KOALIZZJONI FL-INTERESS TAN-NAZZJON
Bħalma kien xieraq li jsir u sata' biss isir, ir-Renju Unit issa għandu gvern ta' koalizzjoni ffurmat mill-aktar partit li kiseb voti fl-elezzjoni ta' għaxart ijiem ilu, dak Konservattiv, u dak Liberali-Demokratiku. Apparti li dan huwa l-ewwel gvern ta' koalizzjoni minn żmien it-Tieni Gwerra Dinjija, kurjuż aktar il-fatt li huwa gvern magħmul minn żewġ partiti b'filosofiji politiċi ferm differenti minn xulxin, anzi opposti f'ċerti aspetti.Kien hemm min qal li dan kien possibbli minħabba li filwaqt li l-Prim Ministru David Cameron (lemin) hu meqjus fuq ix-xellug tal-Partit Konservattiv (Ċentru-Lemini), Nick Clegg (xellug, waqt l-ewwel konferenza stampa flimkien nhar l-Erbgħa), huwa fuq il-lemin ta' dak Liberal-Demokratiku (Ċentru-xellugi). Dan, allura, għamilha aktar faċli li t-tnejn li huma ma jkunux daqstant riġidi fuq l-ideat/ideali tagħhom, u għalhekk iż-żewġ naħat setgħu jaslu biex jagħmlu ċerti konċessjonijiet, fl-interess suprem tan-nazzjon.
Inevitabilment dan ma tantx ħadu gost biss dawk l-aktar intransiġenti (die-hards) fiż-żewġ partiti, u parti mill-bażi, partikularment il-Liberali-Demokratiċi, iżda dawn ma kellhomx alternativa oħra, għal tlett raġunijiet sempliċi iżda indiskutibbli.
1. L-ikbar partit llum huwa dak Konservattiv, u allura l-maġġoranza (li għal biss 16,000 vot mhix waħda assoluta) tal-elettorat riedet liċ-Ċentru-Lemin jiggverna;
2. Il-maġġoranza assoluta tal-elettorat ma riditx lil Labour fil-gvern (bi Brown jew mingħajru);
3. Anki jekk mhux ħafna, il-Liberali-Demokratiċi naqqsu n-numru ta' siġġijiet li kellhom fil-House of Commons, Kieku dawn, minflok, żjieduhom a skapitu tal-Labour, kien ikollhom argument li l-elettorat ried liċ-Ċentru-Xellug jiggverna, iżda bejithom huma u l-Labour kisbu biss 315 siġġu, 'l bogħod mit-326 li kienu jeħtieġu biex ikollhom maġġoranza sempliċi.
Għalhekk Clegg għażel l-aktar soluzzjoni stabbli għall-pajjiż, avolja kellu jissagrifika l-parti l-kbira tal-programm u l-aspirazzjonijiet tal-Lib-Demokratiċi, bit-tama li jgħaddi r-referendum dwar ir-riforma elettorali, u allura jaffrontaw elezzjoni oħra (li hemm qbil li ma ssirx qabel l-2015) b'ċans ikbar li jżiedu n-numru ta' siġġijiet, u l-influwenza, f'koalizzjoni eventwali oħra mal-Konservattivi.
Infatti wara t-telfa umiljanti tal-Labour, ir-riżenja ta' Brown u t-tfittxija ta' mexxej ġdid, dawn issa jidhru kundannti għal numru ta' snin fl-oppożizjoni, u l-unika alternattiva li se jkollhom l-Brittaniċi fl-elezzjoni li jmiss, se tkun jew koalizzjoni oħra Cameron-Clegg, jew gvern kollu kemm hu Konservattiv.
Dan jiddependi minn kif se jġibu rwiehom l-Liberali-Demokratiċi fil-parlament.
Dawn aċċċettaw li fuq tlett punti ewlenin tal-programm tagħhom: tnaqqis tat-taxxa lill-koppji tal-istess sess; aktar dħul b'xejn fl-universitajiet, u alternattivi għall-enerġija nukleari, deputati tagħhom jistgħu jastjenu, iżda ma jivvutawx kontra l-gvern u jwaqqgħuh.
Mill-banda l-oħra jridu jogħqodu għall-verdett tal-poplu dwar ir-riforma elettorali għax jekk, kif mistenni, l-elettorat fir-referendum jivvota kontra, u huma jissuppervjaw u jwaqqgħu il-gvern, il-poplu jixħet lilhom ukoll fl-oppożizzjoni, u jagħti maġġoranza ikbar lill-Konservattivi.
Jekk trid tara l-konferenza stampa konġunta kollha tal-Erbgħa tal-Prim Ministru Cameron u l-Viċi tiegħu Clegg mur f'dan il-link:
http://www.youtube.com/watch?v=8FCOvu2NDio
No comments:
Post a Comment