L-Erbgħa, 22 ta’ Ġunju 2011

Maġġoranza assoluta għall-Gvern Taljan

TISFUMA L-KLIMA ELETTORALI GĦAX-XELLUGIN
Umberto Bossi (fin-nofs) u Calderoli tal-Lega Nord jiccajtaw
mal-Prim Ministru Berlusconi waqt is-seduta tal-lum
Kien hemm uħud minnkom li innutawli li dwar dak li kien seħħ fl-Italja minn wara r-riżultat tar-referenda li saru ma kkummentajt xejn. Dan għax ma sibtx x'ngħid, iżda għax, kif jafu dawk li jafuni, dan l-aħħar kont daqsxejn imħabbat b'xogħol id-dar u tal-familja. Apparti hekk, dawk ir-referenda setgħu ma saru xejn.

Nibda biex  ngħid li fir-referenda li saru, rebħet il-biżà li rnexxilhom jerġgħu inisslu l-ekoterroristi mill-enerġija nukleari. Il-Prim Ministru Silvio Berlusconi għażel (skond jiena b’mod żbaljat) li jħalli lill-eletturi jivvutaw kif iħossu, għalkemm hu ddikjara li ma kienx se jmur jivvota, għax, ġustament ħass li r-referendum kienu se jsiru għalxejn.
Dan għax filwaqt li dwar in-nukleari l-gvern tiegħu kien diġà iddeċieda li jwaqqaf  il-programm nukleari sakemm isir aktar studju dwar sigurtà, dwar l-ilma diġà hemm sitwazzjonijiet fejn dan hu diġà f’idejn il-privat (fil-fatt hemm sistema ta’ partnership bejn il-privat u l-gvern), u li hemm ħsieb jiġi ‘privatizzata’ hija s-sistema tad-distribuzzjoni u tiswijiet tal-istess sistema li teħtieġ tiġdid immedjat ħalli titjib il-kwalità u titwaqqaf il-ħela.
Dwar l-aħħar referendum, dak dwar jekk il-Prim Ministru u l-Ministri jistgħu ma jidhrux il-qorti minħabba impenji tal-gvern, din l-eċċezzjoni kienet waħda temporanja li xorta waħda kienet se tispiċċa f’Ottubru li ġej.
Jiġifieri r-riżulati ta' dawk ir-referenda ma kellu jwassal, u ma wassalx għal terremoti politiċi bħalma xtaqu u ddikjaraw l-oppożizzjoni Xellugija u x-Xellugin mhux fl-Italja biss, anki hawn Malta.
Fil-fatt dak li ġara din il-ġimgħa, bħalma ngħidu bil-Malti, "qatgħalhom l-għatx bil-perżut".
Wara li ma waqfux l-appelli, anzi l-insistenza biex "Berlusconi jwarrab", it-tama ta' dawn it-talin kienet fil-votazzjonijiet importanti li kellhom isiru fil-Parlament Taljan fil-jiem li għaddew.
It-tama kient li l-gvern ĊenruLemini ta' Berlusconi ma jiksibx il-maġġoranza li jeħtieġ għax anki xi alleati mill-partit ta' Bossi, sieħeb ewlieni fil-koalizzjoni governattuva setgħu jivvutaw kontra l-gvern.
Minn dan kollu ma ġara xejn u l-aħħar votazzjoni dwar fiduċja fil-gvern rigward il-programm ta' żvilupp tat maġġoranza assoluta lill-gvern Ċentru-Lemini fil-Camera dei Deputati.
Fid-diskors tiegħu illum il-Prim  Ministru qal hekk:
"Il-bieraħ il-koalizzjoni CentruLeminija leħqet kwota ta' 317-il siġġu, biex b'hekk għall-ewwel darba minn meta xi deputati tagħna marru mal-oppożizzjoni, qbiżna l-kwota ta' 316, biex ilħaqna mill-ġdid il-maġġoranza assoluta. Dan ifisser li hemm maġġoranza soda, qawwija u koerenti u konsistenti, u li hija l-unika li tistà tiggarantixxi governabilità lill-pajjiż f'dan il-mument diffiċli".
Berlusconi fakkar u faħħar il-ħbiberija tiegħu ma' Umberto Bossi.
L-istess Bossi, inzied jiena, li kien waqqa' l-ewwel gvern Berlusconi fl-1994, u allura ħafna kienu jaħsbu li kellu jkun ir-riġlejn dgħajfa tal-gvernijiet taċ-ĊentruLemin fl-Italja, mentri kellu jkunu dak li kulħadd, inkluż jiena, li konna nqisuh "tal-affari tiegġu" u serju, li kważi sena ilu, matul is-Sajf l-ieħor, ittradixxa mhux biss lil Berlusconi u liċ-Ċentru-Lemin, iżda lil dawk il-mijiet kbar ta' eluf li vvutawlu: Gianfranco Fini.
Gianfranco Fini
Iżda san ħadha t-tweġiba mill-elettorat, għax ir-riżultat fl-elezzjonijiet amministrattivi li saru x-xahar l-ieħor għalih kienu disfatta totali: f'ċerti distretti bil-ħniena qabeż l-4%, għax fil-biċċa kbira l-partiti li waqqaf ma qabżux it-2%!
Intant għall-Italja fil-kriżi interna u internazzjonali li qed taħkem pajjiżi kbar tal-istess Unjoni Ewropea  (vide Greċja u Spanja), gvern sod huwa l-isbaħ aħbar mhux tant għal Berlusconi nnifsu – li waqt l-istess diskors iddikjara li l-ħajja f'Palazzo Chigi (fejn hemm l-uffiċju tal-Prim Ministru Taljan) m'hix xalata, anzi hu sejħilha "sagrifiċċju", filwaqt li għamilha ċara li mhux beħsiebu jibqà hemm għal dejjem – iżda għall-poplu Taljan li l-ewwel ma jrid huwa stabbilità fil-pajjiż u serħan-il moħħ.


