Il-Ħadd, 8 ta’ Jannar 2012

Rebbiegħa tal-Libertà fl-Asja ? (3)

MHUX SE JITĦALLEW JIVVUTAW FIL-BELT TAL-MASSAKRI
Ikompli t-tnaqqir tal-libertà fil-Każakstan, u wara li l-pulizija u l-qawwiet tas-sigurtà qatlu 16-il persuna u ferew mal-100 ħaddiema li kienu qed jipprotestaw fil-belt ta' Żanawzen, u wara li hemmhekk ġie dikjarat stat ta' emerġenza, f'dik il-belt ġiet ukoll sospiża l-elezzjoni u b'hekk mal-50,000 elettur tilfu d-dritt tal-vot, li bi probabbiltà kbira kienu se jkunu fil-maġġoranza kontra l-partit tal-President awtoritarjru Nażarbajev, li ilu jaħkem il-pajjiż Ċentru-Asjatiku sa' minn żmien l-era Sovjetika fl-1989, u wara l-1991, b'elezzjonijiet xejn fier (Ara wkoll l-posts tas-17 u t-23 ta' Diċembru).
Rakjat Alijev waqt l-intervista f'Malta
Sadanittant huwa magħruf li f'Malta, għallinqas sa' Novembru, li għadda kien hawn Rakjat Alijev, l-eks raġel tat-tifla ta' Nażarbajev li kisirha miegħu wara li sar jaf li Alijev kien qed jittama li jieħu postu (ta' Nazarbajev).
Alijev wara kien intbagħat fl-Awstrja bħala viċi Ambaxxatur, u wara bdew jasluilu diversi akkużi ta' frodi, komplotti kontra l-istat u anki fi qtil doppju. Il-gvern Awstrjak irrifjuta t-talba ta' estradizzjoni minn Nażarbajev għax ħass li fil-Każakstan ma kienx hemm garanzjij biżżejjed ta' ġuri fier.
Jidher li minn hemm Alijev ġie jgħix malta ma' martu Awstrjaka, fejn issemma f'xi medja lokali, u deher ukoll f'intervista fuq stazzjon televiżżiv privat K-Plus fit-23 ta' Novembru, bħalma jixhed r-ritratt.
Alijev ippubblika wkoll ktieb dwar ir-reġim ta' Nażarbajev bl-isem ta' "The Godfather-In-Law" li, naturalment ma jistax jinbiegħ jew jinqara fil-Każakstan.

Is-Sibt, 7 ta’ Jannar 2012

Imiss lill-Ungerija?

JUŻAW IL-KRIŻI EKONOMIKA BIEX JIBDLU L-GVERNIJIET
Lloyd Blankfein, Uffiċjal Esekuttiv tal-Goldman Sachs jifraħ
bin-nies tiegħu fl-Irlanda (Sutherland, "Salvatur tal-ekonomija"
fil-Bank Ċentrali Ewropew (Draghi, President), fl-Italja
(Monti, Prim Ministru) u fil-Greċja (Papademos, Prim
Ministru). Issa jmiss lill-Ungerija?
Min isegwi l-kitba tiegħi f'In-Nazzjon kull nhar ta' Ħamis jaf li bħalissa qed jippreokkupani l-fatt li l-kriżi ekonomika/finanzjarja li qed tħarbat lid-dinja wara li xterrdet mill-Amerika u  ill-Greċja, qed tintuża minn istituzzjonijiet finanzjarji mondjali, bħal Goldman Sachs u l-hekk imsejħa Trilateral Commission biex jiddettaw u jibdlu gvernijiet eletti demokratikament fl-Ewropa ma' oħrajn hekk imsejħa 'tekniċi', immexxija b'kumbinazzjoni minn  nies midħla tagħhom.
Hekk ġara fil-Greċja, fl-Irlanda u fl-Italja, u jidher li dan il-'pjan' se jkompli matul din is-sena ġdida. Jekk, s'issa, x'aktarx li Franza u l-Ġermanja mhux se jintmissu, u Spanja bil-gvern ġdid ĊentruLemini li għadu kif ħa l-ġurament, proprju lejn tmiem is-sena li ntemmet beda jberraq għall-Ungerija.
Hemmhekk, wara żewġ gvernijiet ĊentruXellugin diżastrużi għall-pajjiż kien spiċċa fost l-aktar pajjiżi li ħassew r-riċessjoni u f'waħda mill-ikbar kriżijiet ekonomiċi gravi f'dawn l-aħħar għaxar snin, kriżi li bdiet taħt l-ewwel gvern Soċjalista li kien tela' fl-2002.
Bir-raġun kollu, għalhekk, il-poplu f'April tal-2010 ta maġġoranza assoluta ta' voti u siġġijiet fil-parlament lill-koalizzjoni ĊentruLeminija tal-Partit 'Unjoni Ċivika' u dak Demokristjan, fejn kellhom maġġoranza komda ta' żewġ terzi (ara l-post tat-12-04-2010)
B'hekk l-gvern immexxi minn Viktor Orban ta  bidu għall-kostituzzjoni ġdida biex tieħu post dik ta' żmien ir-reġim Komunista, li fiha kienu saru biss xi emendi tul is-snin.
Din daħlet fis-seħħ il-Ħadd li għadda l-1 ta' Jannar, fost kritika istigata minn imkejjen u gvernijiet Xellugin, li bdew jallegaw li l-kostituzzjoni u miżuri li ħa l-gvern ta' Orban kienu qed jagħmlu l-pajjiż wieħed dejjem aktar awtokratiku, filwaqt li lmentaw ukoll mill-fatt li l-gvern kien qed ifittex li jkollu aktar kontroll fuq il-Bank Ċentrali Ungeriż.
Mill-banda l-oħra hawn qabżu wkoll istituzzjonijiet finanzjarji Ewropej u l-Fond Monetarju Internazzjonali (FMI) jheddu li ma kienux se jagħtu faċilità ta' kreditu ġdid lill-Ungerija li tkujnn tistà tirrikorri għalih f'każ ta' emerġenza fiskali akbar, wara li self li kien għamel il-gvern Soċjalista ntuża b'mod irresponsabbli.
Dan wassal anki biex imkejjen Xellugin (fosthom l-organu Komunista Taljan Il Manifesto) waslu biex appuntu jinsistu li minflok il-gvern mtella' b'maġġoranza assoluta mill-poplu Ungeriż, jitpoġġa gvern tekniku!
Il-Prim Ministru Orban, però, f'konferenza stampa li għamel il-bieraħ wera li għadu fiduċjuż li t-taħditiet li se jkollu mal-FMI u l-Unjoni Ewropea fil-jiem li ġejjin ma jtulux u jkunu suċċess.
Jiena nżied li jekk m'hemmx min għandu skopijiet ulterjuri  dan iseħħ. Nistennew u naraw. jekk il-poter tal-flus huwiex se jkompli jizvojta d-demokrazija.

