RIFORMA LI L-POPLU MA JRIDHIX
Matul il-ġimgħa li għaddiet tisma' l-biċċa l-kbira tal-media, mhux dik biss internazzjonali, iżda wkoll lokali, taħseb li fl-Istati Uniti tal-Amerika seħħ xi avveniment storiku importanti daqs, jekk mhux aktar ukoll, mill-indipendenza ta' dak il-pajjiż. Fil-verità dan xejn m'huwa mument storiku fl-istorja ta' dik id-demokrazija kbira: hija biss rebħa, temporanja, tal-ossessjoni ta' bniedem wieħed, li baqa' jwebbes rasu anki meta jidher ċar li din ir-riforma, hekk kif induna verament x'inhi, il-maġġoranza tal-poplu Amerikan ma jridhix.Qed nirreferi għar-riforma dwar is-sistema tas-saħħa ġimgħa ilu l-President Barak Obama, wara ħafna negozjati mal-istess deputati tal-Partit Demokratiku tiegħu (għax ir-Repubblikani din id-darba vvutaw kollha, kompatti kontra) rnexxielu jikseb maġġoranza ta' 7 voti biss (219 kontra 212) b'34 Demokratiċi jibqgħu 'sodi' u jivvutaw kontra l-liġi HR3200, jew Obamacare, kif qed tissejjaħ.
Wara li rnexxielu jevita li l-liġi teħel fis-Senat, billi ma ħalla l-ebda emenda ġdida tgħaddi – lanqas meta r-Repubblikani ressqu emenda biex irġieli ħatja b'molestja tat-tfal jew stupru, ma jkollhomx dritt bħall-irġiel l-oħra, għall-pillola kontra problemi ta' erezzjoni sussidjata mill-istat, bħalma se tipprovdi din il-liġi – s'issa jidher li għaddiet ta' Obama (għaliex "s'issa" nikteb lejn tmiem dan il-post).
Iżda apparti dawn, min se jgawdi l-iżjed b'din il-liġi li fil-fatt se tkabbar immens l-indħil tal-istat fil-qasam tas-saħħa u l-assigurazzjoni? Minn ta' quddiemnett il-kumpaniji tal-assigurazzjoni!
Dan għax issa KULL Amerikan irid ikun BILFORS inxurjat, u min ma jagħmilx dan jibda jiġi mmultat sa' 2% ta' dak li jaqla' kull sena, u b'hekk dawn il-kumpaniji qed jittamaw li jsalvaw mill-qagħda kritika li jinsabu fiha (għandhom 'ħofra' sitt darbiet ikbar mill-GDP tal-pajjiż!). Mhux ta' b'xejn li malli deher li l-liġi kellha ċans tgħaddi, x-shares tagħhom telgħu bi 30%
Iżda għal min suppost hi maħsuba din il-liġi? Suppost se twassal, għalkemm mhux immedjatament, biex 32 miljun ruħ li preżentement ma jintlaħqux mis-sistema tas-saħħa, jibdew jibbenefikaw ukoll.
Min mhux midħla tas-sistema tas-saħħa fl-Amerika jista' jaħseb li din tista' twassal għall-mewt ta' xi ħadd minħabba li ma jingħatax kura. Fil-fatt jiżbalja min jaħseb li fl-Amerika min jiġi bżonn kura urġenti fi sptar jistgħu jirrifjutaw li jikkurawh, bħalma jirrakkuntaw diversi politikanti injoranti fl-Ewropa.
Bħalma probabbli hemm min ma jafx li li fl-Amerika kemm l-anzjani kif ukoll iż-żgħażagħ minn familji fqar huma koperti mill-Medicaid u l-Medicare introdotti minn Lyndon B Johnson fl-1965, wara li 'wiret' il-presidenza mingħand il-maqtul Kennedy – u allura Demokratiku, bid-differenza li dakinhar dik ir-riforma saret bi ftehim ma', u bil-voti tar-Repubblikani wkoll.
Dan għax dik ir-riforma ma kenitx qed 'tinnazzjonalizza' s-sanità, iżda twassalha (għall-ewwel darba), toffriha lil dawk l-aktar dgħajfa fis-soċjetà.
Li fl-Ewropa, u f'Malta, ftit jifhmu, huwa li l-maġġoranza tat-32 miljun li llum m'humiex koperti minn xi assigurazzjoni huma ċittadini tal-klassi medja ta' bejn l-20 u l-40 sena li huma fost l-40% tal-Amerikani li ma jħallsux ċenteżmu f'taxxi, li minħabba d-dħul (income) mhumiex intitolati għall-Medicaid.
Dawn minn dejjem ippreferew li ma jħallsu l-ebda assigurazzjoni tas-saħħa, u minflok, meta jinqalagħlhom xi bżonn ta' kura jħallsu għaliha. Bl-Obamacare dawn se jkollhom jinxurjaw ruħhom BILFORS.
Barra minhekk l-istess Kostituzzjoni Amerikana tgħid li ħadd ma jista' jiġi mġiegħel jixtri xejn bilfors – għax inkella jiġi penalizzat, intaxxat mill-istat.
Huwa għalhekk li kważi 40 mill-50 stat Amerikan mistennija jisifdaw l-Obamacare fil-Qorti Suprema.
Iżda apparti dan, apparti l-possibiltá li l-Obamacare tista' tispiċċa tissussidja l-abort, u apparti li mhux ċar kemm din ir-riforma verament se tiġi tiswa' lill-istat (u allura lill-poplu), u minn meta effettivament għal min hi intenzjonata se jibda jgawdi minnha, hemm il-fatt ieħor importanti: mill-aħħar stħarriġ li għamel Rasmussen, 55 fil-mija tal-poplu jrid li din il-liġi tiġi revokata.
Jekk Obama u sħabu jibqgħu iwebbsu rashom filli jbellgħuhilu bilfors, il-poplu Amerikan għandu arma żgura: l-elezzjonijiet mid-term f'Novembru, fejn Obama jista' jispiċċa President mingħajr saħħa biżżejjed biex jikseb l-awtorizzazzjoni mill-Kungres biex jiffinanzja l-liġi!
No comments:
Post a Comment