B'hekk sfumat fix-xejn il-klima elettorali li ppruvaw iqajmu l-oppożizzjoni, li bħal żmien Prodi huma magħqudin flimkien biss bil-mibiegħda u l-għira lejn Berlusconi, u għal datb'oħra qed joħroġ ċar li m'hemmx alternattiva għall-gvern ĊentruLemini.

Il-Ħadd, 12 ta’ Ġunju 2011

Mill-Ġdid Ċentru-Lemin fit-Turkija

MINGĦAJR MAĠĠORANZA ASSOLUTA
Bħalma kien mistenni l-Partit taċ-ĊentruLemin, Ġustizzja u Libertà (AKP) jidher li se jkompli jiggverna  għall-ħames snin li ġejjin fit-Turkija.
Erdogan Prim Ministru għat-tielet darba, ma' martu, li dejjem
tgħatti xuxitha b'maktur, u li minħabba f''hekk hi spiss tiġi
kritikata minn ambjenti sekulari fit-Turkij
Il-Prim Ministru Recep Erdogan però mhux se jkollu maġġoranza assoluta biżżejjed bħalma xtaq, biex ikun jistà jwettaq xi tibdil li ried fil-Kostituzzjoni, jew li jressaq l-istess emendi għall-approvazzjoni mill-poplu.
Erdogan kien iddikjara li jekk ma jirbaħx l-elezzjoni tal-lum kien se jirriżenja, u l-istess għamel il-kap tal-Oppożizzjoni u mexxej tal-pariti Ċentru-Xellugi Repubblikan Popolari (CHP). Fil-fatt mill-ewwel riżultati li bdew ħerġin il-lejla jidher li dawn iż-żewġ partiti t-tnejn żjiedu l-voti,  bit-tielet wieħed, dak lemini Azzjoni Nazzjonali (MHP) se jnaqqas bi ftit.
Minn dawn l-ewwel riżultati l-AKP kiseb 50% tal-voti u 327 siġġu fil-Parlament, li jfisser madwar 40 siġġu inqas  milli ħtieġ biex jemenda l-kostituzzjoni mingħajr appoġġ minn ebda partit ieħor, u erba' inqas bie setgħa jpoġġi f'referendum l-istess emendi, ħaġa li qabel l-elezzjoni sata' jagħmel.
Iċ-CHP żjied il-persentaġġ għal 26% u 135 siġġu, filwaqt li l-MHP naqqas il-voti għal 13% biex se jikseb 54 siġġu. Il-partit tal-minoranza Kurda BDP grazzi għal kandidati li kkontestaw bħala indipendenti jistà jikseb 34 siġġu.
Huwa tajjeb għalhekk li biex isiru emendi fl-aktar dokument importanti f'demokrazija, Erdogan se jkollu jikkonvinċi partit oħra, għax hemm min, bħali, jħares b'ansjetà lejn il-pjanijiet ta' Erdogan għall-kostituzzjoni. Avolja biex ngħidu kollox, matul il-kampanja elettorali l-partiti kollha wiegħdu kostituzzjoni ġdida u aktar demokratika minn dik preżenti, li kienet tfasslet u ġiet adottata sentejn wara l-kolp ta' stat devastanti tal-1980.

