzjalment fazzjonijiet, fil-partit jew il-moviment baqgħu jinħassu u jixirfu rashom b’mod jew ieħor, almenu sas-snin Sittin u Sebgħin, jekk mhux sal-lum.
Il-botta avversarja ta’ “Pappa Nerik” kienet tfisser li l-ewwel il-pappa, imbagħad l-umpappa – l-ewwel żaqqek, min jitimgħek. Il-PN, skont dawn, ma kienx tajjeb biex tpappi jew tpappiha, fis-sens li kienu l-Ingliżi li jipprovdu x-xogħol għal faxex sħaħ ta’ ħaddiema li magħhom kienu ‘jgħixu’, allura ma stajtx iddardar l-għajn li ridt tixrob minnha.[5]
In-nazzjonaliżmu ta’ Nerik ma kienx primarjament dak tal-“pappa”, lanqas kien dak “tan-nemex”, u wisq inqas kien dak tal-“gaxin”. Nerik ftit kien lest għall-kompromessi, żgur qatt ma niżel imbè għal-loqom taħt il-mejda, la ntlewa u lanqas tgħawweġ, anki jekk forsi hawn min jaħseb li tgħaffeġ u nħela. Anzi l-motto tiegħu kien ‘resistere, resistere, resistere’ – motto x’aktarx ispirat mill-eżortazzjoni tal-Prim Ministru Taljan Orlando wara t-telfa ta’ Caporetto, fl-1917, sena li fiha l-ewwel li Mizzi daq l-arrest u l-ħabs.[6] Nirreżistu dejjem, ma nċedu qatt.
 • Ikompli nhar is-Sibt
5  Dwar dawn l-aspetti, specjalment fi zmien il-karriera pubblika ta’ Nerik, ara x-xogħol prospettiv tiegħi Culture, Politics and the Future of Identity, skedat għall-Fiera tal-Ktieb li se ssir bejn l-10 u l-14 ta’ Novembru (Midsea, 2010).
6 H. Frendo, Nerik Mizzi: The Formative Years (Malta University History Society, 2009), p. 13.