Is-Sibt, 31 ta’ Diċembru 2011

MERKEL RIEDET TQAĊĊAT LIL BERLUSCONI ?
Matul il-ġurnata l-media Taljana u mhux biss, kienu mimlija rapportati ta' dak li l-Wall Street Journal Amerikan, fl-edizzjoni tal-ġurnal għall-Ewropa allegat dwar telefonata li l-Kanċillier Ġermaniża Angela Merkel għamlet lejla waħda f'Ottubru lill-President Taljan Giorgio Napolitano. Skond il-WSJ Merkel insistuiet ma' Napoliatno li jekk Berlusconi ma kienx se jibdel s-sitwazzjoni mwiergħa tal-Italja, allura għandu jinbidel il-Prim Ministru. Dan bl-iskop li tiġi salvata l-munita Ewropa.
L-uffiċju tal-President Taljan ċaħad li waqt dik il-laqgħa saret xi pressjoni fuqu minn Merkel, filwaqt li Merkel innifisha, sakemm qed nikteb, għadha ma qalet xejn.
Minn naħa tiegħu Berlusconi sejjaħ ir-rapport tal-WSJ bħala "fantasija pura" . Hu sostna li rriżenja minn jheddu f'sens għoli tiegħu tal-istat, u minħabba s-swieq finanzjarji internazzjonali, u biex jiddefendi lill-Italja mill-ispekulazzjoni, u t-tifdil tal-familji Taljani.
Fil-messaġġ tiegħu Berlusconi ċaħad ukoll li l-kawża tal-kriżi kienet l-Itaklja jew il-gvern tiuegħu, iżda kienet, u għadha l-Ewro, u prova ta' dan huwa l-fatt li li-spread bejn it-titoli di stato tal-Itajja u r-riferimenti   Ġermaniżi baqa' dejjem jikber minkejja li nbidel l-gvern Taljan.
__________________________________________________________________________________
  TIMOXENKO TINĠARR FUQ STREĊER F'ĦABS IEĦOR
Il-Kap tal-Oppożizzjoni fl-Ukrajna Julja Timoxenko il-bieraħ bil-lejl inġarret għal van li mill-ħabs preventiv f'Kiev – fejn kienet qed tistenna, marida, is-sentenza għall-appell – ħadha f'ħabs ieħor, kolonja penali għall-kriminali nisa f'Karkiv.
Dan wassal għall-protesti mhux  biss mill-avukati tagħha, iżda minn imkejjen internazzjonali, fosthom ir-Rappreżentanta għall-Affarijiet Barranin tal-Unjoni Ewropea Catherine Ashton, u l-President tal-Partit Popolari Ewropew Wilfrid Martens. "X'imiss issa", staqsa Martins fuq Twitter, "ħabs b'xogħol iebes?"