It-Tlieta, 7 ta’ Ġunju 2011

Portugall: Rebħa oħra għaċ-Ċentru-Lemin

DALWAQT UNJONI EWROPEA KOLLHA BLU
Pedro Passos Coelho
Bir-rebħa fil-Portugall taċ-Ċentru-Lemini Partit SoċjalDemokratiku (PSD) il-Ħadd li għadda, l-Unjomi Ewropea ftit jonqosha biex isir kollha blu.
Filwaqt li l-PSD ta' Pedro P. Coelho kiseb 107 siġġijiet (żjieda ta' 24 siġġu), il-Partit Popolari (li bħall-PSD huwa msieħeb fil-Partit Popolari Ewropew-PPE) żjied tlett siġġijiet għal 24, biex b'hekk issa dawn iż-żewġ partiti għandhom maġġoranza relattiva komda ta' 129 siġġu fil-parlament ta' 230 siġġu (fejn allura maġġoranza assoluta kienet teħtieġ 151). Iżda dawn jistgħu jiżdiedu anki b'4 oħra minħabba li sakemm qed nikteb għad fadal daqstant siġġijiet x'jitqassmu.
Mill-banda l-oħra l-Partit Soċjalista tilef 24 siġġu, għal 73 – jiġifieri kien hemm swing ċara favur iċ-Ċentru-Lemin, filwaqt li telfa oħra kbira sofriha l-partit Komunista-Trozkista Blokk Xellugi li tilef nofs is-siġġijiet biex spiċċa bi tmienja biss.
Partit ieħor xellugi, koalizzjoni bejn dak Komunista u dak tal-Ħodor, prattikament baqa' fejn kien b'7.9% tal-voti u 16-il siġġu.
Dan kollu jfisser li issa l-gvern li se jifforma Coelho jista' jattwa programm ta' awsterità tant meħtieġ biex jirranġa l-bilanċ finanzjarju tal-pajjiż, halli jiżgura mill-għajnuna internazzjonali mwiegħda mill-Unjoni Ewropea u l-Fond Monetarju Internazzjonali.

Ifisser ukoll li l-Unjoni l-Ewropea fadlilha ftit xhur biss biex tkun immexxija minn gvernijiet tac-Ċentru-Lemin,  biex b'hekk il-mappa tal-Unjoni Ewropea ssir kważi kollha blu, għajr xi rqajja żgħar ħomor 'l hemm u 'l hawn.
Infatti fi Spanja (bħalma qed taraw għadha tidher ħamra), r-rebħa tal-Partit Popolari Spanjol ftit jiem ilu fl-elezzjonijiet amministrattivi wriet b iċ-ċar li l-poplu Spanjol qed jistenna bil-ħerqa li tfittex issir l-elezzjoni ġenerali, li trid issir f'inqas minn sena (ġaladarba Zapatero baqa' imkaħħal mas-siġġijiet tal-poter, minkejja dan is-sinjal ċar ta' sfiduċja), ħalli anki l-gvern nazzjonali jsir blu.
Ħarsa lejn l-irqajja li jkun fadal ħomor turina li dawn huma l-Awstrja – fejn fil-fatt hemm dik imsejħa 'Koalizzjoni Kbira' bejn il-Partit Popolari u dak SoċjalDemokratiku b'siġġijiet kważi indaqs (fejn allura suppost il-kulur ikun Aħmar/Blu), is-Slovejna (bħall-Awstrja tmiss ukoll mal-Italja mill-lvant) fejn is-Soċjalisti u l-partit Ċentru-Lemini Demokratiku għandhom l-istess numru ta' siġġijiet, iżda, għal xi raġuni, żewġ partiti liberali żgħar ippreferew jagħtu l-appoġġ lis-Soċjalisti minflok lid-Demoratiċi (msieħba fil-PPE). Iżda hemmhekk mistennija ssir l-elezzjoni s-sena d-dieħla wkoll.
L-aħħar roqgħa ħamra hija okkupata mill-Greċja fix-xlokk tal-Ewropa, fejn sentejn ilu l-elettorat għażel lis-Soċjalisti ta' Papandreus li kompla għakkes il-pajjiz fil-kriżi li kienu daħħluh fiha meta kienu l-aħħar fil-gvern bejn l-1993 u l-2004, u fejn allura se jkollhom jistennew sentejn oħra biex itellgħu lid-Demokrazija Ġdida (Liberali/Konservattiv/Demokristjan)...sakemm ma jerġax jaqa' l-gvern qabel!
Fl-aħħarnett ta'  min jinnota li għalkemm in-Norveġja u l-Isvizzra, qed jikdhru b'kulur caffèlatte, għax, bħall-pajjiżi tal-Baħar Adrijatiku (Kroazja, Bożnja/Herzegovina, Montenegro, Albanija u Serbja) mhumiex msieħba fl-Unjomi Ewropea, dawn kollha (apparti l-Montenegro) għandhom fil-gvern partiti taċ-Ċentru-Lemini, li jfisser li bħall-kumplament tal-popli l-oħra  Ewropej, aktar  jafdaw lil dawn milli lis-Soċjalisti u lix-Xellug imexxu l-pajjiżihom fil-krizi ekonomika finanzjarja li qed tolqot lid-dinja kollha.
Veru dnub kbir li din is-sitwazzjoni mhix riflessa fil-parlament u l-istituzzjonijiet Ewropej – minħabba li l-elettorat Ċentru-Lemini ma jaqdix dmiru fl-istess persentaġġ meta jiġi biex jaħtar ir-rappreżentanti tiegħu fil-Parlament Ewropew.                                           
Kieku l-Unjoni Ewropea hija ħafna aħjar milli hi llum.