Il-Ħadd, 17 ta’ Ottubru 2010

Laqgħa oħra inutli dwar il-klima

GĦADHOM MA QATGĦUX QALBHOM !
Wara l-fjask tal-Konferenza tan-Nazzjonijiet dwar il-Klima f'Diċembru tas-sena l-oħra f'Kopenħagen li suppost kellha twassal għall-ftehim bejn  il-pajjiżi kollha għal xi protokoll Kjoto 2, l-allarmisti, l-ekoterroristi u dawk kollha li jridu jkomplu jistgħanew bit-twerwir, bil-manipulazzjoni stil Climategate u bl-impożiżżjoni ta' miżuri li suppost jikkontrollaw u jwaqqfu t-tibdil naturali tal-klima, għadhom ma qatgħux qalbhom, u minn dakinhar ma waqfux jorganizzaw konferenzi, summits u laqgħat – b'iżjed tixrid ta' aktar C02 – biex jippruvaw jilħqu kompromess bi tħejjija għal Summit kbir ieħor (bħal dak fallut ta' Kopenħagen) f'Cancun fil-Messiku bejn Novembru u Diċembru.
L-aktar waħda riċenti saret il-Ħamis li għadda fi Brussels fejn sar il-Kunsill tal-Ambjent tal-Unjoni Ewropea fejn Ministri tal-Ambjent kellhom jippruvaw jilħqu ftehim biex iżiedu t-tnaqqis tal-gassijiet serra (CO2) minn 20% għal 30% tal-livelli li kienu fl-1990, u jippreżentaw front magħqud għas-Summit ta' Cancún biex juru kemm huma "bravi", meta fil-fatt b'hekk ikunu qed iwettqu suwiċidju ekonomiku.
Naturalment, bħalma kien hemm ħafna bassru, minn din il-laqgħa ma ħareġ xejn ġdid, u dwar l-aktar ħaġa kontroversjali: dik li jintrabtu li jżiedu t-tnaqqis tas-CO2 minn 20% għal 30%, iddeċidew li ma jiddeċidux.
Dan kien inevitabbli meta tqies li diversi pajjiżi bħall-Italja, il-Polonja u l-pajjiżi fl-Ewropa tal-Lvant eks satelliti tar-Russja Sovjetika huma kontra, filwaqt li sa' ftit ilu anki l-Ġermanja u Franza ma kienux jaqblu li jkabbru t-tnaqqis tal-emissjonijiet. Biex ma nsemmux li anki l-istess Kummissarju għal Azzjoni dwar il-Klima Connie Hedegaard, sa' Ġunju li għadda, ukoll kienet iddikjarat li dik iż-żjieda ma kenitx tagħmel sens fil-kundizzjonijiet attwali, biċ-Ċina u l-Istati Uniti għadhom ma mpenjawx ruħhom għal miżuri simili.
Minflok issa jidher li, indirettament, ġiet aċċettata l-pożizzjoni tal-Italja u l-pajjiżi l-oħra, li qabel jiġu imposti aktar miżuri bħal din tat-30% (anki jekk kundizzjonata mal-fatt li basta l-pajjiżi l-oħra f'Cancún jaqblu li jagħmlu l-istess), għandhom isiru aktar studji biex isir magħruf kif miżuri bħal dawn jolqtu kull pajjiż individwalment.
Barra minhekk il-Ministeru tal-Ambjent ta' Stefania Prestigiacomo, permezz tad-Direttur Corrado Clini, ħeġġeġ lill-Ministri tal-UE jibdew jaħsbu bis-serjetà  dwar kemm in-nukleari hija teknoloġija utili u tant nadifa biex tassew jitnaqqsu l-emissjonijiet.
Prestigiacomo kienet ikkritikat bl-aħrax lill-Kunsill tal-Ambjent meta esklamat hekk: "ta' min wieħed jara kemm f'dan il-Kunsill jirraġunaw b'mod realistiku, jew inkella humiex jinkitbu kotba tal-ħolm."
Ta' min jinnota li din id-darba, għal-laqgħa tal-Ħamis li għadda, Prestigiacomo ma attenditx, u minflokha bagħtet lir-Rappreżentant Permanenti tal-Italja fl-UE Vincenzo Grassi.
Dan hu t-tieni falliment f'inqas minn xahar ta' tentattiv biex jintlaħaq ftehim qabel is-Summit ta' Cancún. Ftit jiem qabel saru sessjonijiet (b'aktar ħruġ ta' CO2!) ta' żewġ working groups tal-UNFCC (l-AWG-KP u l-AWG-LCA) f'Tianjin, fiċ-Ċina bi tħejjija għal Cancún, u hemm ukoll ma sar l-ebda progress, b'kull pajjiż jibqà jżomm il-pożizzjoni tiegħu. B'mod partikulari  ċ-Ċina li ma tridx irbit legali u kontroll ta' tnaqqis tal-emissjonijiet, u bil-muzuri li ried jgħaddi Obama fl-Amerika, imwaħħlin fis-Senat fejn anki senaturi Demokratiċi kienu vvutaw kontrihom f'Lulju, b'Obama jissogr bis-serjetà li jitlef il-maġġoranza fis-Senat wara l-elezzjonijiet 'mid-term' tax-xahar id-dieħel.
Mhux ta' b'xejn li kulħadd jew kważi, diġà qed jammetti li s-summit ta' Cancún fil-Messiku se jsir għalxejn, bħalma ġara f'Kopenħagen, biex kollox jiġi pospost b'sena oħra għas-summit tal-2011 fl-Afrika t'Isfel !











Kien ġie kalkulat li għas-summit ta' Kopenħagen kienu attendeww delegati minn 192 pajjiż, 5,000 ġurnalist u 40,000 attivsti ambjentali, bi ħruġ ta' aktar minn 40,500 tunnellata ta' CO2 – daqs il-Marokk f'sena!. U dan kollu għalxejn! 