Il-Ġimgħa, 23 ta’ Diċembru 2011

Rebbiegħa tal-Libertà fl-Asja ? (2)

KAŻAKSTAN: IKEĊĊI LIŻ-ŻGĦAR ...U L-KBARAT JIBQGĦU HEMM
Wara li l-protesti ta' ġimgħa ilu minn ħaddiema f'kumpanija parastatali taż-żejt fil-Każakstan fl-Asja Ċentrali rriżultat f'16 mejta u madwar 110 feruti wara li l-pulizija u l-armata sparaw fuq id-dimostranti f'Zanawzen u Aktaw, il-president awtoritarju Nursultan Nażarbajev il-bieraħ żar dawk l-ibliet fejn ħabbar li kien keċċa lill-uffiċjali tal-kumpanija li fuqhom xeħet il-ħtija ta' dak li nqala'  minħabba li naqsu li jieħdu azzjoni biex jevitaw l-inkwiet industrjali li wassal għall-protesti.
Nażarbajev iddikjara li dawn m'obdewx l-ordnijijiet li kien tahom biex isolvu t-tilwim industrjali bla dewmien. Qal ukoll li jqies it-tkeċċija ta' ħaddiema li kienu qed jistrajkjaw bħala "illegali", u t-talbiet tal-ħaddiema "sostanzjati".
Wiegħed ukoll li se jsibilhom impjiegi ġodda bl-istess pagi.
Hu keċċa wkoll lill-gvernatur reġjonali, iżda minfloku poġġa lill-Ministru tal-Intern, l-istess bniedem li kellu jissorvelja lill-qawwiet tas-sigurtà  li fetħu  n-nar fuq dawk li kienu qed jipprotestaw.
Infatti l-uffiċjali għolja tas-sigurtà baqgħu kollha jokkupaw il-karigi li kellhom, filwaqt li Nażarbajev ħabbar li stieden lin-Nazzjonijiet Uniti biex jieħdu sehem fl-investigazzjonijiet li se jsiru dwar l-inċidenti ta' ġimgħa ilu.
Osservaturi però staqsew x'jiġri jekk mill-investigazzjonijiet jirriżulta li l-qawwiet tas-sigurtà huma ħatja?  Nażarbajev jasal biex ikeċċihom u jitlef l-appoġġ tas-servizzi tas-sigurtà tant vitali għalih biex jikkontrolla l-kontestazzjoni interna? Jew l-investigazzjoni se tkun biss xeneġġjata?
Hawn taħt filmat miġbud minn gallarija b'ċellulari li juri lill-pulizija speċjali jisparaw, joqltu, jferu u jsawwtu bil-lembubi lill-feruti, bil-kummenti, maqluba bl-Ingliż,  ta'  min qed jiffilmja:
-----------------------------------------------------------------------------------------------------------------------------------
BERLUSCONI TOTALMENT INNOĊENTI
"Berlusconi huwa totalment innoċenti, m'għandu x'jaqsam xejn ma' din l-istorja tas-600,000 Dollaru, nitolbu jiskużani għall-problemi kollha li ħloqtlu, nispera li matul dan il-ġuri joħroġ ċar li dak kollu li qed tgħid l-akkuża m'għandu l-ebda bażi".
Dan il-kliem ddikjarah l-avukat Ingliż David Mills quddiem il-maġistrati ta' Milan, xhud ewlieni f'wieħed mill-ħafna ġurijiet li qed ikollu jħabbat wiċċu magħhom l-eks Prim Ministru Silvio Berlusconi.
F'dan il-ġuri Berlusconi kien akkużat li ħallas dik is-somma lil  Mills talli hu jixhed favurih f'xi kawżi li kellu fis-Snin Disgħin.
Mills ilmenta kif il-Prim Imħallef  ma ħallihx iwieġeb għall-unika mistoqsija li kellu jwieġeb, ċjoè minn fejn ġew is-600,000 Dollaru għandu".

Persekuzzjoni Politika fl-Ukrajna (9)