It-Tlieta, 31 ta’ Mejju 2011

L-ebda terremot politiku fl-Italja

BERLUSCONI MHUX BEĦSIEBU JWARRAB
Il-Prim Ministru Taljan Silvio Berlusconi
L-elezzjonijiet amministrattivi lokali li saru l-Ħadd u t-Tnejn  li għaddew mhux mistennija jkollhom konsegwenza fuq skala nazzjonali, għax hekk kif sar jaf bir-riżultati uffiċjali fir-Rumanija fejn kien fuq żjara uffiċjali, il-Prim Ministru Silvio Berlusconi, filwaqt li stqarr id-dispjaċir tiegħu għar-riżultati f’Milan u Napli, kompla li l-gvern se jkompli bil-ħidma u r-riformi tiegħu, għax jekk issir elezzjoni bikrija m’hemmx alternattiva stabbli għall-gvern ċentru-lemini.
Dan għax ir-riżultati, bħalma se naraw aktar ‘l isfel, komplessivament ma jirrappreżentawx xi swing kontra l-gvern jew favur l-oppoiżizzjoni, li prattikament rebħet biss żewġ bliet kapitali ta’ provinċji aktar milli kellha
Filwaqt li ċ-ċentru-xellug rebaħ f’Milan u żamm il-belt ta’ Napli li kien diġa’ jamministra, fi tmiem-il ġimgħa sar it-tieni round tal-elezzjonijiet amministrattivi fi 13-il comuni ewlenin oħra u f’sitt bliet kapitali ta’ provinċji oħra.
F’dawn tal-aħħar, erba’ ntrebħu minn kandidati taċ-ċentru-xellug, u tnejn taċ-ċentru-Lemin.
Meta dawn jingħaddu mar-riżultati ta’ ħmistax ilu, fejn ma kienx hemm bżonn round ieħor, ir-riżultat finali huwa 7 bliet f’idejn iċ-ċentru-xellug u erba’ taċ-ċentru-lemin. Qabel kienu l-istess: 7 u 4 rispettivament.
Mit-13-il comuni disa’ rebħuhom kandidati taċ-ċentru-xellug, u l-erba’ l-oħra taċ-ċentru lemini. Meta dawn jingħaddu mar-riżultati ta’ ħmistax ilu fil-comuni l-oħra, r-riżultat finali huwa 22 comune immexxija miċ-ċentru-xellug u tmienja miċ-ċentru-lemin. Qabel kienu 20 u 10 rispettivament.
B’hekk mill-aħħar elezzjonijiet amministrattivi li saru fl-istess bliet u comuni fl-2006, id-differenza hija ta’ żewġ comuni  biss aktar milli kellu ċ-ċentru-xellug, għax filwaqt li ċ-ċentru-xellug rebaħ f’Milan, Novara, Trieste u Cagliari li kienu f’idejn iċ-ċentru-lemin, iċ-ċentru-lemin ħa tlieta liċ-ċentru-xellug: Rovigo, Cosenza u Iglesia.
Dan żgur ma jiġġustifikax li l-gvern jirriżenja bħalma qed jerġgħu jippretendu l-oppożizzjoni.
Aktar u aktar meta f’dawk li huma voti, ħmistax ilu kemm iċ-ċentru-lemin kif ukoll iċ-ċentru-xellug kienu naqqsu l-voti, b’dawn tal-aħħar jonqsu b’14.4% kontra s-6% li naqqas iċ-ċentru-lemin (ara l-post tal-21 ta’ Mejju). Dan juri li dawk li ma marrux jivvutaw fit-tieni round (8% fil-comuni u 15% fil-provinċji inqas minn ħmistax ilu) kienu taċ-ċentru-lemin, li apparentement ma qiesux dan it-tieni round ta’ importanza bħal elezzjoni ġenerali, meta jmorru jivvutaw bi ħġarhom.
Barra minhekk qajla jista’ ikun hemm ftehim fit-tul għal elezzjoni simili bejn qawsalla ta’ partiti ċentru-xellugin bħalma kellu Prodi, u li ma kenitx sadded wisq fil-gvern!
Għalhekk għandu raġun il-Prim Ministru Taljan jinsisti li minkejja r-riżultati f’Milan u f’Napli, m’hemmx alternattiva għal gvern Ċentru-Lemini.
Imma taqra ċerta media internazzjonali, ikkupjata minn dik lokali bħall-pappagalli, taħseb li sar xi terremot politiku fl-Italja, fejn anki waslu biex giddbu li Napli “tilifha” Berlusconi, meta din fil-fatt kienet, u sempliċiment baqgħet f’idejn ix-Xellug! 

It-Tnejn, 23 ta’ Mejju 2011

Tkompli tikber il-familja taċ-Ċentru-Lemin fl-U.E.