Il-Ħadd, 10 ta’ Ottubru 2010

60 Sena mill-Mewt ta’ Nerik Mizzi (1885-1950) – 2

Diskors kommemorattiv mill-Professur Henry Frendo – 6 ta’ Settembru, 2010

Malta tal-Maltin!’ ‘Malta m’hix tal-Ingliżi!’
Nerik ħareġ minn ġuf ommu (imwielda Sofia Fogliero de Luna), mgħammed fin-nazzjonaliżmu anti-kolonjali Malti. Is-sena li fiha huwa twieled kienet immarkata minn għajta storika waqt inkontru Nazzjonalista fil-Pjazza tal-Palazz, Piazza San Giorgio, li fil-pront sfat irrappurtata lill-gvernatur għal passi dixxiplinari minn Imperjalist li kien preżenti. Il-għajta kienet: ‘Malta tal-Maltin!’ ‘Malta m’hix tal-Ingliżi!’ Skont dan l-ispjun Malti, dik l-għajta kienet akkumpanjata minn oħra, terġa’ iktar sedizzjuża minnha, biex il-barrani jitlaq ’il barra minn pajjiżna (‘fuori lo straniero!’). Din is-sejħa nsibuha ripetuta minn Fortunat Mizzi fl-1899, meta ibnu Nerik kellu 14-il sena: “il-Maltin”, huwa kiteb, “kienu jħossuhom bħall-Irlandiżi, illi ‘tgħidx kemm kienu jieħdu gost meta l-Gvern Ingliż jaqbad u jitlaq ’il barra (bag and baggage) u jħallihom jieħdu ħsieb ħwejjiġhom”. (2)
Is-sena tat-twelid kienet ukoll dik li fiha missieru ħareġ pubblikament bis-sejħa għall-ħolqien ta’ jum nazzjonali għal Malta, biex b’dan juru li l-Maltin kienu poplu, kienu nazzjon magħqud, espress u  simbolizzat fil-Jum Nazzjonali tiegħu. Wieħed malajr jifhem kif f’dik il-ħabta, id-data magħżula kienet l-Otto Settembre – b’tifkira tal-Assedju f’Malta tal-1565, li mmarka r-rebħa tal-Ewropa Kristjana fuq l-avvanz Musulman Tork, immortalizzat mill-monument ta’ Antonio Sciortino quddiem il-qorti, li nkixef fl-1927 fi żmien l-amministrazzjoni Mifsud-Mizzi.
Ma’ qlib is-seklu, fl-1901, ta’ 16-il sena, insibuh viċin missieru fil-lotta ħarxa u ostruzzjonista kontra l-ingliżizzazzjoni furzata u l-estimi għal xogħlijiet infrastrutturali inparti għall-benefiċċju tal-gwarniġjon; ġlieda favur is-suppost normi ta’ gvern rappreżentattiv b’maġġoranza Nazzjonalista eletta u injorata, meta allura seħħew id-dimostrazzjonijiet kbar barra l-Bieb tal-Bombi, għax fil-Belt il-laqgħat pubbliċi kienu ġew projbiti. Kienet ukoll is-sena li fiha xi tletin Nazzjonalist inġabru mill-pulizija fuq suspett li matul il-lejl kienu ddanneġġaw bl-aċtu l-istatwa tal-Maestà Tagħha r-Reġina Vittorja fi Pjazza Reġina, quddiem il-Bibljoteka. Il-Kunsill Rappreżentattiv tal-Istudenti (il-Comitato Permanente Universitario), li nbeda, kif għedt f’dan il-waqt, imbagħad kien ġie pprojbit f’nofs is-snin tletin meta kien immexxi minn Ġorġ Borg Olivier.(3)
Sakemm ġie ttrasferit minn Malta s-Segretarju Prinċipali tal-Gvern, Strickland, u fl-1903 ġie rrevokat il-gvern rappreżentattiv miksub mill-PN sitt snin qabel, fl-1887, lil Nerik insibuh fi triqtu għall-Baċellerat fl-Arti u x-Xjenzji mill-Università ta’ Malta. L-ewwel esperjenza universitarja tiegħu, għalhekk ikkoinċediet ma’ perjodu retrograd li fih Malta lanqas kellha iżjed kostituzzjoni funzjonabbli, żmien ta’ protesti, ta’ astensjonijiet, ta’ bojkottaġġi, ta’ tentattivi sabiex b’xi mod tinħoloq assoċjazzjoni politika-patrijottika Maltija b’xeħta apparenti ta’ demokrazija diretta.
Esperjenza Taljana li għaġnet lil Nerik Mizzi
Fl-1907 tibda fażi ġdida u formattiva f’ħajjet Nerik. Hu jħalli Malta u jmur jgħix u jistudja l-liġi l-Italja għal ħames snin, l-ewwel f’Ruma u mbagħad f’Urbino, mnejn jiggradwa b’dottorat fil-liġi fl-1912 b’teżina dwar il-qagħda tal-ġurnalist fl-istampa u fil-liġi.
Kif urejt imkien ieħor u kif nerġa’ nuri fi ktieb li ħiereġ dalwaqt – Culture, Politics and the Future of Identity – din l-esperjenza Taljana kompliet għaġnet u instigat lil Nerik.
Apparti l-istudji u l-kuntatti ġodda tiegħu fi sferi ġurnalistiċi, akkademiċi u politiċi, dan kien żmien movimentat ta’ kambjamenti, sew fl-Italja – bil-kisba tal-Libja fl-1911 – kif ukoll fix-xena internazzjonali bl-axxendenza galoppanti tal-Ġermanja, l-alleanza Anglo-Franċiża, u d-distakk navali tal-Ingilterra mill-Mediterran.

