Is-Sibt, 8 ta’ Mejju 2010

Iċ-Ċentru-Lemin Rebbieħ fir-Renju Unit Ukoll

IL-LABOUR TILFU U L-KONSERVATTIVI GĦANDHOM JIGGVERNAW
Anki jekk il-partit tiegħu ma rnnexxielux (minħabba wkoll is-sistema elettorali Ingliża) jikseb siġġijiet biżżejjed fil-Parlament biex jiggverna waħdu, David Cameron għandu fil-jiem li ġejjin jinħatar l-iżgħar Prim Ministru fl-istorja tar- Renju Unit mill-1812 'l hawn. Jekk dan ma jsirx tkun daqqa ta' ħarta kbira għad-demokrazija parlamentari li tant jiftaħru biha l-Ingliżi, u allura għandha ssir elezzjoni oħra fl-iqsar żmien.
Huma tal-mistħija u insult lis-sovranità tal-poplu t-tentattivi tal-mexxejja Laburisti li biss jikkontemplaw il-possibiltà li jiffurmaw koalizzjoni mal-Liberali-Demokratiċi ta' Nick Clegg biex jibqgħu imkaħħla mal-poter,  minkejja li l-elettorat skreditahom bil-kbir meta tqies li tilfu kważi 100 siġġu u 'l fuq  minn sitta fil-mija tal-voti li kellhom.
Mill-banda l-oħra minkejja l-ħafna agħa u tbassir ta' kemm Clegg se jmur tajjeb  wara d-dibattiti fuq it-televiżjoni – tant li kien hemm min bassar li saħansitra se jgħaddu lill-Laburisti!  – spiċċa biex mhux talli ma żjiedx il-voti, talli anki hu naqqas l-appoġġ u tilef ħames siġġijiet. B'hekk ukoll tgħib il-possibiltà ta' koalizzjoni "Xellugija-Progressiva", għax bejniethom il-Labour u l-Lib-Dem jgħaqqdu biss 315-il siġġu (Lab. 258 + Lib-Dem 57). Jiġifieri jonqoshom 11-il siġġu għat-326 meħtieġa biex jiffurmaw maġġoranza fil-House of Commons. Jistgħu jagħmlu dan biss jekk jirnexxilhom jikkonvinċu lilll-partiti żgħar separatisti Skoċċiżi (SNP), Irlandiżi (SF, SDLP, APNI) u ta' Wales (PC) jappoġġawhom. Iżda jekk jagħmlu dan ikunu qed jisifidaw il-vot ċar ta' sfiduċja tal-elettorat f'Gordon Brown u l-Labour Party, u fl-istess ħin favur il-bidla.
Iż-żjieda ta' 109 siġġijiet aktar milli kellhom fl-aħħar parlament hija l-ikbar waħda għat-Tories mill-1931. Infatti s-swing favur il-Konservattivi bi 306 siġġijiet x'aktarx hija ikbar minn dik li kienet kisbet il-mexxej storika tagħhom Margaret Thatcher fl-1979, u dan is-suċċess jidher ikbar meta wieħed jiftakar fejn kienu l-Konservattivi 13-il sena ilu mgħaffġa taħt l-avvanzata kbira ta' Blair fl-aqwa tiegħu. Dakinhar il-Konservattivi kienu spiċċaw b'165 siġġu biss.
Mill-banda l-oħra t-telfa għal Brown personalment hija tassew waħda umiljanti meta għandu jitlaq minn Downing Street mingħajr qatt ma se jkun irnexxielu jirbaħ elezzjoni waħda, lanqas dik stess  għat-tmexxija tal-partit tiegħu! 
U dan mhux kawża ta' xi żjieda f'dawk li, bħalma ġara f'diversi pajjiżi, għażlu li ma jmorrux jivvutaw, għax fil-fatt – kontra dak li ilu jigri f'dawn l-aħħar għaxar snin fir-Renju unit – dawk li marru jivvutaw ŻDIEDU bi kważi 4 fil-mija għal 65.1% !
Imma dan ma kienx biżżejjed biex Cameron jikseb maġġoranza komda meta quddiemu xejn ma għandu biċċa xogħol faċli – kemm minħabba li rari fir-Renju Unit partit ħa l-poter f'ċirkustanzi daqstant sfavorevoli ekonomikament, kif ukoll għax tiegħu se jkun gvern bl-inqas esperjenza minn nofs is-Seklu Tmintax, għajr għal individwi waħdanin bħall-veteran Ken Clarke. Żgur li mhux se jkun jistà iwettaq l-aktar pjani ambizzjużi fil-programm, qabel ma jsewwi l-ħsara mwettqa fi 13-il sena ta' gvernijiet tal-Labour.
Għaliex iżda Cameron ma rnexxielux jikseb maġġoranza komda ikbar? Jista' hemm diversi raġunijiet oħra, iżda jiena għandi din:
Dwar ċerti issues Cameron ma offrix alternattiva ċara għall-politika tal-Labour. Anzi f'ċerti kwistjonijiet għażel li jitbiegħed minn pożizzjonijiet tradizzjonali leminin lejn iċ-ċentru 'pinnur', jekk mhux ukoll xellugin. Insemmi per eżempju dawk dwar it-tibdil tal-klima, li llum qed joħroġ ċar li x-xellugin fid-dinja kollha qed jisservew bis-suppost tisħin tal-globu ħtija tal-bniedem, biex iwettqu l-ideali tagħhom ta' dejjem aktar kontrolli fuq il-ħajja tal-bniedem, u bħala mod sottili ta' tassazzjoni.
Cameron saħansitra biddel is-simbolu tradizzjonali Konservattiv (torċa fi sfond blu ta' żmien Thatcher) għal sempliċi siġra ħadra, biex jorbot lill-partit mal-ideali 'ħodor' tiegħu, iżda għallinqas (bħal Brown) mhuwiex kontra l-alternattiva  nukleari fil-qasam tal-enerġija. Il-bużillis li l-Lib-Dem ta' Clegg huma kontra n-nukleari.
Wieħed għalhekk jittama li dan il-fatt ma jfixkilx il-formazzjoni tal-koalizzjoni, minħabba xi ostinazzjoni anti-nukleari tal-Lid-Dem, meta llum dejjem aktar qed jidher ċar li din hija l-aktar alternattiva sostenibbli u ekonomika għad-    dipendenza fuq iż-żejt u l-kapriċċi/theddid tal-pajjiżi produtturi.

No comments:

Post a Comment

Wider Two Column Modification courtesy of The Blogger Guide