TKAXKIRA KBIRA LIS-SOĊJALISTI FI SPANJA
Tmiem-il-ġimgħa li għadda għandu jkompli jferraħ u jserraħ moħħ dawk kollha bħalna jistennew b'ħerqa li fl-Unjoni Ewropea, fil-Parlament Ewropew ikun hemm maġġoranza assoluta ta' partiti miċ-Ċentru Lemin fil-pajjiżi individwali, sabiex jkomplu jseħħu r-riformi tant meħtieġa fuq skala Ewropea, ħalli jissewwew l-isbajli li għabbew bihom is-Soċjalisti, ix-Xellugin, fl-ewwel snin tal-Unjoni Ewropea meta huma kienu fil-maġġoranza assoluta.
Infatti f'elezzjonijiet li saru f'żewġ pajjiżi li kienu għadhom dominati mix-Xellug, jiġifieri Spanja u Ċipru, dawn tilfu l-maġġoranza li ilhom igawdu mal-għaxart snin.
Il-Kap tal-Partit Popolari Mariano Rajoy (fin-nofs) jifraħ u jirringrazzja lill-partitarji l-Ħadd bil-lejl
Fi SPANJA s-Soċjalisti sofrew l-ikbar tkaxkira minn kemm fi Spanja ilha teżisti s-sistema demokratika parlamentari.
Infatti fl-elezzjonijiet muniċipali u lokali li saru il-Partit Popolari spiċċa r-rebbieħ assolut fil-biċċa l-kbira fejn l-Ispanjoli kellhom jagħzlu mhux biss il-partit, iżda president ta' reġjuni u kunsilli lokali.
Bħala voti l-Partit Popolari kiseb 37.54% filwaqt li l-Partit Soċjalista kiseb l-agħar riżultat li qatt kellu b'27.79%, differenza ta' kważi 10%!
Dan ifisser illi kieku dawn il-voti kellhom  jissarfu s'siġġijiet fil-parlament nazzjonali l-Partit Popolari jkollu maġġoranza ta' 164 siġġu minn 350, żjieda ta' 10 siġġijiet, u l-Partit Soċjalista 116, tnaqqis ta' 53 siġġu, bil-kumplament lill-partiti reġjonali.
Filwaqt li l-PP se jiggverna f'36 kapitali tal-provinċja, dak Soċjalista rebaħ biss 9.
Minkejja dan kollu l-Prim Ministru Spanjol Zapatero qed jibqà jwebbes rasu jgħid li wara dan il-messaġġ qawwi ta' sfiduċja fil-kapaċità tas-Soċjalisti li jmexxu l-pajjiż fil-kriżi kbira ekonomika-finanzjarja, mhux beħsiebu jwarrab qabel tmiem il-mandat f'Marzu tas-sena d-dieħla.
Il-mexxej tal-Popolari Mariano Rajoy qed jinisisti biex is-Soċjalisti ma jaħlux sena oħra lill-pajjiż u lill-poplu jtawwlu l-kriżi, u jfittxu jirriżenjaw.

IĊ-ĊENTRU-LEMIN JIRBAĦ F'ĊIPRU WKOLL
Minbarra fi Spanja fejn il-Partiti Popolari kiseb maġġoranza assoluta ta’ voti fl-elezzjonijiet lokali li saru l-Ħadd, anki f’Ċipru, fejn  saret l-elezzjoni għall-parlament ġdid, iċ-Centru-Lemin irnexxielu jikseb rebħa storika fuq il-Partit Komunista li kien ilu jiggverna għal dawn l-aħħar għaxar snin.
Il-partit Assemblea Demokratika (DISY, li hu membru fil-Partit Popolari Ewropew) rebaħ 34.27% tal-voti, kontra 32.67% tal-Partit Komunista tal-Ħaddiema (AKEL).
Minkejja din ir-rebħa, minħabba s-sistema elettorali ta’ Ċipru, dan mhux bilfors ifisser li għandu jaqa’, jinbidel il-gvern, għax Ċipru hija repubblika presidenzjali fejn il-President huwa wkoll il-kap tal-gvern, il-prim ministru wkoll.
Għalhekk il-President Demetris Christofias mill-istess partit Komunista jistà jibqà jmexxi bil-gvern tiegħu sal-elezzjoni presidenzjali ta’  Frar tal-2013, għalkemm issa mhux se jkollu aktar il-maġġoranza parlamentari li kien irnexxielu jgħaqqad grazzi għall-appoġġ tal-partit ċentrista Demokratiku (DIKO), u dak Ċentru-Xellugi EDEK, li naqsu l-voti.
Infatti, minkejja li kien fil-gvern id-DIKO kien kritiku ħafna ta’ Christofias, u wara li l-partit naqqas il-voti, ma tkunx ħaġa kbira li ma jibqax japoġġjaħ. Issa f’Ċipru ċ-Ċentru u l-Lemin għandhom bejnithom 50 fil-mija tal-voti.