Snin ta’ tbatija u miżerja
F’Malta, l-assenza ta’ Mizzi bejn l-1907 u l-1912 ikkoinċidiet ma’ snin ta’ tbatija u miżerja soċjo-ekonomika, qagħad u emigrazzjoni, flimkien ma’ staġnar politiku-kostituzzjonali nett – sfond doppju għall-politika soċjo-ekonomika u ta’ żvilupp nazzjonali pro-attiv li Mizzi beda jabbozza u jsostni ftit snin biss wara.
F’dawn iċ-ċirkustanzi wkoll, Nerik aktar ħass ħajja l-Italjanità ġeografika, kulturali, reliġjuża, storika u lingwistika ta’ gżirtu, kif ukoll il-ħtieġa ta’ żblokk fil-qagħda soċjali, politika u kostituzzjonali tal-pajjiż, iktar u iktar la l-preżenza Taljana fil-Mediterran kienet qiegħda tikber, filwaqt li dik Ingliża kienet qiegħda tmajna.
Wara l-laqgħa f’Malta bejn Asquith, Churchill u Kitchener fl-1912, l-Ingilterra u Franza kienu ftehmu biex jirriallokaw bejniethom l-isferi tal-ħarsien navali, bil-flotta Ingliża titlaq minn Malta ħalli tikkonċentra l-forzi tagħha fil-Baħar tan-Nord.
Kien f’dan il-kuntest strateġikament mibdul u kulturalment sospett li Mizzi fl-1912 ħareġ bis-suġġeriment f’rivista, meta kien għadu student, li Malta titpartat mal-Eritrea bejn l-Italja u l-Ingilterra> bil-patt, iżda, li Malta f’pactum foederis mar-Renju Taljan tgawdi awtonomija politika reġjonali, kif ukoll tibbenefika minn privileġġi u aċċessi għal riżorsi superjuri Taljani, u fl-istess waqt li tibqa’ tipprovdi liberament kwalunkwe faċilitajiet navali u portwarji meħtieġa lir-Renju Unit u stati oħrajn.

