KUMMISSARJU TAL-KUNSILL TAL-EWROPA JIDDEFENDI L-BURKA
Filwaqt li l-maġġoranza tal-Ewropej huma kontra li fl-Ewropa jintlibes il-burka – ċjoè dik l-ispeċi ta' xkora li xi nisa Musulmani jilbsu u li jgħattuhom minn rashom sa' saqajhom, b'biss żewġ toqob quddiem għajnejhom biex jaraw – uffiċjal għoli tal-Kunsill tal-Ewropa, proprju f'Jum il-Mara ħareġ jiddefendi l-burka, meqjus minn ħafna, anki Musulmani, bħala simbolu taċ-ċaħda tad-drittijiet l-aktar bażiċi tan-nisa, u li m'għandu x'jaqsam xejn mar-reliġjon.F'artiklu li kiteb fil-ġurnal Ingliż The Guardian (l-istess li dejjem isostni d-drittijiet tal-estremisti u t-terroristi) ħadd inqas mill-Kummissarju għad-Drittijiet Umani tal-Kunsill tal-Ewropa, Thomas Hammarberg insista li l-Ewropa m'għandhix tgħaddi liġijiet li jipprojbixxu l-ilbies tal-burka jew in-nibak, għax dan ikun ifisser indħil, invażjoni tal-privacy u jipperikola l-identità personali tan-nisa li jilbsuh.
Skond Hammarberg, li dawn in-nisa ma jitħallewx jibqgħu aktar lsiera ta' żwieġhom li jriduhom jgħattu ġisimhom kollu, mill-espressjonijiet ta' wiċċhom sal-ponta ta' saqajhom, imur kontra l-Konvenzjoni Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem.
Għalhekk jekk, bħalma diġa qed jagħmlu xi stati Ewropej, jiġi projbit l-ilbies tal-burka, dawn ikunu qed jiksru dawn id-drittijiet!
Iżda aqraw x'kellha x'tgħid Fadela Amara, imwielda Franza minn ġenituri Alġerini, attivista favur id-drittijiet tan-nisa Musulmani, li llum hija ministru fil-gvern ta' Sarkozy. Hi sostniet li l-projbizzjoni tal-burka tgħin ukoll biex jitwaqqaf it-tixrid tal-"kankru tal-islam radikali li jgħawweġ il-messaġġ Islamiku".
Mill-banda l-oħra l-kittieba u psikologa femmista Amerikana Phyllis Chesler (li wara li kienet żżewġet Afgan u marret f'pajjiżu spiċċat priġuniera fid-dar tal-familja tiegħu) tispjega kif "jekk issewgi mara liebsa l-burka għandek issib vjolenza kontra n-nisa, abbuż tat-tfal, qtil għall-"unur tal-familja", poligamija u mibgħeda mhux biss kontra l-Lhud, iżda kontra kull "infidil" ieħor. Jinstabu wkoll ċelluli terroristiċi u dawk li jappoġġjawhom."
Dawn huma raġunijiet li kull min jgħożż il-libertà ma jistgħux ma jinkwetawħx, flimkien mal-fattur tas-sigurtà", għax qatt ma tista' tkun żgur min hemm taħt burka, mara jew raġel, terrorista armat jew mdawwar bl-isplussiv, bħalma ġieli nstab.
Għall-istess raġunijiet diversi pajjiiżi fl-Ewropa qed jintroduċu liġijiet biex irażżnu l-ilbies tal-burka u għatat oħra li jaħbu l-wiċċ. Fost dawn minn ta' quddiemnet insibu lil Franza, l-Olanda, Belġju, Danimarka, filwaqt li pajjiżi oħra, bħar-Renju Unit, l-Awstrja u l-Italja hemm dibattiti mqanqla biex ifittxu jidħlu liġijiet simili.
F'dan l-aħħar pajjiż tressaq abbozz ta' liġi, iżda hemm min ma qagħadx jistenna l-liġi tgħaddi, bħal kunsillier f'raħal żgħir fi Treviso, li barra l-lukanda żgħira tiegħu għamel tabella li tgħid li għal raġunijiet ta' sigurtà fiha mhux permessi helmets, uċuh mgħottija u burka jew nibak.
Dan il-kunsillier (tal-Popolo della Libertà), Tiberio Furlan (ritratt), kien ressaq mozzjoni fil-kunsill komunali kontra l-ilbies tal-burka/nibak f'postijiet pubbliċi, li però ma kenitx għaddiet.
Dan li qed jiġri fl-Ewropa. Tajjeb iżda ngħidu wkoll li f'żewġ pajjiżi Islamiċi, f'Tuneż u fit-Turkija n-nisa ma jistgħux jilbsu lanqas il-ħiġab, is-sempliċi maktur Musulman, filwaqt li fil-Marokk hemm ukoll kważi diskriminazzjoni kontra nisa li jilbsuh u proposti biex anki hemm isir kontra l-liġi. Dan għax il-ħiġab f'dawn il-pajjiżi hu meqjus bħala sinjal ta' Islam politiku, jew fundamentaliżmu kontra l-gvern sekulari.
No comments:
Post a Comment