Is-Sibt, 21 ta’ Mejju 2011

Strauss-Kahn u Berlusconi

IL-PURITANI FALSI U PREĠUDIKATI
Il-każ tal-bankier politiku potenti Franċiż Dominique Strauss-Kahn jidfen fir-ridikolu l-istorja tal-parties fir-residenza tal-Prim Ministru Taljan Silvio Berlusconi, u jikxef il-preġudizzji tal-psewdo puritani ta' żmienna li lesti jqajmu mill-ġdid żmien l-inkwiżizzjoni quddiem 'skandli' sesswali, iżda biss kontra min jidhrilhom huma.
Straus-Kahn jinsab mixli li stupra lil fattiga li daħlet tnaddaflu l-kamra fil-lukanda lussuża fi New York fejn kien qiegħed, u mhux, bħall-Prim Ministru Taljan, li sempliċiment organizza parties privati f'daru, li matulhom ġie allegat li kien ħallas tfajla taħt l-età għas-sess, u li wża s-setgħa tiegħu biex il-pulizija teħles lill-istess tfajla mixlija b'serq – meta diġà sar magħruf li t-tfajla kienet qalet lil kulħadd li kienet għalqet it-18-il sena, li hi qatt ma kellha x'taqsam mal-Prim Ministru, filwaqt li l-uffiċjal tal-pulizija konċernat iddikjarat li qatt ma ħasset xi pressjoni żejda minn naħa tal-PM.
Imma Strauss-Kahn huwa politiku professjonista – mhux bħal Berlusconi. Huwa intellettwali u Soċjalista – mhux bħal Berlusconi.
Dominique Strauss-Kahn
Berlusconi huwa l-oppost ta' Strauss-Kahn. Huwa self made man, outsider għall-politika.
Strauss-Kahn huwa l-essenza, id-distillat tal-Ewropa antika u korrotta jew ikkankrata. Jirrappreżenta l-establishment, protett mill-istess establishment, imħares minn kull xamma ta' skandlu. Il-kapaċità tiegħu minfuħa mill-ħbieb u l-kuntatti politiċi,  hija fittizja, iżda kullimkien onorat u rispettat ...għallinqas sa' qabel faqqa' l-każ ta' New York.
Xorta waħda, però qed jippruvaw jiddefenduħ billi jgħidu li ġie milgħub; li huwa vittma ta' 'komplott politiku' biex ma jibqax theddida għal Sarkozy fl-elezzjoni tas-sena d-dieħla.
Barra minhekk il-każ Strauss-Kahn wera wkoll li d-dnubiet, venjali, privati, huma ħaġa, u li hi tal-mistħija li jinbiblu f'reati f'ġuri inkwiżitorju assurd, u r-reati huma ħaġa aktar serja li f'dan il-każ jixhdu l-arroganza ta' vjolenza sesswali maskilista ta' min jaħseb li kulħadd irid jogħqod għal dak li jippretendi hu bħala dritt għax ħadd ma jistà għalih.
Wieħed, għalhekk, jaqbad u jieħu dak li jrid bil-forza. L-ieħor jinnamra. Wieħed jiddisprezza. L-ieħor ifaħħar, jiksi lis-sess oppost bl-attenzjoni, bil-ġentilizzi u bir-rigali f'serati privati li ma jinteressawx lill-ġustizzja, għax matulhom ma tinkiser l-ebda liġi.
Hemm  jew m'hemmx differenza bejn seduttur u stupratur, nistaqsi lil dawn il-psewdo-puritani li lesti jiftħu l-kanuni kollha kontra l-persuna żbaljata, għax mhix insider, u jaħfru kollox lill-"eroj filosofu" tagħhom.
Is-sabiħa, jew aħjar il-kerha, hija li qabel il-każ ta' New York, dan Strauss-Kahn diġà kien magħrf bħala dak li l-opinjonista Taljan Giuliana Ferrara sejjaħlu "annimal predatorju" fejn jidħlu n-nisa, u kien hemm ħafna x'jingħad, kif qed isir magħruf issa, iżda, għal kuntrarju, fil-każ tiegħu rrenjat l-omertà tal-poter u l-ħbieb, tal-privileġġ, għax "ta' ġewwa".
Dawn l-istess imkejjen u l-media kontrollata minnhom,  kull darba jogħqodu attenti li jirrepetu li "Strauss-Kahn qed jiċħad l-akkużi dwar stupru u aggressjoni bi skop sesswali, waqt li hu determinat li juri l-innoċenza tiegħu". Ara fil-każ tal-Prim Ministru Taljan rari nisimugħa, jekk nisimgħuha, din. Għax għall-istess media, li f'pajjiżna nikkuppjaw bħax-xadini, hu diġà ħati tal-akkuzi kollha li jivvintaw dwaru!

