IRIDU LURA LIL BERLUSCONI TAL-ASJA
It-Tajlandja huwa pajjiż Asjatiku kemmxejn il-bogħod minnha, iżda ftit kienu dawk s'issa li rrealizzaw u semmewh ix-xebħ bejn dak li qed jiġri f'dak il-pajjiż u f'pajjiż tant viċin tagħna, l-Italja. Il-kriżi politika li dan l-aħħar jiem kompliet ħraxet fit-Tajlandja għandha l-għeruq tagħha tlett snin u nofs ilu meta, f'Settembru tal-2006, il-militar wettaq kolp ta' stat u neħħa l-gvern, elett demokratikament, tal-Prim Ministru Thaksin Shinawatra, waqt li dan kien qed jindirizza l-Assemblea tan-Nazzjonijiet Uniti fi New York.Thaksin kien l-ewwel prim ministru fl-istorja demokratika tat-Tajlandja li (l-istess bħal Silvio Berlusconi fl-Italja - fir-ritratt jidher miegħu waqt żjara li kien għamel fl-Italja meta kien għadu prim ministru) permezz tal-partit tiegħu, dak iż-żmien it-T.R.T. (jew "Tajlandiż Iħobb Tajlandiż"), iggverna għal-leġislatura sħiħa, bejn l-2001-2005. Qablu l-pajjiż għadda mill-agħar żminijiet ta' reġim militari wara ieħor, u instabbilità. Biżżejjed ngħid li bejn l-1932 u l-1991fit-Taljandja kienu saru mhux inqas minn 17-il kolp ta' stat, u wara, bejn l-1992 u l-1997 kien hemm erba' prim ministri differenti!
Taħt l-amministrazzjoni tiegħu l-pajjiż gawda minn stabbilità politika li wasslet mhux biss biex l-ekonomija irkuprat mill-kriżi finanzjarja Asjatika ta’ l-1997, iżda saret fost l-aktar b’saħħithom fl-Asja, u fl-2005 rat tkabbir ta’ aktar minn 6 fil-mija.
Dan il-ġid Thaksin użah għall-kawżi soċjali bħal self b’imgħaxijiet ferm baxxi lill-bdiewa fis-70,000 raħal tal-pajjiż, u biex kien għamel l-isptarijiet kważi b’xejn għal kulħadd. Hu dejjem żamm kelmtu, u wiegħed li kien se jkompli fl-istess triq, billi jżied il-paga minima nazzjonali, dik tal-ħaddiema tal-gvern, u jkompli jissussidja lill-bdiewa u jipprovdi xogħol part-time lill-istudenti.
Żewġ oqsma oħra li fihom Thaksin ħareġ ta’ raġel kienet fil-ġlieda kontra t-traffikar tad-droga u l-korruzzjoni, minkejja dak li kienet qed tgħid l-oppożizzjoni.
Minn dan kollu kien jimpurtah il-poplu u mhux x’qalu dawk li jriduha ta’ xi elite f’Bangkok, iżda fil-fatt huma biss motivati minn animożità u pika.Dawn, l-istess bħall-oppożizzjoni xellugija fl-Italja, kienu dejjem itambru l-akkużi ta' konflitt ta' interessi ta' Thaksin (għax dan, l-istess bħal Berlusconi bil-Mediaset, kien waqqaf kumpanija kbira tal-komunikazzjoni ukoll, bl-isem ta' ShinCorp, li hu, però, wkoll kien ċeda kull sehem u influwenza fiha lil uliedu u/jew partners tiegħu), u ta' korruzzjoni..
Meta lanqas dan ma kien biżżejjed għall-oppożizzjoni, anzi komplew dejjem aktar jaqilgħu l-ħmieġ, fuqu u fuq il-familja tiegħu, Thaksin beda jiddejjaq u fl-2006 kien sejjaħ elezzjoni qabel iż-żmien fejn it-TRT kiseb maġġoranza assoluta ta' 57%, f'dan li l-oppożizzjoni dawritu f'referendum favur jew kontra Thaksin u kienu ħarġu telliefa. L-istess,ukoll, bħalma reġà ġralha fl-Italja dan l-aħħar.
Il-bażi elettorali ta' Thaksin hija l-klassi medja, iżda l-aktar il-fqar u l-kampanjoli, fil-kampanja, fejn jgħixu 70 fil-mija tat-Tajlandiżi, u fejn il-qlajjiet u xi protesti li saru f’Bangkok qajla impressjonawhom, u r-riżultat ta' dik l-elezzjoni kien ikkonferma dan.
Iżda l-oppożiżżjoni mmexxija mill-hekk imsejħa 'Alleanza Popolari għad-Demokrazija' (PAD) lebsin qomos u tops sofor komplew bil-protesti li wasslu għall-kolp ta' stat militari tal-2006, immexxi mill-kmandant Sondhi, Musulman (f'pajjiż 95% Buddista), iżda li għandu infuwenza qawwija fuq ir-Re anzjan Bhumipol.
Wara perjodu inkonklussiv ta' ħakma militari li matulu sar minn kollox biex tiddgħajjef l-popolarità ta' Thaksin (li sadattant ma tħallix jirritorna lura f'pajjiżu), it-TRT ġie dikjarat illegali, u kostituzzjoni ġdida approvata bil-ħniena f'referendum li fih ivvutaw biss ftit aktar minn nofs l-elettorat, fl-2007 saru elezzjonijiet li ntrebħu mill-partit ta' Thaksin li kien bidel ismu għal 'Partit tal-Poter tal-Poplu' (P.P.P.).
Is-'sofor' m'aċċettawx dan ir-riżultat. Sadattant il-milkitar ġiegħel lil numru ta' deputati tal-PPP jivvutaw kontra l-partit tagħom biex il-kap tal-PAD Abhisit Vejjajiva leħaq prim ministru.
Minn dakinhar it-Tajlandja ma ratx kwiet, b'Abhisit ikollu jiddikjara diġà erba' darbiet stat ta' emerġenza f'dawn l-aħħar sentejn.
Uffiċjali u partitarji tal-PPP, li sadattant kien ġie wkoll dikjarat llegali, komplew kabbru l-protesti tagħhom li wasslu għal dawk kbar ta' dawn il-jiem f'baħar ta' qomos u tops ħomor, bħalma qed naraw kull ġimgħa fl-aħbarijiet, b'għajjat li jridu lura lil Thaksin, li jirriżenja l-gvern ta' Abhisit mixli li seraq il-poter grazzi għall-militar, u elezzjonijiet ġodda ħielsa mmedjatament.
Żgur li dawn, kemm-il darba jsiru, se jkunu biss il-bidu għat-tkomplija tar-riformi kbar li kien qed jintroduċu Thaksin, u li issa mistennija jpoġġu fid-dubju wkoll l-istess sistema monarkika tal-pajjiż lejn waħda repubblikana presidenzjali, wara li l-poplu ġie urtat bil-kompliċità indiretta u diretta tal-monarkija (li, sa' ftit ilu tant kien jirrispetta) mal-elite u l-militar.
Żgur li dawn, kemm-il darba jsiru, se jkunu biss il-bidu għat-tkomplija tar-riformi kbar li kien qed jintroduċu Thaksin, u li issa mistennija jpoġġu fid-dubju wkoll l-istess sistema monarkika tal-pajjiż lejn waħda repubblikana presidenzjali, wara li l-poplu ġie urtat bil-kompliċità indiretta u diretta tal-monarkija (li, sa' ftit ilu tant kien jirrispetta) mal-elite u l-militar.
No comments:
Post a Comment