REBĦA ASSOLUTA GĦAĊ-ĊENTRU-LEMIN FL-UNGERIJA
Bħalma kien inbassar minn kulħadd l-elettorat Ungeriż ivvota bi ħġaru għall-bidla kontra x-Xellug billi ta rebħa assoluta liċ-Ċentru-Lemin wara tmien snin ta' amministrazzjonijiet Soċjalisti tal-MSZP. Din hija disfatta oħra għax-xellugin fl-Ewropa, wara li ftit jiem ilu anki l-poplu Taljan injora għal kollox it-tixwix u l-qlajjiet kontra l-Prim Ministru u Mexxej taċ-Ċentru-Lemin Silvio Berlusconi. Infatti l-elezzjonijiet reġjonali irriżultaw filli ċ-Centru-Lemin issa qed jiggverna fi 11 mill-20 reġjun, jiġifieri 'l fuq minn 42 miljun ruħ kontra t-18-il miljun biss amministrati miċ-Ċentru-Xellug, jiġifieri 70% kontra 30%.Fl-istess sitwazzjoni issa jinsabu l-Ungeriżi bil-partit ċentru-lemini FIDESZ (Unjoni Ċivika Ungeriża) immexxi minn Viktor Orban (ritratt) jikseb maġġoranza kbira komda ta' 52.73% tal-voti mixħuta. B'hekk ll-FIDESZ, s'issa, għandu 206 minn 386 siġġu fil-parlament Ungeriz, b'ċans sabih li dawn iżidhom għall-maġġoranza ta' żewġ terzi, fit-tieni rawnd tal-Ħadd 25 tax-xahar għax kull ma jeħtieġ huma 52 siġġu mill-121 li għad iridu jimtlew, minħabba li f'dawk id-distretti l-ebda kandidat ma kien qabeż l-50% meħtieġa.
Il-Partit Soċjalista sofra telfa-tkaxkira mill-aktar umiljanti meta mit-43.2% li kellu niżel għal biss 19.3% (li jissarfu fi 28 siġġu biss mill-141 li kellu!). Barra minhekk s-Soċjalisti ssugraw li jintlaħqu saħansitra mill-lemin estrem ta' Jobbik li kiseb 16.67% u 26 siġġu, 2 biss inqas mill-MSZP!
Jekk ġimgħa oħra l-FIDESZ fil-fatt jikseb maġġoranza assoluta ta' żewġ terzi tas-siġġijiet fil-parlament, din tkun l-ewwel darba fl-Ewropa.
L-Ungerija kienet fost l-aktar pajjiżi Ewropej li ntlaqtu mir-riċessjoni li għad trid toħroġ minnha, u s-sena l-oħra għaddiet mill-ikbar kriżi ekonomika gravi f'dawn l-aħħar għaxar snin. Dan gerrex lill-investituri mill-Ungerija, minħabba wkoll id-dejn kbir barrani u l-politika fiskali laxka, li s-Soċjalisti ppruvaw isolvu b'miżuri ħorox ta' awsterità li wasslu għal żjieda ta' dawk qiegħda u tnaqqis fil-konsum.
Iżda qabel ir-riċessjoni l-Ungerija kienet diġà bdiet sejra lura minn żmien l-ewwel gvern Soċjalista li kien telgħa fl-2002. Infatti l-MSZP immexxi minn Gyurcsany ma damx ma kellu jiffaċċja protesi kbar fit-toroq meta nkixef li hu kien gideb dwar il-qagħda mwiergħa tal-ekonomija tal-pajjiż biex l-MSZP rebaħ it-tieni elezzjoni.
Orban qal li hu konxju li mhux dieħel għal biċċa xogħol faċli. L-ikbar sfida tal-gvern ġdid tiegħu se tkun li joħroġ lill-pajjiż mir-riċessjoni, li wasslet lill-ekonomija tal-pajjiż tonqos b'6.3% fl-2009 u l-qagħd jitla' għal rekord storiku ta' 11.4% x-xahar li għadda. Il-FIDESZ beħsiebu jinnegozja mill-ġdid is-self mill-Fond Monetarju Internazzjonali, u indika li sabiex ikabbar l-ekonomija Ungeriża beħsiebu jnaqqas it-taxxi, joħloq miljun post tax-xogħol tul l-għaxar snin li ġejjin, u qed jantiċipa li d-defiċit jilħaq 6.5% tal-Prodott Gross Domestiku.
Il-maġġoranza kbira li kiseb il-FIDESZ għalhekk hija żgur l-isbaħ riżultat għas-swieq finananzjarji u l-ekonomija tal-pajjiż, għax jista' jiggverna waħdu u jwettaq ir-riformi tant meħtieġa urġentement.
Minbarra dawk biex ifejjaq l-ekonomija Orban għandu f'moħħu riformi oħra li jrid iwettaq fosthom dwar il-gvernijiet lokali u s-settur tas-servizzi soċjali.
Il-FIDESZ huwa membru sħiħ fil-Partit Popolari Ewropew (PPE), l-istess bħall-Partit Kristjan Demokratiku Popolari (KDNP - ukoll fil-PPE) li kkontesta din l-elezzjoni flimkien mal-FIDESZ.
Fir-ritratt fuq graff li juri l-persentaġġi li kiseb kull partit, filwaqt dak fil-lemin kif dawn il-voti ssarrfu f'siġġijiet fil-parlament. Għad fadal 121 (bojod) li jsir magħruf għand min marru fit-tieni rawnd nhar il-Ħadd 25 ta' April, iżda li diġà imbassar li l-biċċa l- kbira se jeħodhom ukoll il-FIDESZ.
No comments:
Post a Comment