Proposta li riedet ukoll awtonomija għal Malta
Rappreżentanti Maltin kellhom wkoll jiġu eletti fil-Parlament Taljan biex javvanzaw l-interessi Maltin. Kienet proposta ta’ federazzjoni jew integrazzjoni li riedet ukoll awtonomija għal Malta, bil-benefiċċji kollha possibbli li Malta setgħet takkwista mill-ġara, l-Italja, fiż-żmien meta l-faxxiżmu lanqas biss kien għadu tfaċċa. (4)
Wara li Franza kienet ħadet Tuneż, fl-1883 l-Italja ssieħbet f’alleanza mal-Awstrija u l-Ġermanja. Bil-proposta ta’ Nerik, issa fl-1912, ma setgħetx minflok l-Italja tissieħeb f’alleanza mal-Ingilterra?
Minn hawnekk, l-iktar li oriġinat l-akkuża ta’ irredentiżmu u żlealtà versu l-Ingilterra u l-Imperu tagħha. Kienet akkuża politikament konvenjenti għall-avversarji ‘leali’, anzi ‘lealissmi’, b’taħwira ta’ nazzjonaliżmu lingwistiku klassiku, li kellha tibqa’ tittormentah għal għomru u tinfluwenza l-memorja kollettiva ta’ British Malta b’mod tanġenzjali.
Dan, minkejja li fl-1932, meta kien fil-Gvern, insibuh Londra flimkien mal-Prim Ministru tiegħu, Sir Ugo Mifsud, jitlob għal Malta d-Dominion Status, skont l-istatut frisk frisk ta’ Westminster tal-1931.
Id-Dominion Status kien ifisser awtonomija ftit jew wisq sħiħa għal Malta fi ħdan l-Imperu Ingliż, li beda jissejjaħ Commonwealth – kważi indipendenza, bħall-Kanada u l-Awstralja. M’għandniex xi ngħidu, għal Malta, l-Ingliżi la riedu l-ewwel proposta ta’ awtonomija reġjonali f’patt mal-Italja, u lanqas it-tieni waħda ta’ awtonomija statutorja fi ħdan l-Imperu Ingliż.
• Ikompli ġimgħa oħra
2  H. Frendo, Żmien l-Ingliżi – Is-Seklu Dsatax (KKM, Valletta, 2004), p. 278.
3  Għal aktar tagħrif dwar dan, ara x-xogħol tiegħi Culture, Politics and the Future of Identity, op.cit.
4  Ibid., p. 151, p. 159; u ara l-introduzzjoni ‘Motherland and Empire’ f’A. Sammut, The Court Martial of Enrico Mizzi (Midsea, 2005), vii-xii.

Is-Sibt, 9 ta’ Ottubru 2010

ŻEWĠ GVERNIJIET OĦRA TAĊ-ĊENTRU-LEMIN FL-EWROPA

In-nuqqas ta' fiduċja fil-kapaċità tal-partiti u movimenti Xellugin li jiffaċċjaw u jsolvu l-problemi tal-kriżi finanzjarja-ekonomika li qed tiffaċċja d-dinja, qed dejjem tikber u tinxtered, b'kull opportunità li jkollhom il-popli jwarrbuhom u jagħżlu jew jikkonfermaw partiti u koalizzjonijiet taċ-Ċentru-Lemin sabiex jiggvernawhom, bħalma ġara din il-ġimgħa fil-Latvja u fl-Olanda.

