Il-Ħadd, 25 ta’ April 2010

Is-suppost inkjesti dwar Climategate

JIPPRUVAW JGĦATTU X-XEMX BL-GĦARBIEL
Ikkuntattjawni xi qarrejja tal-blog u staqsewni il-għala ili xi ftit ma nikteb dwar l-iskandlu Climategate. Fil-fatt iċċekkjajt u sibt li veru issa ili xi ftit aktar minn xahar, iżda dan l-aktar minħabba l-ewwelnett li dan l-aħħar kont daqsxejn imħabbat, u fl-istess ħin ridt nistenna biex se joħorġu żewġ inkjesti li kienu qed isiru fl-Ingilterra u min-Nazzjonijiet Uniti dwar dan l-iskandlu li ħareġ mill-Climate Research Unit (CRU) fl-East Anglia University.
Għal min forsi ma semgħax dwar dan Climategate (li ma neħodhix bi kbira, għax il-media ewlenija internazzjonali u dik f'Malta bilkemm semmewh - f"Malta kien proprju dan il-blog li ħareġ l-ewwel darba bih f'Novembru tas-sena l-oħra), fil-qosor ħafna dan jikkonċerna l-pubblikazzjoni ta' numru kbir ta' e-mails li nħarġu b'mod klandestin mill-CRU, u li kixfu tbagħbis u qerq fir-riżultati tar-riċerka, biex suppost tiġi konfermata t-teorija li l-bniedem, minħabba l-gassijiet CO2 li jipproduċi, l-pjaneta tagħna qed tisħon iżjed minn normal, b'konsegwenzi katastrofiċi.
Dan ikkawża terremot (kien hawn min anki sejjaħlu tsunami) fil-qasam tat-tibdil fil-klima, u żgur kellu effett fuq il-falliment tal-Konferenza ta'  Kopenħagen f'Diċembru organizzata min-N.U. Dan għax min kien lest bis-serjetà jonfoq biljuni ta' flus-il poplu biex jattwa miżuri ħalli suppost nevitaw diżastri katastrofiċi mbassra fuq studji u riċerka li aktar ma beda jgħaddi ż-żmien, aktar beda jinkixef qerq kbir fit-tħaddim  u r-riżultati ta' dawk ir-riċerki?
Quddiem l-iskandli b'dak kollu li beda jiġi żvelat, l-establishments politiċi u akkademiċi taw bidu għal sensiela ta' inkjesti u stqarrijiet bl-iskop ewlieni li juru li l-metodi tal-CRU użati mill-Intergovernmental Panel on Climate Change (IPCC) tan-NU biex wasslu tbassir/twerwir b'katastrofi-klimatiċi ħtija tal-bniedem, kienu ta min jogħqod fuqhom.
Iżda kif ħareġ miż-żewġ inkjesti, l-isforzi li saru biex jiddefendu r-riċerki tant huma difettużi li se jkollhom l-effett kuntrarju għal dak li xtaqu min għamilhom, u aktar inisslu dubji dwar il-metodi suppost xjentifiċi wżati.
L-ewwel rapport ikkonċentra direttament fuq l-IPCC innifisha. Meta diversi mill-aktar tbassir allarmist fl-aktar rapport riċenti tal-2007 inkixef li kien qarrieqi u mingħajr ebda bażi xjentifika, it-tweġiba uffiċjali mill-istess president tal-IPCC Pachauri kienet li kollox fir-rapport kien konfermat minn esperti indipendenti, "peer-reviewed".
Iżda tim ta' 40 riċerkatur minn 12-il pajjiż immexxija mill-analista Kanadiża Donna Laframboise (ritratt), iċċekkjaw kull waħda mit-18,531sorsi xjentifiċi fir-rapport voluminuż tal-2007. B 'għaġeb kbir sabu li kważi terz minnhom, 5,587, ma kienux ġew iċċekkjati minn esperti, iżda ttieħdu minn artikli f'gazzetti, teżijiet minn studenti, saħansitra  fuljetti ta' propaganda minn attivisti ħodor u lobby groups.
Iżda forsi aktar ta' ħsara għall-"kawża" tal-ekokatastrofisti kien ir-rapport fl-Ingilterra minn kumitat ta' inkjesta dwar il-CRU, immexxi minn Lord Ron Oxburgh, maħtur mill-House of Lords.