ULTIMATUM MILL-UE LILL-PRESIDENT TAL-UKRAJNA
Il-qoxra ta' quddiem tal-magażin Korrespondent
li nnomina lil Timoxenko "Persunaġġ
tas-Sena 2011"
Filwaqt li llum l-Qorti tal-Appell fil-kapitali Ukrajna Kiev rrifjutat l-appell tad-difiża sabiex tinħeles l-Kap tal-Oppożizzjoni Julia Timoxenko warta li kkunsidrat il-każ fl-assenza tagħha, Viktor Yanukoviċ qed jiġi mwissi mill-mexxejja tal-Unjoni Ewropea li jew jeħles lill-membri tal-oppożizzjoini mill-ħabs, minn ta' quddiemnett Timoxenko, iħares l-libertajiet tal-media u ma jbagħbasx fl-elezzjonijiet parlamentari tas-sena d-dieħla, jew inkella jistà jinsa' rbit aktar mill-qrib mal-UE.
Dan il-messaġġ iebes twassal lill-president awtoritarju waqt summit li sar f'Kiev din il-ġimgħa permezz tal-President tal-UE Herman Van Rompuy, li ppreżentah b'għażla ċara u perjodu ta' żmien daqstant ċar.
Infatti Van Rompuy qallu li l-elezzjonijiet parlamentari ta' Ottubru tas-sena li ġejja se jkunu test deċiżiv u indikattiv.
Is-summit suppost kellu jkun il-qofol ta' snin ta' ħidma li jwassal għal ftehim ta' suq ħieles u sħubijka politika tal-Ukrajna fl-UE. Iżda dan kollu ntefa' lura hekk kif l-Ukrajna bdiet titbiegħed mid-demokrazija, mil-libertà tal-media u s-saltna tal-liġi (rule of law) f'dawn l-aħħar sentejn ta' amministrazzjoni ta' Yanukoviċ.
Hekk kif semmew l-preokkupazzjoni tal-UE dwar ġustizzja motivata politikament fil-pajjiż, diversi analisti jħossu li l-parteċipazzjoni ta' Timoxenko u wkoll l-eks Ministru Lutsenko fl-elezzjoni ta' Ottubru huma kundizzjonijiet serji għall-aħħar għall-UE.
Sadanittant l-avukati ta' Timoshenkho se jressqu l-każ tagħha quddiem il-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem.
Din il-ġimgħa wkoll il-magażin influwenti Ukren ta' kull ġimgħa Korrespondent innomina lil Timoxenko bħala l-Persunaġġ tas-Sena, għax fl-opinjoni tad-direzzjoni, l-arrest tagħha kien l-aktar avveniment importanti li seħħ fil-pajjiż, u se jiddetermina l-iżvilupp intern u l-politika barranija tal-Ukrajna  għas-snin li ġejjin, fllwaqt li kabbar mill-ġdid il-popolarità ta' Timoxenko.

Is-Sibt, 17 ta’ Diċembru 2011

Rebbiegħa tal-Libertà fl-Asja ?

TIBDA TISĦON IL-QIEGĦA FIL-KAŻAKSTAN
Sa' ftit ilu r-Repubblika tal-Każakstan qajla kienet tinstema' fl-aħbarijiet, u kienet meqjusa bħala mudell ta' stabbilità fl-Asja Ċentrali. Iżda dak li seħħ l-bieraħ u llum qed jikxef li dik l-istabblità, dik il-kalma, kienet aktar waħda tixbaħ dik f'ċimiterju, f'din l-eks repubblika Sovjetika, sinjura biż-żejt, iżda li ilha aktar minn 20 sena maħkuma minn Nursultan Nazarbajev li kien ukoll l-aħħar President tar-Repubblika fi żmien li l-pajjiż kien satellita tar-Russja Komunista.
Wieħed mill-11-il vittma tal-inċidenti tal-bieraħ f'Zanawzen,
li x'aktar miet wara li ttajjar minn vettura militari
F'Mejju li għadda eluf ta' ħaddiema  ta' kumpanija parastatali taż-żejt ħarġu fuq strajk li għadu sejjer għal titjib fil-pagi u kundizzjonijiet, hekk kif din is-sena tkeċċew 989 ħaddiem, u f'dawn is-sena xhur il-gvern irrifjuta li jiddjaloga magħhom, minkejja li żewġ bjar taż-żejt kbar għamlu żmien twil paralizzati.
F'pajjiż fejn il-protesti huma rari, l-inkwiet beda meta l-ħaddiema marru jipprotestaw fi pjazza kbira fil-belt ta' Zanawzen fil-punent tal-pajjiż f'reġjun taż-żejt, madwar 150 kilometru l-bogħod mill-Baħar Kaspju, fejn il-gvern kien se jiċċelebra b'party kbir l-20 anniversarju tal-indipendenza tal-pajjiż mir-Russja.
Id-dimostranti attakkaw u qerdu palk kbir mħejji għaċ-ċelebrazzjoni, xeħtu l-apparat tas-sound għal isfel u tawh in-nar, kif għamlu lil siġra ġganteska tal-Milied u stands lesti għall-ikel. Xarabank u karrozza tal-pulizija nġarqu wkoll, u nirien u dħaħen kbar dehru wkoll ħerġin mill-muniċipju tal-belt u l-kwartier tal-kumpanija taż-żejt.
Ma damux ma waslu trakkijiet mimlija suldati u inġenji tal-pulizija, u bdew jinstemgħu tiri ta' armi tan-nar bir-riżultat li 11-il ruħ inqatlu, 86 feruti, fosthom sitt pulizjotti, u madwar 79 ruħ sfaw arrestati, skond stqarrija tal-Prokoratur Ġenerali. L-oppożizzjoni u rappreżentanti tat-trejd unjon indipendenti Aktau isostnu li n-numru tal-vittmi u feruti huwa ikbar (mill-inqas 150) u jinkludu anki tfal, hekk kif is-suldati u l-pulizija bdew jisparaw bl-addoċċ fuq in-nies, għalkemm dawn ir-rapporti ma setgħux jiġu konfermati.
Infatti malli faqqa' il-ġlied l-elettriku, mobiles u l-aċċess għall-internet fil-belt inqatgħu.
Iżda l-istazzjon indipendenti K Plus TV, li s'issa għadu jxandar (u li minn fuqu ħadt dawn ir-ritratti) qed juri sekwenzi drammatiċi tal-inċidenti.
Il-President Nazarbajev f'xandira televiżiva ikkundanna l-inċidenti u filwaqt li qal li ma jemminx li l-ħaddiema wettqu l-vjolenza (minkejja li dawk qed jipprotestaw fil-filmati jidhru lkoll lebsin l-uniformi tax-xogħol), iżda 'briganti', iddikjara stat ta' emerġenza u curfew  ta' 20 jum (sal-5 ta' Jannar) fil-belt ta' Zanawzen.
Sadanittant illum mijiet ta' attivisti tal-oppożizzjoni ltaqgħu fil-belt kapitali kummerċjali ta' Almati biex ifakkru l-155 Każaki li kienu nqatlu mis-suldati Russi bħal-lum eżatt 25 sena, meta eluf ta' Każaki, l-biċċa l-kbira żgħażagħ, ipprotestaw għal jiem sħaħ għax riedu aktar drittijiet għal-Każaki fit-tmexxija ta' pajjiżhom. Dakinhar Nazarbajev kien Prim Ministru tal-gvern pupu tar-Russja Sovjetika!
Waqt it-tifkira tal-lum kien se jinqala' inkwiet ieħor meta parti mill-folla ppruvat tinqatà mill-miġemgħa biex  tmur lejn il-kwartieri ġenerali tal-partit ta' Nazarbajev. Nofs dawn ġew arrestati.
Tgħid dan hu l-bidu ta' Rebbiegħa tal-Libertà fl-Asja?
Intant ir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni Ewropea Catherine Ashton fi stqarrija ttamat f'investigazzjoni mmedjata dwar l-inċidenti u soluzzjoni paċifika għall-problemi tal-ħaddiema fuq strajk.
Dan huwa filmat tal-bidu tal-inċidenti fil-pjazza ta' Zanawzen li jintemm hekk kif jibda l-isparar mis-suldati u pulizija 