Wara l-Elezzjonijiet Amministrattivi fl-Italja

LA REBBIEĦA U LANQAS TELLIEFA ... GĦALISSA
Minkejja dak li ntqal u nkiteb, mill-elezzjonijiet amministrattivi, lokali li saru fl-Italja l-Ħadd u t-Tnejn li għaddew għad m’hemmx riżultat definittiv, u għalhekk la għad hemm rebbieħa u wisq inqas telliefa definiti, finali.
Tajjeb infakkar li wara l-aħħar elezzjonijiet lokali tal-2006 fil-11-il provinċja fejn kienu vvutaw, iċ-Ċentru-Xellug kien spiċċa b'maġġoranza f’7 provinċji, u ċ-Ċentru-Lemin f’4.
Għal dawk li għandhom x’jaqsmu l-Comuni, fit-30 capoluoghi (jiġifieri bliet fejn hemm miġbura l-amministrazzjoni, l-uffiċji governattivi tal-provinċji) iċ-Ċ-Xellug kien jiggverna f’20 minnhom, bl-għaxra l-oħra f’idejn iċ-Ċ-Lemin. Jiġifieri ċ-Ċ-Xellug kellhom il-maġġoranza kemm fil-Provinċji kif ukoll fil-Comuni.
Issa, mir-riżultati ta’ din il-ġimgħa, f’dawk li huma amministrazzjonijiet, la għad hemm rebbieħa u lanqas telliefa definitivi, għax f’6 mill-11 il-provinċja ħadd ma kiseb 50% tal-voti, u l-istess fi 13 mill-20 Comuni, fejn allura se jkollu jsir it-tieni rawnd fid-29 u 30 tax-xahar, bejn l-aktar żewġ kandidati li ġabu voti.
Meta, iżda, niġu għall-voti li kisbu ż-żewġ naħat insibu li kemm iċ-Ċ-Xellug, kif ukoll iċ-Ċ-Lemin naqqsu l-voti, biċ-Ċ-Xellug l-aktar li tilef voti, tnaqqis ta’ 14.4%, kontra s-6% ‘biss’ inqas li vvutaw liċ-Centro-Destra.
Dawn huma l-fatti (u l-matematika li mhix opinjoni), skond l-analiżi indipendenti li saretr mill-Istituto Cattaneo ta’ Bologna.
Lura għall-provinċji u l-comuni individwali nsibu dan li ġej:
Filwaqt li ċ-Ċ-Lemin ma rnexxielux jerġà itella’ lis-sindku tiegħu f’Milan mal-ewwel rawnd, minħabba li kien hemm l-inqas eletturi li vvutaw mill-medja nazzjonali, u se jkollu jsir it-tieni rawnd, f’Napli kien iċ-Ċ-Xellug li naqas li jerġà jkollu sindku tiegħu, u se jkollu jsir rawnd ieħor hemm ukoll.
L-istess se jsir f’7 comuni oħra li kienu f’idejn iċ-Ċ-Xellug, u f’5 taċ-Ċ-Lemin. Dawn tal-aħħar mbagħad, rebħu f’żewġ comuni li kienu f’idejn iċ-Ċ-Xellug. Iċ-Ċ-Xellug imbagħad ħa 3 comuni li kienu f’idejn iċ-Ċ-Lemin.
F’dawk li huma provinċji se jkollu jsir it-tieni rawnd fi 8 li kienu f’idejn iċ-Ċ-Xellug, u f’ħamsa taċ-Ċ-Lemin, filwaqt li dawn tal-aħħar rebħu f’Campobasso li qabel kien taċ-Ċ-Xellug.
Bir-raġun, għalhekk, li meta rrefera għar-riżultat provviżorju ta’ Milan, Maurizio Lupi, tal-Popolo della Libertà u Aġent-Speaker tal-Kamra tad-Deputati, qal li “tlifna partita, iżda għad nistgħu nirbħu l-kampjonat”.

Il-Ħadd, 15 ta’ Mejju 2011

Issa jmiss lil Gaddafi?

MISTERJU X'SAR MINNU U FEJN JINSTAB
Filmat li hemm dubji kemm fil-fatt huwa riċenti, u diskors (mingħajr vidjo) ta' sfida minn  bniedem li jinħass ddisprat, minfok ma naqqsu d-dubji komplew kabbruhom, u diversi analisti esprimew l-idea tagħhom li d-dittatur Libjan Gaddafi mhux se jdum ma jmissu l-istess xorti tal-prim terrorista Bin Laden.
Kien  l-Isqof ta' Tripli Monsinjur Giovanna Martinelli li matul il-ġimgħa li għaddiet, skond ma qal il-Ministru fil-gvern Taljan, Franco Frattini, l-isqof esprima l-opinjoni tiegħu li Gaddafi ma kienx għadu fi Tripli u li probabbli kien safa' ferut waqt il-bumbardamenti tan-NATO.
Sabiex igiddeb dawn l-għajdut it-televiżjoni tal-gvern wriet filmat li fih Gaddafi jidher qed jilqà xi mexxejja ta' tribù, iżda mingħajr ebda diskors tiegħu.
Nhar il-Ġimgħa mbagħad l-istess televiżjoni xandret diskors li matulu Gaddafi qagħd iniggeż u jisfida lin-NATO, billi, filwaqt li giddeb rapporti li hu kien indarab waqt l-attakkli tagħhom, kompla jgħid li "irrid ngħidilkom  li l-bombi tagħkom mhu se jilħquni, għax miljuni ta' Libjani għadhom jgħożżuni f'qalbhom ...lilkom kruċjati beżżiegħa ngħidilkom li jiena qed ngħix f'post fejn ma tistgħux tilħquni. Jiena ngħix fil-qlub ta' miljuni."
Bi tweġiba kelliemi għan-NATO kkummenta li "m'għandnix għalfejn insibuh għax aktar ma nkomplu nattakkaw li-truppi tiegħu, aktar qed joħorġu probi li l-lealtà tagħhom lejh qed tispiċċa, u meta dan jiġri, d-dittatorjat tiegħu jisfaxxa , u l-poplu Libjan jikseb il-libertà li ħaqqu."
Infatti t-truppi ta-'ribelli' qed ikomplu bis-suċċessi tagħhom kontra dawk tar-reġim, u ħabbru li kienu kisbu lura l-kontroll tal-ajruport tal-belt ta' Misrata li jidher li l-assedju mis-suldati ta' Gaddafi naqqsu sew, u għal kuntrarju qed jirtiraw mill-pożizzjnijiet li kellhom barra l-belt, wara l-attakki tal-ġellieda għall-ħelsien u l-bumbardamenti minn NATO, kif turi din il-mappa strateġika dettaljata, aġġornata sal- bieraħ is-Sibt, kif ukoll rewwixti popolari kontra r-reġim f'belt oħra qrib aktar fil-punent tal-pajjiz, Zlitan, b'popolazzjoni ta' madwar 100,000 ruh, u 136 kilometru (84 mil) biss bogħod minn Tripli