"Xhieda" ewlenija tal-CRU li d-dinja qatt ma kienet daqshekk sħuna kienu ċrieki fis-siġar antiki, filwaqt li twarrbet dik li kienet turi  li fil-Medju Evu kien hemm perjodu aktar sħun (Medieaval Warm Period).
Meta l-graff li nħareġ minn dawk iċ-ċrieki magħruf bħala l-hockey stick ta' Mann ġie skreditat mill-esperti Kanadiżi McIntyre u McKitrick, l-IPCC rrikorrit għal set ieħor ta' hockey sticks provduti mill-istess CRU.
Iżda dawn  iċ-ċrieki minn siġar fis-Siberja Russa wrew li t-temperaturi lejn tmiem is-seklu li għadda kienu bdew neżlin minflok telgħin. Minn e-mail minn Climategate ferm ikkwotat, id-direttur tal-CRU Phil Jones jgħid li hawn għalhekk użaw trick biex jaħbu dan il-fatt, u minflok inkludew data oħra li turi ż-żjieda drammatika li riedu fit-temperaturi.
Taħsbu, iżda, li l-kumitat ta' inkjesta ta' Oxburgh investiga dan l-email importanti tal-hekk imsejjah Hockey Team magħmul minn Jones, Mann u l-Malti Keith Briffa, u li dak li allegaw intuża bħala provi biex jikkonvinċu lill-politiċi li d-dinja qed tisħon daqs qatt qabel? Lanqas xejn.
Sempliċiment ilmentaw minn nuqqas ta' organizzazzjoni fl-arkivjar tad-data. Lanqas  biss investigaw il-mod dubjuż kif inġabret din id-data bħalma wrew McIntyre u McKitrick, u kif xlew xjenzjati Russi ewlenin li l-CRU għażlu s-siġar u d-data li qablilhom, filwaqt li warrbu dik mill-kampanja fejn it-temperaturi rriżultaw baxxi, żammew dik qrib l-ibliet fejn allura t-temperaturi jkunu għolja. Din hi s-"serjetà" li biha tmexxew dawn l-inkjesti.
Imma wara kollox ma kontx tistenna aħjar minn dawk f'dawn il-kumitati.
Lord Oxburgh (ritratt) innifsu għandu rbit ma' diversi interessi kummerċjali li jagħmlu l-flus mit-tibdil fil-klima, minn wind farms sal-carbon trading.
Imbagħad insibu li l-ebda membru tal-kumitat, jew panel tiegħu ma kien "xettiku" dwar l-idea li l-bniedem jaħti għat-tibdil fil-klima, anzi wieħed minnhom, Kerry Emanuel, jiddikjara fil-beraħ li hu jemmen li t-tisħin tad-dinja jikkawżah il-bniedem (man-made global warming).
Bħalma lanqas kienet sorpriża kemm din l-inkjesta rriżultat superfiċjali, ibbażata fuq żewġ żjajjar qosra fil-CRU, u l-qari ta' 11-il paper xjentifiċi li ħarġet din il-unit ta' riċerka f'dawn l-aħħar 24 sena, u li ntgħażlu b'konsultazzjoni mar-Rotal Society , li hija nnifisha fanatika fil-promozzjoni tat-tisħin tad-dinja ħtija tal-bniedem!
Din hija l-indipendenza, l-imparzjalità tal-mod kif tmexxew dawn l-inkjesti! L-istess bħal-CRU u l-IPCC linteress tagħhom kien li jippruvaw, jikkonfermaw din il-ħtija tal-bniedem u mhux li jinvestigaw kemm il-metodi wżati minnhom kienu verament xjentifiċi.
Dan kollu kompla kabbar id-dubji u s-suspetti mnissla minn Climategate, u mhux naqqashom. Kulma għamlu kien li ppruvaw jgħattu x-xemx bl-għarbiel, kif ngħidu bil-Malti. Għalhekk se nkompli nsegwih, fin-nuqqas kważi totali tal-media lokali.

No comments:

Post a Comment

Wider Two Column Modification courtesy of The Blogger Guide