Il-Ġimgħa, 16 ta’ Diċembru 2011

Persekuzzjoni Politika fl-Ukrajna (8)

JIFFILMJAW LIL TIMOXENKO MARIDA FIS-SODDA TAĊ-ĊELLA
Julia Timoxenko fiċ-ċella hekk kif il-bieraħ ħarġu minn
ħdejha tobba  u awtoritajiet tal-ħabs
Is-sitwazzjoni politika fl-Ukrajna kompliet tiħrax meta t-televiżjoni wera filmat tal-eks Prim Ministru u Kap tal-Oppożizzjoni Julia Timoxenko f'sodda fiċ-ċella tal-ħabs, fejn spiċċat wara li ġiet kundanata seba' snin  ħabs f'każ li qed dejjem jiġi meqjus, f'pajjiżha u fil-Punent, bħala motivat politikament, u parti minn persekuzzjoni ppjanata kontra l-oppożizzjoni.
Il-filmat ittieħed, kontra x-xewqa ta' Timoxenko, waqt li fiċ-ċella tagħha daħlu għadd ta' tobba u uffiċjali tal-ħabs biex jaraw il-kundizzjoni tagħha, li qed tbati minn problemi tal-ġilda u uġigħ kbir f'dahrha, u ma tistax timxi – minkejja dan il-ġimgħa l-oħra l-awtoritajiet ippretendew li hi toħroġ biex tidher quddiem il-qorti biex jittressqulha akkużi ġodda, u meta hi rrifjutat ippruvaw saħansitra jagħmlu seduta tal-qorti fiċ-ċella tagħha. Issa l-kawża ġiet differita għal nhar it-Tlieta li ġejjin.



Timoxenko qed tirrifjuta li tiġi inviżtata minn tobba tal-gvern, u li tieħu mediċina, għax mhix qed tafdahom.
Intant lejn tmiem-il filmat Timoxenko tidher fis-sodda mgħottija b'kutri, ixxejjer idea bi protesta kontra min qed jiffilmja. L-awtoritajiet qalu li ma kienux jafu min iffilmjaha ...f'ħabs!

L-avukat tagħha, Sertij Vlasenko iddenunuċja l-iffilmjar bħala xogħol ta' "annimali", u kontra d-drittijiet tal-bniedem.

Sadanittant,  minħabba li l-amministrazzjoni tal-President Yanukoviċ qed tkompli tisfida lill-Unjoni Ewropea, li kemm-il darba kkundannat it-trattament tal-eks Prim Ministru u tal-Oppożizzjoni b'mod ġenerali, x'aktarx li jiġi pospost l-iffirmar ta' trattati bejn l-UE u l-Ukrajna, trattati importanti lejn id-dħul tal-pajjiż fl-UE., li kellhom jiġu ffirmati nhar it-Tnejn li ġejjin.


