SFIDA U PROVOKAZZJONI PPJANATA
Bħalma kien mistenni wara l-inċident dalgħodu fuq il-vapur Tork "tal-paċi" mballat b'attivisti filo-Palestinjani u l-Ħamas fl-ibħra ta' Iżrael, il-media internazzjonali għaġġlet tħabbar il-"kundanna unanima għall-attakki tal-qawwiet Iżraeljani fuq il-bastimenti mgħobbija b'eluf ta' tunnellati ta' għajnuna umanitarja" għall-Palestinjani f'Gaża.Iżda aktar ma bdew jaslu aħbarijiet aktar beda jsir magħruf li:
1. Il-qawwiet Iżraeljani wissew lill-bastimenti biex ma jibqgħux isalpaw lejn l-istrixxa ta' Gaża għax dik kienet żona ta' gwerra taħt imblokk navali u kienu se jaqbżu l-ibħra internazzjonali;
2. Dawn offrewlhom li l-bastimenti jidħlu f'Port ta' Ashdod biex minn hemm l-għajnuna lill-Palestinjani titwassal, bħalma ilu jsir, minn fuq l-art, taħt is-sorveljanza tal-istess attivisti;
3. Meta dawn il-bastimenti baqgħu jisfidaw it-twissija, u morini Lhud bdew neżlin mill-ħelikopters fuq l-ewwel u l-ikbar bastiment Tork, il-"Mavi Marmara", dawn ġew attakkati vjolentement mill-attivisti filo-Palestinjani, l-biċċa l-kbira Torok, b'kanen, arbli, ktajjen, mazez, boċċi tal-ħadid, skieken, hand-grenades, bombi tan-nar, u pistoli li ħatfu lis-suldati, b'uħud minnhom mis-suldati mixħuta l-baħar;
4. Kien hawn li s-suldati Iżraeljani kellhom jiftħu n-nar biex jiddefendu lilhom infushom.
5. Dan kollu hu ppruvat b'filmati li nġibdu mill-ħelikopters u patrol boats Iżraeljani u li ntwerew mill-media internazzjonali, mhux kollha, għax dawn aktar kienu interessati juru l-protesti kontra l-Lhud, u l-ħruq ta' bnadar ta' Iżrael!
Dawn huma żewġ filmati miġbuda bil-lejl bl-infra-red, li xandru l-qawwiet armati Iżraeljani dwar l-attakki kontra s-suldati tagħha:
Sar magħruf ukoll li fost l-għaqdiet mdaħħla f'din il-flotta filo-Palestinjana li telqet minn Ċipru hemm il-Moviment Internazzjonali ta' Solidarjetà, li għandu rekord mill-agħar filli jpoġġi nies innoċenti ta' diversi nazzjonalità fil-periklu billi jibgħathom f'żoni ta' gwerra fil-Palestina, fosthom tfajla Maltija f'April li għadda (Ara l-post tas-27/04/10).
Mhux ta' min lanqas jinsa' il-każ tal-attakk f'ristorant f'Tel Aviv f'Iżrael li wassal għal qtil ta' tlett ċittadini innoċenti u għadd ta' feruti: dak l-attakk twettaq minn terroristi li nħbew wara l-istess moviment, li attivista tiegħu fl-2003 kien spiċċa arrestat fl-Istati Uniti meta pprova jgħaddi madwar $20,000 lil Ħamas.
Qed joħroġ ċar ukoll li dan l-episodju kollu kien ippjanat bħala provokazzjoni bl-iskop aħħari preċiż li jisfrattaw it-taħditiet li kellhom isiru proprju f'dawn il-jiem fl-Amerika bejn il-Prim Ministru Iżraeljan Netanjaħu u l-President Obama.
Fil-fatt Netanjaħu mill-Kanada ma baqax sejjer l-Istati Uniti kif kien ippjanat, iżda rritorna f'pajjiżu qabel iż-żmien, minħabba din il-kriżi.
Dinj l-istrateġija Palestinjana ta' 'sfrattar', kull darba li jkun jidher li se jsir progress lejn soluzzjoni tal-kriżi Palestinjana, ilha titħaddem sa' minn żmien Arafat, u hekk jidher li sar din id-darba, meta kien qed jidher li l-isforzi ta' Obama lejn soluzzjoni kienu mexjin fit-triq it-tajba.
No comments:
Post a Comment