TORT TAS-SOĊJALISTI U X-XELLUG
Min ma semgħax bil-kriżi ekonomika/finanzjarja tal-Greċja u kif dak il-pajjiż immexxi mis-Doċjalistio ta' George Papandreou jinsab f'xifer il-falliment totali, allura mhux jgħix f'dinja. Forsi smajtu wkoll min janalizza x'wassal għal din il-kriżi, u min kien jaħti għaliha. Il-media internazzjonali, ikkupjata, bħas-soltu minn dik lokali, ssostni li t-tort huwa tal-'gvernijiet' Griegi (jiġifieri mhux gvern wieħed partikulari), li gidbu dwar il-qagħda tal-finanzi tal-pajjiż. Gidbu mal-poplu u gidbu mal-Unjoni Ewropea biex fl-2000 il-pajjiż jiġi aċċettat fiż-żona Ewro.Iżda min kien fil-gvern dak iż-żmien? Kien għad hemm il-Pasok, jew aħjar il-Partit Soċjalista Grieg immexxi minn Costas Simitis.
Qed ngħid kien għad hemm għax b'kollox, sakemm saret l-elezzjoni fl-2004, is-Soċjalisti kien ilhom fil-gvern 11-il sena. Allura b'liema wiċċ tost issib min irid iwaħħal it-tort tas-sitwazzjoni Griega fiċ-Ċentru-Lemini ND (jew "Demokrazija Ġdida) ta' Karamanlis, meta dan, malli rebaħ l-elezzjoni, sab li s-Soċjalisti kienu gidbu li rnexxilhom iniżżlu d-defiċit taħt it-3% tal-Prodott Gross Domestiku u li d-dejn nazzjonali kien taħt is-60%.
Issa wieħed diffiċli jifhem kif minn naħa tal-Unjoni Ewropea, min kien responsabbli ma ndunax b'dan il-qerq meta u jekk iċċekkja d-dikjarazzjoni tal-gvern Soċjalista ta' Simitis.
Is-Soċjalist Simitis beda t-triq biex illum ġab
lil Greċja ta' sieħbu Papandreou tallaba
Ħadd inqas mix-Xellugi Taljan Romano Prodi li flimkien ma' xellugi ieħor, anzi s-Soċjalista Spanjol Pedro Solbes, li dak iż-żmien kien il-Kummissarju Ewropew għall-Affarijiet Ekonomiċi u Monetarji, aċċettaw il-kontijiet imbagħbsa tal-Gvern Soċjalista Grieg, u qabel ma biss ivverifikaw dawk il-kontijiet iċċelebraw dak it-tkabbir taż-ŻonaEwro!
Iżda x'kien wassal lil Greċja fil-qagħda finanzjarja/ekonomika daqshekk imwiergħa li s-Soċjalkisti riedu jaħbu għax inkella l-pajjiż ma kienx se jiġi aċċettat fiż-ŻonaEwro? Ħafifa it-tweġiba: is-Soċjaliżmu.
Illum nafu li s-Soċjaliżmu ma jnissilx, ma jipproduċix ġid; iwassal għall-falliment u l-faqar. Għal dan iwassal meta għandek is-settur pubbliku, ċjoè il-gvern jikkontrolla l-ekonomija, billi jikkontrolla l-pagi jew 'jinnazjonalizza' l-industrji.
Dan iwassal għall-ħela, impjiegi bl-addoċċ mal-gvern, finanzi mħartbta u bla kontroll, insomma għall-agħar forma ta' welfare state, li llum ħafna qed isostnu li jrid jiġi kunsidrat mill-ġdid.
Imma nkomplu fuq il-gvern ta' Simitis u l-wirt li ħalla lil Karamanlis: malli rnexxielu jdaħħal lil Greċja fiż-ZonaEwro, minflok ma ta bidu għar-riformi strutturali meħtieġa, dan f'daqqa waħda ftakar li hu Soċjalista, u għalhekk ippospona l-miżuri xejn popolari meħtieġa, bħall-introduzzjoni tad-dixxiplina fiskali, lill-amministrazzjoni ta' warajh. L-istess għamel, imbagħad, meta għabba lill-pajjiż u lil Karamanlis bl-ispiża enormi tal-organizzazzjoni tal-Logħob Olimpiku.
Malli mbagħad tela' fil-gvern l-ND ta' Karamanlis u pprova jdaħħal id-dixxiplina fiskali jew josserva l-obbligazzjonijiet taż-ŻonaEwro, is-Soċjalisti kienu jaqilgħu l-inkwiet u jfixklu kull progress, anki bil-kompliċità tal-Unions.
F'din is-sitwazzjoni Karamanlis ma satax ikompli jiggverna u s-sena l-oħra sejjaħ elezzjoni sentejn qabel iż-żmien, bit-tama li l-poplu jagħtih raġun u jkabbarlu l-maġġoranza ta' siġġu wieħed biss li kellu. Minflok il-poplu ħasibha mod ieħor – veru kien hemm il-każ ta' żewġ ministri suspettati f'każi ta' skandli fi proprjetà u n-nirien katastrofiċi mqabbda apposta fil-foresti tal-Greċja fis-Sajf l-ieħor, iżda forsi ħaseb li jekk jivvota fil-gvern lis-Soċjalisti dawn ma kienux se jdaħħlu l-miżuri ta' awsterità li Karamanlis sostna li jitla' min jitla' kien se jkollu jattwa ...kif fil-fatt qed jiġri, wara tant wegħdiet fiergħa minn Papandreu.
Dan issa ma setgħax iżomm kelmtu ma' dawk li vvutawlu u din hi r-raġuni tal-protesti tal-lum.
Fil-fatt skond stħarriġ tal-opinjoni pubblika mxandar mill-ġurnal Kathimerini fil-bidu ta' dan ix-xahar, 76% minn dawk mistoqsija wieġbu li xejn m'huma sodisfatti bil-ħidma tal-gvern, filwaqt li l-popolarità ta' Papandreu naqset għal 43% mit-53% f'Jannar - telf ta' 10 fil-mija.
Qabel bidlu l-gvern il-Griegi messhom ftrakru kif kull fejn jiggvernaw is-Soċjalisti mhux talli ma solvewx il-kriżi f'pajjiżhom anzi ggravawha – Spanja, il-Portugall, l-Ingilterra huma biżżejjed bħala eżempji u ftuh-il-għajnejn għal kulħadd mhux għall-Griegi biss.
No comments:
Post a Comment