Timoxenko tinduna u tipprotesta kontra min kien qed jiffilmjaha, qabel il-gwardjani għalqu l-bieb taċ-ċella      

L-Erbgħa, 14 ta’ Diċembru 2011

Jintemm is-Summit tal-'Klima'

'FTEHIM' LI JIDĦOL FIS-SEĦĦ BISS 8 SNIN OĦRA
Fl-aħħar, wara li ttawwal b'jumejn aktar milli suppost, f'ġimgħatejn ta' taqtigħ-il qalb u kważi falliment totali, ir-rappreżentanti tal-190 pajjiż li marru fl-Afrika t'Isfel f'Durban għal Summit ieħor suppost dwar il-klima, waslu għal 'ftehim' biex jippruvaw jnaqqsu jnaqqsu l-ħruġ tal-emissjonijiet tal-gassijiet serra, l-aktar s-CO2, ħalli b'hekk, suppost il-pjaneta tagħna ma tibqax tisħon bil-periklu imminenti tal-konsegwenzi katastrofiċi kollha li tant ilhom ibassru s-suppost esperti dwar il-klima tan-Nazzjonijiet Uniti.
Imma kemm dawn ir-rappreżentanti jemmnu li dan huwa periklu, u fuq kollox wieħed imminenti joħroġ mill-fatt li l-'ftehim' li leħqu jidħol fis-seħħ biss tmien snin oħra, fl-2010!
Dan fil-fatt ifisser t-Trattat ta' Kjoto se jintemm (mingħajr ma se jkunu ntlaħqu l-għanijiet tiegħu) għax kienu biss  l-Unjoni Ewropea u xi ftit pajjiżi  oħra żviluppati li ffirmaw biex itawwluh b'sena, sal-2013, bil-biċċa l-kbira tal-pajjiżi qed jiżviluppaw u l-Istati Uniti  jibqgħu fi ftehim volontarju biss biex inaqqsu l-karbonju sal-2020.
Minfloku l-Protokoll ta' Kjoto issa għandna dik li qed tissejjaħ "Pjattaform Durban". Din qed 'torbot' lill-pajjiżi li jiffirmawha biex inaqqsu l-emissjonijiet sal-2015, iżda l-ftehim jidħol fis-seħħ biss fi tmiem l-2020.
 Minkejja li din il-pjattaform ffirmawha wkoll l-Istati Uniti, iċ-Ċina u l-Indja, ċerti pajjiżi żgħar u organizzazzjonijiet benefiċi xejn m'huma kuntenti għax iqiesu l-lingwaġġ legali dgħajjef wisq biex iġiegħel lill-pajjiżi jaġixxu u li ż-żmien jiqsar ħalli jitwaqqaf it-tisħin tal-globu.
Infatti sadanittant it-temperatura se tkompli togħla b'4 gradi Ċentigradi, neta sknd Kjoto din kellha tiġi limitata għal 2 gradi Ċentigadi!
Is-summit li jmiss tal-United Nations Framework on Climate Change (UNFCC) se jsir sena oħra fil-Qatar meta għad iridu  jiġu ffissati l-miri tal-qtugħ ta' CO2 li kull pajjiż se jintrabat bihom sal-2015.
Sadattant twaqqaf ukoll Green Climate Fund ta' €70 Biljun biex suppost jgħinu lill-pajjiżi fqar 'jiġġieldu t-tibdil fil-klima', li jidher li kien l-ikbar, jekk mhux l-uniku interess tal-pajjizi qed jiżviluppaw.
Interessanti, fl-aħħarnett, insemmu li dan is-summit hu kalkukat li pproduċa mal-15,000 tunnellata ta' CO2, u dan jinkludix dak tat-titjiriet li wasslu lit-13,000 delegat f'Durban!
IL-KANADA TIRTIRA MILL-PROTOKOLL TA' KJOTO
Wara li ntemm is-Summit ta' Durban il-gvern ĊentruLemini Kanadiż ta' Stephen Harper ħabbar li pajjiżi se jirita, joħroġ mill-Protokoll ta' Kjoto. B 'hekk il-Kanada se tkun l-ewwel pajjiż li jagħmel dan, li, skond il-Ministru tal-Ambjent Peter Kent, qed jagħmluh  għax "Il-protokoll jfixkel il-progress tal-Kanada" minħabba li l-pajjiż ikollu jiffaċċja multi ta' ħsara kbira talli ma jilħaqx il-miri tat-trattat.
It-trattat kien ġie ffirmat minn gvern Liberali (Laburista) li Harper kien sejjaħlu gvern inkompetenti għax filwaqt li ma naaqas xejn emissjonijiet għabba lil kull familja Kanadiża b'taxxa ta' €1,200 fis-sena għalxejn. Fil-fatt flok Kjoto se jwassal għal tnaqqis ta' 6% fl-emissjonijiet fid-dinja sal-2020, dawn mistennija jkomplu jogħlew sa' bejn 16% u 30%.
Għalhekk mhix ħaġa kbira li pajjiżi oħra jagħmlu bħal Kanada, u dawn jistgħu jinkludu lil Ħappun, Russja, Awstralja u New Zealand

Is-Sibt, 10 ta’ Diċembru 2011

Persekuzzjoni Politika fl-Ukrajna (7)

