IN-NAZZJONIJIET UNITI FL-AĦĦAR IRRIKONOXXIT IL-CLIMATEGATE
L-InterAcademy Council (IAC), għaqda li tirrappreżenta xjenzjati minn madwar id-dinja, se tinvestiga kif fir-rapport ewlieni li l-IPCC ħarġet fl-2007 kien hemm numru kbir ta' żbalji fattwali.
Dawn l-iżbalji nkixfu wara li ġew pubblikati eluf ta' e-mails li xi ħadd ħareg mill-Climate Research Unit (CRU) tal-East Anglia University, magħruf aħjar bħala CLIMATEGATE.
Il-mexxejja tal-IPCC li ċ-chairman tiegħu huwa l-Indjan Rajendra Pachauri, ddikjaraw li din l-investigazzjoni kien hemm bżonnha sabiex jiġi żgurat li l-proċeduri tal-IPCC huma metikolużi, dixxiplinati u mħarsa mix-xjenzjati li jipproduċu r-rapporti influwenti tagħha – u, b'mod immedjat, tiġi restawrata r-reputazzjoni tal-IPCC li ġiet mxellfa mir-rivelazzjonijiet ta' qerq li ħarġu mill-Climategate.
Iżda aktar mill-IPCC, huwa l-istess kap tagħha li ftit li xejn nissel fiduċja fiha minħabba kunflitt ta' interess tiegħu personali, u li għalhekk suspettat b'interessi ta' gwadann personali.
Infatti Pachauri ġie akkużat li qed jagħmel flejjes kbar grazzi għall-irbit li għandu hu personali ma' kumpaniji mdaħħla fin-negozju tal-karbonju (carbon trading) li jiddependu fuq ir-rakkomandazzjonijiet tal-istess IPCC.
Dawn jinkludu banek, kumpaniji taż-żejt u l-enerġija, u fondi ta' investiment involuti bil-kbir fil-carbon trading u 'teknoloġiji sostenibbli', li flimkien jiffurmaw l-aktar suq li qed jikber fid-dinja, u li ma jdumx ma jiġi jiswa' triljuni ta' Ewro fis-sena.
Pachauri jokkupa wkoll karigi għolja oħra ta' direttur jew konsulent f'korpi ewlenin f'dik li saret magħrufa bħala 'l-industrja tal-klima'.
Barra minhekk huwa ħaġa waħda mat-TERI, jew The Energy and Resources Institute, organizzazzjoni 'non-profit' li għandha bħala skop li tittratta "il-problemi kbar u akuti li l-bniedem x'aktarx ikollu jiffaċċja minħabba l-iskarsezza dejjem tikber tar-riżorsi enerġetiċi, u l-metodi fl-isfruttar tagħhom li qed iniġġsu l-pjaneta". Żewġ problemi artifiċjali, bħalma jkolli okkażjoni nuri darb'oħra.
No comments:
Post a Comment