THEDDID GĦAD-DRITTIJIET TAL-BNIEDEM
L-iżviluppi fl-Ukrajna wara l-elezzjoni presidenzjali f'dak il-pajjiż qed jinkwetaw bis-sħiħ lill-ikbar partit fil-Parlament Ewropew, iċ-ċentru-lemini Partit Popolari Ewropew (PPE).Il-President tal-PPE Wilfried Martens fi stqarrija wera din il-preokkupazzjoni, meta qal li l-iżviluppi negattivi riċenti saru sistematiċi, u qed jheddu l-prinċipji tal-legalità (rule of law) u l-istess drittijiet fundamentali tal-bniedem u l-libertajiet ċivili. Fost l-aktar żviluppi inkwetanti Martens semma dawn:
1. Fil-Parlament Ukrajn ġiet iffurmata maġġoranza u koalizzjoni mhux skond il-kostituzzjoni, li rriżultaw fi gvern illeġittimu;
2. Qed jiżdied il-ksur fil-libertà tal-istampa u qed terġà tiġi imposta ċ-ċensura, li qed twassal għall-kritika qawwija minn diversi għaqdiet rispettabbli tal-media internazzjonali bħal "Reporters Without Frontiers" u l-"Interrnational Freedom of Expression Exchange";
3. L-elezzjonijiet lokali ġew sospiżi mill-maġġoranza l-ġdida anti-kostituzzjonali fil-parlament;
4. Hemm ksur sistemnatiku tad-drittijiet tal-oppożizzjoni;
5. Hemm provi ċari ta' manipulazzjoni politika tas-sistema ġudizzjarja kriminali mill-awtoritajiet Ukrajni, li qed twassal għall-intimidazzjoni u persekuzzjoni tal-oppożizzjoni.
"F'dawn l-aħħar ħames snin" qal Martens, "konna drajna naraw lill-Ukrajna bħala xempju tad-demokrazija f'dak ir-reġjun" Huwa tassew ta' swied-il qalb u ta' inkwiet nosservaw kif il-kisbiet demokratiċi tal-gvernijiet preċedenti qed jinqerdu u jiġu injorati mill-awtoritajiet preżenti."
Martens temm billi appella lill-President Ukrajn Viktor Yanukovich biex iwaqqaf dan il-ksur tal-prinċipji demokratiċi. Dan qed ibiegħed lil Ukrajna mill-Unjoni Ewropea, qal Martens, filwaqt li insista ma' Yanukovich biex jiżviluppa djalogu kostruttiv mal-mexxejja tal-oppożizzjoni b'mod demokratiku.
Fir-ritratt Martens jidher mal-Kap tal-ikbar moviment fl-Oppożizzjoni Yulia Timoshenko.
Sadattant mat-tħassib ta' Martens din il-ġimgħa żdied il-Prim Ministru tal-Ġermanja Angela Merkel, il-Kummissarju Ġermaniż għad-Drittijiet Umani, filwaqt li t-Times ta' Londra nhar l-Erbgħa analizzat it-theddid għad-demokrazija u l-persekuzzjoni tal-oppozizzjoni fl-Ukrajna.
__________________________
KUMITAT POPOLARI GĦAD-DIFIŻA TAL-UKRAJNA
Sadattant aktar kmieni dan ix-xahar twaqqaf moviment politiku bl-isem ta' 'Kumitat Popolari għad-Difiża tal-Ukrajna' li għandu l-ħsieb li jorganizza kampanja ta' protesi fl-Ukrajna kontra l-politika tal-President Yanukovich.L-iskopijiet ewlenin tal-Kumitat huma dawn:
Difiża tas-sovranità u l-integrità territorjali tal-istat; Ħarsien tad-drittijiet u l-libertajiet taċ-ċittadin; Waqfien tal-policies umanitarji anti-Ukrajni; Rifjut tal-attentati ta' moniteraġġ barrani fuq intarpriżi u setturi strateġiċi fl-industrja Ukrajna; Żamma tal-għażla Ewro-Atlantika tal-Ukrajna; Mixja lejn l-valuri taċ-ċiviltà Ewropej.
Fil-kumitat hemm disa' partiti tal-oppożizzjoni, fosthom il-partit 'Unjoni Ukrajna-Patrija' (Batykivshchyna) tal-eks Prim Ministru Yulia Timoshenko.
Il-gvern sejjaħ l-idea ta' dan il-kumitat bħala "isterika u iddisprata, bla tama u inutli", u l-ewwel rally li sar għamel minn kollox biex fixkel lill-poplu milli jattendi.
No comments:
Post a Comment