L-AWTORITAJIET UKRAJNI JKOMPLU JISFIDAW LILL-U.E.
It-tmexxija dejjem iżjed awtoritarja tal-Ukrajna mhux biss kontinwament qed tittratta b'disprezz il-preokkupazzjoni tal-Unjoni Ewropea u mexxejja ewlenin tal-Punent dwar il-persekuzzjoni politika tal-oppożizzjoni, minn ta' quddiemnett l-eks prim ministru Julia Timoxenko li tinsab fil-ħabs fuq akkużi meqjusa bħala politikament motivati, imma issa waslu biex resqu akkużi ġodda kontriha, u ordnaw l-arrest indefinit. Dan għamluh f'seduta speċjali tal-Qorti li saret fl-istess ċella tagħha, minħabba li Timoxenko ma tistax tiċċaqlaq minn hemm, minħabba uġiħ kbir f'dahrha.
Eugenia Carr, bint Julia Timoxenko tindirizza l-Kungress
tal-PPE nhar l-Erbgħa li għaddew f'Marseilles
L-avukati tagħha ddikjaraw li jqiesu din bħala mossa biex jekk l-eks prim ministru tirbaħ l-appell kontra s-sentenza ta' 7 snin ħabs li qed tiskonta (appell li se jibda jinstema' nhar it-Tlieta li ġejjin 13 ta' Diċembru), din xorta waħda tinżamm arrestata.
Huwa f'dan id-dawl li l-Kungress tal-Partit Popolari Ewropew li ltaqa' f'Marseille, fi Franza f'nofs din il-ġimgħa, approva riżoluzzjoni iebsa u twila li għal darb'oħra kkundannat l-persekuzzjoni ta' Timoxenko u l-oppożizzjoni  in ġenerali fl-Ukrajna, u tħeġġeġ lill-awtoritajiet Ukrajni biex jiżguraw appell ġust, trasparenti u imparzjali għal Timoxenko u membri oħra tal-gvern li kienet tmexxi, u li bħala qed jiffaċċjaw akkużi ta' offiżi ekonomiċi.
Tħeġġeġ ukoll lill-parlament Ukrajn biex jirriforma s-sistema ġudizzjarja u jemenda l-kodiċi kriminali li jmur lura għall-era Sovjetika u qed jintuża b'mod diskriminatorju kontra Timoxenko.
Tappella biex l-awtoritajiet jiggarantixxu d-drittijiet fundamentali ta' saħħa u benesseri ta' Timoxenko u kollegi oħra tagħha li jinsabu arrestati wkoll, skond standards internazzjonali, inkluża l-possibiltà biex tobba mill-UE jinviżtawhom.
Ir-riżoluzzjoni tikkundanna wkoll d-deċiżjoni barbara u atroċi tal-Qorti ta' Kiev biex twettaq proċeduri legali fiċ-ċella ta' Timoxenko, minkejja l-kundizzjonijiet ta' saħħa kritiċi tagħha, kontra li-standards legali demokratiċi.
Il-PPE jwissi wkoll li l-ebda elezzjoni futuri fl-Ukrajna ma jistgħu jitqiesu ħielsa u ġusti, jekk il-mexxejja tal-oppożizzjoni, fuq quddiem Julia Timoxenko u Jurli Lutsenko, ma jinħelsux mill-ħabs.
Għalhekk ir-riżoluzzjoni tinsisti għall-ħelsien mingħajr ebda kundizzjoni ta' Timoxenko u membri oħra ewlenin tal-oppożizzjoni, r-riabilitazzjoni politika sħiħa tagħhom, inkluż id-dritt li jipparteċipaw b'mod sħiħ fil-proċess politiku, immedjatament  u fl-elezzjonijiet fl-Ukrajna s-sena d-dieħla.
Filwaqt li tħeġġeġ biex il-Ftehim ta' Assoċjazzjoni jiġu inizjalati kif ippjanat sal-aħħar tas-sena u ffirmati sa' nofs is-sena d-dieħla, twissi li jitwaqqaf kollox
– kemm-il darba ma jsirx it-tibdil għal riformi meħtieġa biex tissaħħaħ id-demokrazija, id-drittijiet umani u s-saltna tal-liġi, u
– jekk ikomplu l-ġurijiet motivati politikament, u Timoxenko ma tinħelisx.
Sadattant sħarriġ tal-opinjoni pubblika li sar din il-ġimgħa juri illi li kieku ssir elezzjoni issa l-partit ta' Timoxenko, l-Unjoni tal-Patrija jirriżulta l-ikbar partit bi 18.8% u dak tal-President Yanukoviċ, il-Partit tar-Reġjuni jikseb 17.8%. Partit ġdid ĊentruLemini, il-'Front għall-Bidla' jkollu 11.4%, bil-partit Komunista 8.4%, u ieħor immexxi  minn boxer 5.8%. Kien hemm bejn 15% u 209% li ma jafux lil min se jivvutaw jew jekk jivvutawx. L-elezzjoni għandha ssir f'Ottubru tas-sena d-dieħla.

