It-Tlieta, 27 ta’ April 2010

Il-Feriment tat-Tfajla Maltija f'Gaża


JUŻAW NIES INNOĊENTI U ĠENWINI
Wara li l-Ħadd li għadda sfat feruta f'kuxtejha waqt dimostrazzjoni favur bdiewa Palestinjani f'dik li tissejjah buffer zone f'Gaża, l-Maltija Bianca Zammit f'intervista sostniet li huma ma kienu qed jagħmlu xejn illegali. U hawn fejn żbaljat bl-ikrah. Buffer zone hija medda art, żona militari li waqt gwerra tintuża bħala art newtrali bejn iż-żewġ naħat biex jitnaqqas il-periklu ta' ġlied.
Jidher għalhekk li Zammit u sħabha ma kienux jafu b'dan, u li ntlaqtu mill-isparar tas-suldati Iżraeljani, huma vittmi ta' min lest juża u jipperikola ħajjet nies innoċenti u ġenwini billi ma nfurmawhomx li fejn bagħtuhom jipprotestawh hija żona militari.
Dan sar magħriuf illum minn dikjarazzjoni tal-Ambaxxatur Iżraeljan għal Malta Gideon Meir (ritratt) waqt li kien qed jitkellem dwar l-inċident tat-tfajla Maltija meta wera t-tama li dan m'għandux itappan ir-relazzjonijiet bilaterali bejn Malta u Iżrael. Meir għadu kemm kellu taħditiet mal-Viċi Prim Ministru u Ministru għall-Affarijiet Barranin Tonio Borg dwar dan l-inċident u jinsab fiduċjuż li dan l-inċident ma joħloqx ostakli lir-relazzjoni bilaterali li dejjem kienet waħda pożittiva ħafna.
Meir jiddispjaċiħ iżda li Bianca Zammit indarbet minn azzjoni Iżraeljana kontra dawk id-dimostranti li kienu maħsuba bħala ‘paċifiċi' u għandu l-ikbar simpatija lejn Bianca Zammit u l-familja tagħha, filwaqt li tenna li dawk id-dimostranti partikulari f'Gaża kienu wżati innoċentement minn militanti Palestinjani. L-Ambaxxatur Iżraeljan stqarr li  Zammit kienet tinsab f'Gaża għax riedet tgħin lill-poplu Palestinjan, iżda ma jistax jifhem kif ċerti Palestinjani jużaw lil nies innoċenti għal skopijiet politiċi.
Gideon għandu esperjenza tal-International Solidarity Movement (ISM) għax għal sitt snin sħaħ kien responsabbli għad-diplomazija pubblika tal-gvern Iżraeljan. Membri tal-ISM qed jersqu qrib il-fence tas-sigurta' meta kemm l-Iżraeljani kif ukoll il-Palestinjani jafu li m'għandhomx jidħlu f'dik il-buffer zone.
Kemm il-Ħamas kif ukoll il-Ġiħad Islamika qed jużaw lil dawn id-dimostranti biex iqiegħdu bombi u jdarbu suldati Iżraeljani. L-ISM mhux qed jgħid lill-membri tiegħu li ż-żona fejn qed jipprotesta hi żona militari u għalhekk seħħ l-inċident sfortunat fejn indarbet it-tfajla Maltija.
Hu ma jafx kif Bianca Zammit spiċċat fejn din il-buffer zone. Probabilment il-Maltija tqabbdet tmur hemm mill-ISM jew minn membri tal-Ħamas. Gideon Meir saħaq li l-Palestinjani m'għandhomx jużaw nies innoċenti u żied li l-ISM ma jimpurtaħx mis-sigurtà u l-ħajja tad-dimostranti. 
Jekk Bianca Zammit u nies ġenwini oħra verament jridu jgħinu lill-Palestinjani jmorru bil-qalb kollha f'Gaża u jgħinu lil Palestinjani rikoverati fl-isptar jew jgħallmu lit-tfal.

No comments:

Post a Comment

Wider Two Column Modification courtesy of The Blogger Guide