GĦAD HAWN MIN JIPPROVA JBEZZA' BIL-BABAW
Ix-xahar li għadda fl-Isvizzera sar esperiment tant importanti, iżda li ftit li xejn smajna dwaru, partikularment f'pajjiżna. Dan kien dak li sar fiċ-Ċentru Ewropew għar-Riċerka Nukleari (ĊERN) fejn reġà tħaddem, din id-darba b'suċċess, il-Large Hadron Collider (LHC), li pproduċa l-ewwel u l-aktar kolliżżjoni qawwija bejn partiċelli tal-enerġija li għandha twassal għal aktar fil-futur, sabiex il-bniedem fl-aħħar jibda jifhem minn xix huwa magħmul l-univers u kif dan kellu l-bidu tiegħu.Dan għax dawk il-kolliżżjonijiet joħolqu blalen żgħar tan-nar li jimitaw il-kundizzjonijiet prevalenti fl-univers fl-ewwel frazzjonijiet ta' sekondi wara l-hekk imsejħa Big Bang, jew ix-xenarju kożmoloġiku li welled l-univers, madwar 13.7 Biljun sena ilu.
L-istrument ġgantesk, l-LHC, f'ĊERN huwa programmat biex jipproduċi żewġ raġġi ta' protoni li jivvjaġġaw lejn xulxin b'ħeffa enormi, ftit inqas milli jivvjaġġa d-dawl, f'mina ċirkulari twila 27 kilometru, 100 metru taħt l-art tal-fruntera bejn Franza u l-Isvizzera. Dawn ir-raġġi jiltaqgħu u jaħbtu ma' xulxin f'erba' punti ġewwa detectors ġganteski.
L-LHC jistà iħabbat ir-raġġi b'enerġija totali ta' 14-il Triljun volt elettron (TVE), iżda bħala prekawzjoni l-LHC ħadem biss b'nofs din l-enerġija, 7 TVE, u hekk se jibqà jitħaddem sa' tmiem l-2011, meta mbagħad jingħalaq għal sena għal manutenzjoni u aktar miżuri ta' sigurtà għall-collider, qabel ma fl-2013 jitħaddem b'enerġija kollha li kapaċi jipproduċi, bit-tama li l-bniedem ikompli jiftah moħħu.
Forsi bħalissa min qed jaqra qed jistaqsi kif din l-aħbar, dawn il-kummenti sabu ruħhom f'dan il-blog li ġeneralment jittratta dwar politika internazzjonali minn lenti leminija.
Iżda bħalma tinnutaw, apparti li dedikat lill-kbir patrijott Malti Enrico Mizzi, dan il-blog huwa wkoll f'ġieh Galileo Galilei, meqjus bħala missier ix-xjenza moderna, b'mod partikolari l-astronomija. Fi żmienu, 'l fuq minn 300 sena ilu, Galileo kien spiċċa mixli anki b'ereżiji u ta' 70 sena, arrestat f'daru, għax sostna, u snin wara nagħta raġun, li kienet id-dinja li ddur max-xemx u mhux il-kontra.
Iżda minkejja li għaddew daqstant snin titqarrqux u taħsbu li l-bniedem tant għamel progress, tant fetaħ moħħu, li min jissogra jirraġuna b'moħħu, jiġifieri free thinker, m'għandu l-ebda biżà, għax il-biżá mill-ġdid, minn dak mhux magħruf, għadha fostna, u l-esperimenti taċ-ĊERN huma xhieda ta' dan.
Sa' qabel bdew l-ewwel esperimenti beda jissemma periklu wara ieħor. Sa kien hemm min bassar li dawn l-esperimenti setgħu iwasslu għat-tmiem tad-dinja f'xi splużżjoni spettakolari, appuntu xi Big Bang.
Dan minkejja l-assigurazzjonijiet mix-xjenzjati li ċ-ċanijiet li dan jiġri huma mhux biss minimi, iżda 'l bogħod minn kull dubju raġjonevoli, bħalma ġie konfermat fiċ-ĊERN, fejn l-unika splużjoni dubjuża li seħħet kienet dik tal-applawsi tax-xjenzjati (ritratt fuq) hekk kif l-esperiment irnexxa.
Iżda, l-istess bħal fi żmien Galileo, anki llum hawn min jipprova jbeżża' bil-babaw"u jħallat ix-xjenza mar-reliġjon bi kliem bħal "aħjar il-bniedem ma jilgħabx man-natura" jekk mhux ukoll jakkużaw lix-xjenzjati li jridu jilgħabuha ta' xi alla.
Għalija din hija biss frott injoranza jew biżà, jew it-tnejn flimkien. Ir-relazzjoni tal-bniedem max-xjenza tul is-sekli kienet minn dejjem waħda kurjuża. Ma nafx fejn qrajtu jew min kien qalu, izda dan il-kliem dwear din ir-relazzjoni baqa' stampat f'moħħi u se nħalliħ bl-Ingliż kif niftakar li kien:
"Make no mistake, it is truly a love affair of Shakespearian proportions. Fire dragged us down the trees but it then shown a light into the unknown, and fear was born."
Xejn, għalhekk, ma neħodom b'sorpiża ċerti reazzjonijiet dwar l-esperimenti taċ-ĊERN u LHC. Illum, fl-era tal-iPhone għadek issib min jibżà li ritratt jista' jisraqlek ruħek!
Ma ninsewx lanqas li l-istess Nasa dan l-aħħar kellha tassigura lil parti kbira tal-popolazzjoni Amerikana biex ma jagħtux każ tal-kampanja pubbliċitarja tal-film 2012, li dik hi sena bħal snin oħra, għax matulha d-dinja ma kenitx se tispiċċa.
Filwaqt li huwa importanti li nagħrfu l-"bizà', ċjoè il-prudenza, bħala parti importanti tal-progress xjentifiku, jekk din ma nikkontrollawhix tista' tkun perikoluża.
Iżda lanqas ma naqbel ma' min isostni li x-xjenza m'għandhix ir-risposti għal kollox u jbeżżgħu li fil-ħerqa biex issibhom ix-xjenza nnifisha tista' tispiċċa hi stess perikoluża.
Hija l-inġenwinità tagħna filli nsibu t-tweġibiet għall-mistoqsijiet li jħawduna li tiddistingwina mill-annimali. Li nċedu quddiem il-bizà u nfixklu u nwaqqfu l-progress tax-xjenza, ifisser li nieħduha kontra proprja l-ħaġa li mill-bidu għamlitna bnedmin.
Għalhekk għandna nsegwu b'ħerqa avvenimenti bħal dawk fiċ-ĊERN fejn għandna l-unur li hemm Malti bħalna jaħdem ma' xjenzjati oħra, Nicholas Sammut (ritratt), li għad għandu biss 29 sena.
No comments:
Post a Comment