Il-Ġimgħa, 9 ta’ Diċembru 2011

Tlett Elezzjonijiet f'jum wieħed

ŻEWĠ KONFERMI U SORPRIŻA
Il-Ħadd li għadda saru tlett elezzjonijiet fejn filwaqt li r-riżultat f'żewġ pajjiżi kienu mistennija, f'ieħor, dak fis-Slovenja, kien sopriża.
Hawnhekk l-istituti kollha tal-opinjoni pubblika kienu qed ibassru telfa għall-gvern Ċentru-Xellugi tas-Soċjaldemokratiku Pahor, u rebħa għaċ-ĊentruLemini Partit Demokratiku.
Filwaqt li s-Soċjaldemokratiċi veru ħarġu telliefa kbar u naqqsu l-voti minn 30.5% għal biss 10.5%, u 19-il siġġu, l-elettorat Sloven m'għażilx minflokhom lid-Demokratiċi, iżda lill-partit ġdid populista "Slovenja Pożittiva" li twaqqaf f'Ottubru li għadda minn Zoran Janković, eks president tal-ikbar kumpanija tal-bejgħ bl-imnut fis-Slovenja, li kiseb l-ikbar numru ta' voti, 28.5% u siġġijiet, 28 mid-90 fil-parlament.
Il-partit ta' dan is-sinjurun beda jissejjaħ ĊentruXellugi, minkejja li m'għandu l-ebda orjentament politiku, u li Janković innifsu kien iddikjara li l-programm vag tiegħu kien "li jagħmel dinja aħjar għas-Sloveni, bogħod mill-ideoloġiji u l-prattiċi tal-lum".
Barra minhekk, f'mill-inqas żewġ okkażjonijiet ġie akkużat li uża l-pożizzjoni tiegħu biex  bħala sindku tal-kapitali Ljubjana biex jivvantaġġja lill-ibnu.
Janez Janša Mexxej tal-Partit Demokratiku Sloven
Il-ĊentruLemini Demokratiċi ta' Janez Janša rriżultaw it-tieni l-ikbar partit partit b'26.3% tal-voti, u 26 siġġu, tnejn biss inqas mill-partit ta' Janković.
Għalhekk dan tal-aħħar ma jidhirx li se jkollu biċċa xogħol ħafifa jifforma gvern, għax lanqas jekk jikkonvinċi lis-Soċjaldemokratiċi (li lilhom l-elettorat ta l-ikbar daqqa ta' ħarta) jingħaqdu  miegħu, ma jkollu maġġoranza. Jibqagħlu jdur biss fuq partit ieħor ġdid, l-Liberali mwaqqaf minn Gregor Virant (8 siġġijiet), jew il-Partit tal-Pensjonanti b'6 siġġijiet, li però huma ĊentruLeminija.
Iż-żewġ partiti l-oħra huma mhux biss ĊentruLemini, imma, bħad-Demokratiċi, membri fil-Partit Popolari Ewropew (PPE) li, bis-16-il siġġu tagħhom flimkien mat-8 Liberali ta' Virant jiffurmaw maġġoranza ĊentruLeminija ta' 50  mid-90 siġġu fil-Parlament, li tkun rappreżentattiva tal-maġġoranza assoluta tal-elettorat li vvutat lill-partiti taċ-ĊentruLemin: 53.4% tal-voti.

L-elezzjonijiet l-oħra saru fir-Russja u fil-Kroazja. 
Bħalma kien mistenni tal-ewwel intrebħet mill-partit Russja Unita ta' Putin/Medvedev, li però naqqas l-appoġġ u s-siġġijiet (issa tilef i-maġġoranza assoluta u spiċċa b'238 siġġu mill-450 fil-parlament, filwaqt li perikolożament reġà kompla jikber il-Partit Komunista, u dak Soċjalista, li bejnithom issa għandhom 102 siġġijiet. Il-kumplament, 56 siġġu ħadhom il-Partit Liberali-Demokratiku ta' Vladimir Zirinovski.
L-oppożizzjoni għadha qed tipprotesta li l-elezzjoni ma kenitx ġusta u ħielsa,  bħalma qed issostnu diversi organizzazzjonijiet fil-Punent u gvernijiet, fosthom dak Amerikan.
Fil-Kroazja l-koalizzjoni ĊentruXellugija "Kukuriku"(magħmula mis-Soċjaldemokratiċi, żewġ partiti Liberali u dak tal-pensjonanti), kif kien mistenni, rebħet maġġoranza ta' voti u siġġijiet, 40.7% u 80 mill-151 siġġu fil-parlament.
Il-partit ĊentruLemini Unjoni Demokratika Kroata (HDZ) waħdu rnexxielu jikseb 34.6% tal-voti, jiġifieri 6% biss inqas mill-Kukuriku, iżda, minħabba s-sistema elettorali proporzjonali Kroata, kiseb biss 47 siġġu, filwaqt li l-partiti kollha taċ-Ċentru Lemin bejnithom kisbu maġġoranza tal-voti : 49.2%.
Wider Two Column Modification courtesy of The Blogger Guide