FIL-LATVJA
MAĠĠORANZA IKBAR GĦALL-KOALIZZJONI FIL-GVERN
Wara l-elezzjoni tal-Ħadd li għadda fil-Latvja l-koalizzjoni Ċentru-Leminija "Unità" (Vienotíiba -V) flimkien ma' partiti oħra taċ-Ċentru u l-Lemin li kienu jiffurmaw il-gvern ta' Valdis Dombrovskis (ritratt) mhux biss ġiet konfermata mill-poplu, iżda kompliet ssaħħet u issa kisbet 58.6 fil-mija tal-voti li jissarfu f'maġġoranza komda fil-parlament ta' 63 minn 100 siġġu.
Dan minkejja li l-gvern kellu jieħu deċiżjonijiet xejn popolari biex jaffronta l-kriżi finanzjarja-ekonomika  billi jnaqqas l-infieq tal-gvern u jintroduċi riformi strutturali biex ikun kredibbli mal-investituri barranin, il-Kummissjoni Ewropea u l-Fond Monetarju Internazzjonali. Dawn l-aħħar tnejn salvaw lill-pajjiż minn diffikultajiet finanzjarji (bailed out) b'self fit-tul, li l-gvern qal ċar u tond li biex jitħallas lura se jkollu jagħmel budgets iebsa.
 Minkejja wkoll it-tbassir pessimistiku ta' diversi osservaturi (u s-soltu opinion polls qabel l-elezzjoni) li kienu diġà għamluha fatta t-telfa taċ-Ċentru-Lemin, u r-rebħa tal-ikbar alleanza fl-oppożizzjoni, l-hekk imsejħa "Ċentru tal-Armonija" (SC), xellugija b'ideat Komunisti, u favur Moska, bil-biċċa l-kbira tad-deputati tagħha ġejjin mill-komunità Russa fil-pajjiż.
Din fil-fatt spiċċat tilfet 5 siġġijiet meta tqies li t-tlett partiti li ngħaqdu fil-koalizzjoni, fl-elezzjoni ta' erba' snin ilu kienu kisbu 34 siġġu bejnithom u issa spiċċaw b'29.
B'kollox ix-Xellug ġabru 26% tal-voti, bi kważi l-kumplament kollha jivvutaw lill-"Unità", lill-Unjoni ċentrista tal-Ħodor u l-Bdiewa ZZS (19.7% u 22 siġġu), u lil blokk ieħor tal-Lemin "Alleanza Nazzjonali" (NA) bis-7.7% li kisbet akkwistat 8 siġġijiet oħra.
Dan ifisser li fil-parlament tal-Latjva issa hemm maġġoranza assoluta ta' 71 siġġu bl-appoġġ ta' aktar  minn 66% tal-elettorat.
Dan ma kienx ikun possibbli kieku l-partit taċ-Ċentru u tal-Lemin baqgħu maqsumin f'geġwiġija ta' partiti frott piki, antagoniżmu u ambizzjonijiet personali. Ġieli kien hemm anki għaxra minnhom!


