MIT-TERTUQA GĦALL-VERITA’ : GREEN ZONE
Bħalissa f’Malta qed jintwera l-film GREEN ZONE, biċċa fantasija xellugija dwar il-gwerra fl-Irak, diretta minn Paul Greengrass ibbażata fuq ktieb miktub minn Rajiv Chandrasekaran bl-isem ta’ “Imperial Life in the Emerald City”.
Huwa veru li dan mhux dokumentarju, imma film, iżda dan ma jagħti lil ħadd dritt jgħawweġ il-fatti u jivvinta minn żniedu, għal skopijiet purament politiċi.
Dan jerġa’ jirxoxta l-polemika dwar l-armi tal-qirda tal-massa (Weapons of Amed Destruction - WMD) li minħabba fihom l-Irak maħkum mid-dittatur Saddam Hussein fl-2003 kien ġie attakkat mill-qawwiet tal-koalizzjoni mmexxija mill-Istati Uniti, u spiċċa tneħħa mill-poter.
Imma dan il-fatt li poplu sħiħ ħeles minn wieħed mill-aktar tiranni kiefra ta’ żmienna, għal xi wħud mogħmija minn preġudizzji politiċi u minn dejjem kontra l-Amerika u l-Punent b’mod ġenerali, ma kienx raġuni biżżejjed għall-‘indħil’ tal-Punent f’dak il-pajjiż Għarbi.
Dawn għadhom itambru dwar il-fatt li mhux veru li Saddam kellu l-WMD, li dik kienet biss skuża tal-Punent biex jinvadu l-Irak, u li l-amministrazzjoni Amerikana sserviet b’ġurnalista biex ixxerred il-qlajja tal-WMD.
U hawn twettqet biċċa qerq ewlenija fil-film: filwaqt li l-karattru tal-ġurnalista huwa bbażat fuq waħda vera, Judith Miller tan-New York Times, fil-film din jingħad li taħdem mal-Wall Street Journal. Dan għax il-ġurnal favorit xellugi (NYT) fil-film ma setgħax jiċċappas b’rappurtaġġ falz. Ħalliha li fil-fatt lanqas Miller ma kienet mazzuna daqskemm jagħti x’jifhem il-film, għax fil-verità l-istejjer tagħha qatt ma tgiddbu, kif, ukoll, iridna nemmnu x-Xellug.
Imma niġu għall-każ tal-armi qerrieda: Green Zone jgħawweġ il-fatti mingħajr ebda mistħija: kull min huwa infurmat sewwa jiftakar li, qabel l-attakk fuq l-Iran, diversi servizzi sigrieti – inklużi l-Franċizi, il-Ġermaniżi, l-Ingliżi, u saħansitra r-Russi u ċ-Ċiniżi – kienu konvinti li l-Irak kellu l-WMD, u s-CIA kienet fosthom ukoll.
Barra minn hekk ir-rapporti li kellha din kienu jmorru lura sa’ qabel l-ammninistrazzjoni ta’ Bush – u r-rifjut ta’ Saddam li baqa’ sal-aħħar ifixkel lill-ispetturi tal-armi tan-Nazzjonijiet Uniti milli jagħmlu xogħlhom (bħalma qed jagħmel illum Aħmadineġad tal-Iran dwar l-armamenti nukleari), kompla jsaħħaħ is-suspetti tal-Punent li hu veru kellu x’jaħbi.
Għalhekk, hija ħaġa li taħdem film mimli fantasija bogħod mill-fatti, u miżgħud b’insulti u disprezz kontra l-Istati Uniti, il-Punent u l-militar tagħhom. Imma huwa aktar gravi li studjo Amerikan (Universal) ixxerred, waqt li għaddejja gwerra bħal dik kontra t-terroriżmu, gideb oxxen bħal dan mistur bħala divertiment, tajjeb kemm hu tajjeb, bħal Green Zone.
Il-film infatti donnu jrid jgħid lit-truppi Amerikani u alleati li l-isforzi tagħhom kienu bbażati fuq qerq intenzjonat. Agħar minn hekk, jagħti t-tort għar-rewwixti li rriżultaw f’tant suldati maqtula fuq xi ngann Amerikan.
Fi Green Zone lejn tmiem-il film Iraki jinstema’ jgħid li jridu jkunu l-Irakini li jiddeċiedu l-futur tagħhom. U dan huwa li setgħu jagħmlu wara l-“indħil’ tal-Alleati, permezz tal-ewwel żewġ elezzjonijiet ħielsa, l-aħħar waħda ftit ġimgħat ilu, b’konkorrenza qawwija ta’ l fuq minn 60%.
Ma jistax jingħad li Green Zone bħala film mhuwiex maħdum tajjeb jew li ma jirnexxix bħala thriller tal-gwerra. Mhuwiex xi ħaġa fantastika, imma jgħaddi. Dnub li għad jitniżżel fl-istorja bħala wieħed mill-aktar films anti-Amerikani/Punent li qatt ħarġu minn studjo ewlieni Amerikan.
Iżda jekk tridu film tal-gwerra veru tajjeb, minflok araw The Hurt Locker rebbieħ assolut fl-Oscars ta’ din is-sena. Mhuwiex politiċiżżat bħal Green Zone, u jagħti stampa preċiża u realistika ta’ kif is-suldati Amerikani u Alleati ssugraw ħajjithom, biex isalvaw ħajjet il-poplu Iraki u jroddulhom lura l-libertà u d-demokrazija.
No comments:
Post a Comment