Is-Sibt, 22 ta’ Mejju 2010

Il-Falliment tal-Ekonomija l-Ħadra (Green Economy)

FI SPANJA 2.2 IMPJIEGI MITLUFA GĦAL KULL GREEN JOB
Wara tant ftaħir dwar il-vantaġġi tal-Ekonomija l-Ħadra (Green Economy) prattikata mill-gvern Soċjalista Spanjol ta' Zapatero, tant li kien hemm min hu lest jikkupjaha (fosthom Obama li kien jara fi Spanja mudell ideali), din il-ġimgħa nkixef rapport intern kunfidenzjali tal-amministrazzjoni ta' Zapatero  li jikkonfermna dak li ilhom isostnu esperti mhux governattivi Spanjoli dwar il-falliment ekonomiku katastrofiku tal-inizjattivi 'ħodor"tal-gvern Soċjalista.
Mhux hekk biss: din l-Ekonomija l-Ħadra, partikularment il-politika tal-hekk imsejħa "impjiegi ħodor", qed  ifixklu l-isforzi ta' Spanja biex toħroġ mill-kriżi ekonomika li qed tifni lill-pajjiż u tissogra li tagħmilha Greċja oħra. Id-dokument kunfidenzjali infatti juri kif ġie kkalkukat li għal kull impjieg aħdar (green job) li 'joħloq' l-istat qed jintilfu aktar minn tnejn oħra.
Mhux ta' b'xejn li dan l-aħħar Zapatero ħabbar li kien se jabbanduna l-ekonomija l-ħadra.
Wara l-iskandlu tal-Climategate din hija daqqa ta' ħarta oħra għal dawk li ilhom snin imexxu l-gidba li l-bniedem huwa ħati għat-tibdil fil-klima, b'mod speċifiku għat-tisħin tal-globu b'effetti katastrofiċi. Dan għax biex 'ibiegħu' l-qerq tagħhom, bħall-karrotta lill-ħmir, kienu jgħidu li grazzi għal Green Economy jinħolqu ħafna green jobs!
Imma issa anki din il-bużżieqa nfagħqet: L-ekonomija l-ħadra teħtieġ sussidju qawwi bi flus l-istat, jiġifieri flus il-poplu, u l-gvern Soċjalista hekk għamel: Minn studju li sar mill-Universidad Rey Juan Carlos ta' Madrid instab li mill-2000 sal-2009 Spanja nefqet €571,138 għal kull green job li ħolqot, inklużi sussusidji ta' aktar minn miljun Ewro għal kull impjieg maħluq, f'per eżempju, fl-industrja tal-imtieħen tar-riħ.
Fl-istess studju ġie kkalkukat  li l-programmi biex inħolqu dawk l-impjiegi wassal biex inqerdu 110,500 impjieg f'setturi oħra tal-ekonomija, jew eżattament 2.2 impjieg għal kull green job, jew 9 impjiegi għal kull 4 ħodor, u l-istudju jkompli josserva li hawn mhux qed isemmi kemm impjiegi oħra setgħu inħolqu fis-setturi l-oħra, li kieku rċevew l-istess sussidju bħal dawk ħodor.
Infatti jingħad li r-rapport intern governattiv jagħti ċifri aktar allarmanti ta' impjiegi mitlufa mill-istudju indipendenti. Barra minhekk minn dawn il-ftit impjiegi ħodor li nħolqu wieħed minn kull għaxra biss kienu f'xogħol permanenti.
Dwar dan kollu kienet wissiet il-Konfederazzjoni Ewropea tat-Trejd Unjons (ETUC)  wara li l-Unjoni Ewropea qablet li tnaqqas l-emissjonijiet tas-CO2 b'20% u bl-istess persentaġġ jżiedu l-enerġija minn sorsi li jiġġeddu sas-sena 2020, il-famuż 20-20-20, li ilna ma nisimgħu dwarha, wara l-fjask tal-Konferenza tan-NU f'Kopenħagen.
Bħala 'lixka' Barroso kien semma li l-proposta ta' 20-20-20 kienet "opportunità biex jinħolqu eluf ta' negozji (businesses) ġodda u miljuni ta' impjiegi fl-Ewropa".
Iżda l-ETUC talbet garanziji li jiġu mħarsa l-impjiegi Ewropej f'dinja globalizzata, għax rat "ir-riskji potenzjali tat-telf tal-impjiegi minħabba d-direttivi u l-miżuri lejn l-'enerġija l-ħadra'", u insistiet għall-"mekkaniżmu ta' kumpens  bħala garanzija tal-impjiegi għall-ħaddiema Ewropej fis-settur tal-heavy industry, sabiex jiġu limitati l-konsegwenzi negattivi fuq il-ħaddiema fil-ġlieda kontra t-tibdil fil-klima", hekk kif tintilef il-kompetittività billi jiġu rijallokati r-riżorsi, bħalma, appuntu, ġara fi Spanja.
Is-sabiħa, jew aħjar il-kerha hija li b'dawn il-miżuri u s-sussidji kollha l-emissjonijiet tas-CO2 fi Spanja mhux talli ma naqsux, iżda żdiedu!
Kien għalhekk li dan l-investiment f'sussidji lill-enerġija 'alternattiva' ġie kundannat mill-eks Prim Ministru Spanjol Josè Maria Aznar li f'artiklu fil-Financial Times din il-ġimgha, hekk kif talab għar-riżenja tal-gvern ta' Zapatero.
Għalkemm Aznar kien iffirma t-Trattat ta' Kjoto, illum huwa kontra t-'teorija' tat-tisħin tal-globu tort tal-bniedem, u kien sejħilha reliġjon ġdida li qed thedded il-libertà għax hija skuża biex jiġu limitati l-libertajiet individwali. Hu appella lill-UE biex tifhem l-kawżi fundamentali li wasslu għall-kriżi prezenti: infieq aktar milli tiflaħ, u policies li jimminaw it-tkabbir ekonomiku, bħal, appuntu s-sussidji għal din l-imbierka, jew misħuta, Green Economy, filwaqt li saħaq li mhux talli m'għandhomx jingħalqux l-impjanti nukleari, iżda jinbnew oħrajn ġodda.

No comments:

Post a Comment

Wider Two Column Modification courtesy of The Blogger Guide