FL-OLANDA
GVERN ...WARA ERBA' XHUR MOĦLIJA
Bħalma kien mistenni, u bħalma soltu jiġri fl-Olanda wara kull elezzjoni, tħallew jgħaddu x-xhur, din id-darba erba', qabel intlaħaq ftehim biex ikun jista' jiġi ffurmat gvern, u l-Ħamis ir-Reġina Beatriċi inkarigat lill-mexxej tal-Partit tal-Libertà (VVD) Mark Rutte biex jifforma gvern.  Erba' xhur moħlija, perikolużi quddiem il-kriżi internazzjonali, u inspjegabbli meta tqies, bħalma kont ikkummentajt fil-post tiegħi tat-13 ta' Ġunju, li l-poplu kien tkellem ċar bil-vot tiegħu meta ta maġġoranza ta' voti u siġġijiet lill-partiti taċ-Ċentru-Lemin.
Infatti l-erba' partiti taċ-Ċentru-Lemin kisbu 53% tal-voti u 81 mill-150 siġġu fil-parlament, imqassmin hekk: Partit Popolari għal-Libertà u Demokrazija (VVD) 31 siġġu; Appel Kristjan-Demokratiku (CDA) 21;  Partit tal-Libertà (PVV) 24; Unjoni Kristjana (CU) 5.
  Fuq il-karta, għalhekk, il-formazzjoni tal-gvern kellha tkun ħaġa faċli ħafna aktar minn qabel. Għaliex allura nħlew dawn l-erba' xhur vitali?
Raġuni ewlenija kienet ir-reżistenza minn  elementi Xellugin fil-partit Kristjan-Demokratiku (CDA) li jaċċettaw il-verdett u l-messaġġ tal-poplu li ried gvern Ċentru-Lemini.
Dawn  l-istess elementi kienu wasslu lis-CDA biex, wara l-aħħar żewġ elezzjonijiet (2002 u 2206), il-partit mar kontra l-għeruq Ċentru-leminin naturali tiegħu u appoġġja jew ingħaqad fi gvernijiet Ċentru-Xellugin mal-Partit Laburista (PdvA) li, inevitabilment, minħabba n-nuqqas ta' omoġenjità bejnithom, waqgħu qabel iż-żmien.
L-aħħar wieħed fi Frar li għadda meta l-Laburisti ma qablux li l-gvern Olandiż iżied is-suldati għall-gwerra kontra t-terroriżmu fl-Afganistan.
Geert Wilders (PVV), Mark Rutte (VVD) u
Maxime Verhagen (CDA) jifirħu  bil-ftehim 
Dan wassal għall-elezzjoni ta' Ġunju li għadda, li fiha l-maġġoranza tal-votanti kabbru l-appoġġ lill-partiti taċ-Ċentru-Lemin, iżda fl-istess ħin ppenalizzaw lill-KristjanDemokratiċi billi s-CDA naqqas nofs il-voti biex b'hekk mill-ikbar partit spiċċa r-raba', u tilef nofs is-siġġijiet fil-parlament.
Jidher li l-maġġoranza fis-CDA issa tgħallmuha l-lezzjoni, għax waqt konferenza ġenerali straordinarja 68% ivvutaw favur koalizzjoni  Ċentru-Leminija mal-partit ta' Rutte, appoġġjata mill-PVV.
Infatti Mark Rutte ħabbar li l-ġimgħa d-dieħla se jitlob il-fiduċja tal-parlament għall-gvern tiegħu magħmul mill-partit tiegħu VVD, mas-CDA, bl-appoġġ minn barra tal-Partit tal-Libertà (PVV), b'dan l-aħħar partit populista tal-kontroversjali Geert Wilders ikun l-aktar wieħed li mar tajjeb biex ħa  post is-CDA bħala t-tielet l-ikbar partit billi żjied il-voti b'9.6% għal 15.5%.
Filwaqt li l-Wilders mhu se jkollu l-ebda ministru fil-kabinet, dan wiegħed l-appoġġ tal-partit tiegħu lill-programm tal-gvern "Libertà u Responsabbiltà" li se jinkludi projbizzjoni tal-ilbies tal-burka għal raġunijiet ta' sigurtà, tal-veli fl-iskejjel u uffiċji tal-gvern, tnaqqis drastiku fuq l-immigrazzjoni minn pajjiżi Musulmani u oħrajn mhux mill-Punent, li mhumiex biss konċessjonijiet lil PVV, iżda għarfien tal-preokkupazzjoni tal-poplu Olandiż dwar dawn il-problemi.
Bħalma kont osservajt tlett ġimgħat ilu meta kkummentajt dwar l-elezzjoni fl-Isvezja, faċli telimina partiti bħal dawn, li qed javvanzaw f'pajjiż Ewropew wara ieħor, bħala xenofobi u razzisti, iżda dawn jirriflettu l-ansjetà ta' miljuni ta' votanti, li l-partiti l-kbar jagħmlu tajjeb jippruvaw jifhmuhom, u jieħdu miżuri meħtieġa, qabel ikomplu jikbru partiti bħal dawn bil-possibiltà ta' instabbilità politika.
Hekk qed jagħmlu gvernijiet bħal dak ta' Franza, il-Belġju, u dalwaqt fl-Italja u anki fl-Ingilterra, hekk kif medja ta' 60% tal-popli Ewropej huma favur l-projbizzjoni tal-ilbies li jgħatti speċjalment l-uċuh. 
Wider Two Column Modification courtesy of The Blogger Guide