L-ELETTORAT ĊAĦAD IL-QABŻA FID-DLAM
Kontra t-tbassir kollu, kontra x-xejra fil-kumplament fl-Ewropa, kontra x-xewqa tal-partiti, media, maġistrati u qrati 'tal-poplu' xellugin – mhux fl-Italja biss – il-maġġoranza tal-elettorat Taljan fil-bidu ta' din il-ġimgħa kkonferma l-appoġġ tiegħu lill-gvern taċ-Ċentru-Lemin.Wara l-ewwel sentejn fil-gvern, kwalunkwe partit jew koalizzjoni ta' partiti ġeneralment dejjem ibatu u jnaqqsu l-appoġġ. Dan f'ċirkostanzi normali, aħseb u ara meta għadha ħierġa, bil-mod minn kriżi ekonomika/finanzjarja li laqtet lill-popli kollha.
L-elezzjonijiet li saru fi 13 mill-20 reġjun tal-Italja kienu elezzjonijiet lokali, jiġifieri mhux biex jintgħażel gvern nazzjonali, tal-pajjiż kollu, iżda appuntu ta' diversi reġjuni. Iżda l-oppożizzjoni dawret dawn l-elezzjonijiet f'referendum kontra l-gvern taċ-Ċentru-Lemin, l-aktar kontra l-Prim Ministru Silvio Berlusconi.
Minn kollox ippruvaw – qlajjiet ta' skandli personali u mhux, korruzzjoni, kawża wara oħra fil-qorti u anki attentati vjolenti kontrih personali – iżda kien kollu għalxejn, għax minflok dawn servew biex saħħew il-popolarità tiegħu u l-appoġġ għall-gvern tiegħu.
Kemm il-partit tiegħu Popolo della Libertà (PdL), kif ukoll tal-ikbar alleat tiegħu Lega Nord tant kabbru l-appoġġ fuq l-aħħar elezzjonijiet reġjonali ta' ħames snin ilu, meta kienu jmexxu tnejn biss mit-13-il reġjun, li issa se jiggvernaw f'sitta minnhom.
Anzi jekk ngħoddu r-reġjuni l-oħra li l-elezzjonijiet fihom kienu diġà saru qabel, issa nsibu li ċ-Ċentru-Lemin (Blu), minbarra l-gvern nazzjonali (għal tlett snin oħra sa' tmiem-il mandat), se jkun qed jiggverna 11-il reġjun, filwaqt li ċ-Ċentru-Xellug (Aħmar) biss f'9 bħalma turi ċar il-mappa. Ir-reġjun l-ieħor, l-Valle d'Aosta jitmexxa minn koalizzjoni ta' partiti lokali, reġjonali.
Dan ifisser li koalizzjonijiet taċ-Ċentru-Lemin se jkun qed jiggverna uħud fost l-ikbar reġjuni, u b'kollox 42,266880 ruħ, kontra s-17,860,721 miċ-Ċentru-Xellug,
Dan żgur se jiffaċilita l-ħidma tal-gvern nazzjonali, l-aktar fir-riformi li għandu f'moħħu Berlusconi, iżda aktar importanti huwa l-messaġġ politiku tar-riżultat tal-elezzjonijiet ta' Marzu.
L-elettorat Taljan m'għażilx id-dlam, iżda minflok li jżomm sod u b'saħħtu l-gvern preżenti. Forsi muux daqstant entużjast jew kuntent bis-sitwazzjoni ġenerali, iżda b'realiżmu ta' poplu għaref u għaqli jaf li kienet tkun qabża fid-dlam li kieku sfiduċja l-amministrazzjoni ta' Berlusconi.
M'hemmx alternattiva diċenti, kredibbli u prattikabbli, u għalhekk ftakru fil-proverbju antik Taljan
"Chi lascia la via vecchia per la nuova sa cosa perde e non sa ciò che trova", jew kif jgħidu bl-Ingliż "Better the devil you know".
Veru li kien hemm persentaġġ għola minn normal li ma marrux jivvutaw, izda dawn instab li kważi tqassmu eżatt bej n il-partiti fil-gvern u fl-oppożizzjoni. Dan żgur għandu jinkwieta iżjed lil dawn tal-aħħar, u b'mod partikulari lill-kap ġdid tal-Partito Democratico Bersani. Dan però qajla jidher li fehem il-kriżi li jinsab fiha, għax fl-ewwel reazzjoni uffiċjali tiegħu ħareġ jgħid li huma "la rebħu u lanqas tilfu"!
No comments:
Post a Comment