Ikklikkja fuq il-mappa biex tkabbarha

Il-Ħamis, 5 ta’ Mejju 2011

Bin Laden Kaput!

L-IMPORTANTI LI ĦLISNA MINNU!
Min qal li kien armat – Min qal li ma kienx – Min qal li ma jmixxhomx qatluh – Min qal li misshom għaddewh ġuri u mhux qabdu u qatluh – Min għadu jsostni li mhux veru nqatel – Min jgħid li messhom jippubblikaw ritratt/i tiegħu mejjet – Min ried li ma difnuh xejn fil-baħar – Min qal li ħass li ma kienx sew li kien hemm min feraħ u ċċelebra – u, saħansitra kien hemm min, bħal tfajla Musulmana fl-Amerika b'maktur ma' xagħrha, iżda bil-make-up, li qalet li ddispjaċiha għalih, għax kien "allright"!  Insomma kulħadd, bħas-soltu jgħid, jgħid tiegħu. Kulħadd isir espert. Kulħadd jilgħabha ta' moralista.
Naturalment qed nirreferi għal Osama bin Laden, l-aktar terroristi mfittex fid-dinja li, skwadra speċjali tan-Navy Amerikana, in-Navy Seals 6 sabet u qatlet f'palazz-fortizza li kellu f'nofs belt fil-Pakistan, 50 kilometru biss bogħod mill-belt kapitali Islamabad.
Jiena  minn dawk il-paroli kollha ma jinteressani xejn.Tinteressani li:
FL-AĦĦAR, WARA KWAŻI 10 SNIN NFITTXUH, SIBNIH U ĦLISNA MILL-IKBAR GĦADU TAL-PUNENT!!
Jinteressani aktar li s-servizzi sigrieti Amerikani ilhom jgħassu u jinvestigaw dak il-bini f'nofs belt fil-Pakistan mill-inqas erba' snin, u għalhekk minn żmien il-President George W Bush u li għalhekk, meritatament żgur li ħaqqu wkoll mertu li d-dinja ħelset minn qattiel tal-massa innoċenti f'din li kienet, u jaqblilna nfhmu, li GĦADHA Gwerra!
Jinteressani aktar ukoll li nkun naf kif is-servizzi sigrieti, l-intelligence Pakistana, f'dawn l-aħħar ħames snin – minn kemm ilu li nbena l-kumpless, compound f'dik il-belt ta' Abbottabad – ma ndumaw b'xejn, jew inkella kienu jafu x'kien qed jiġri, u, b'kumpliċità , jew biżà, ma ħadux passi kontrieh, u kemm allura l-gvern Pakistan huwa ta' min jafdah, u kemm huma ġustifikati l-biljuni kbar, madwar 3.4 Biljun Dollaru fis-sena, li qed jingħata mill-gvern Amerikan.
L-ikbar problema strateġika hija li l-Pakistan għandu l-bomba atomika ...għax kieku ta' min iħallih jaqdef għal rasu issa li ħlisna minn bin Laden. Forsi jitgħallmu kemm hi 'sabiħa' l-ħajja taħt it-Talibani!

Il-Ħadd, 24 ta’ April 2011

Wara Fukuxima u Ċernobil

MIN IBEŻŻA U MIN JIKKONVERTI !
George Monbiot
Waqt li qed infakkru l-25 sena (nhar it-Tlieta li ġejjin 26 tax-xahar) mill-inċident nukleari f'Ċernobil, pajjiż ieħor lejn il-Lvant tagħna, fl-Asja, għadda minn inċident ieħor nukleari, dak f'Fukuxima fil-Ġappun, li għalkemm ftit kellu x'jaqsam ma' dak li ġara fl-Ukrajna (dak iż-żmien maħkuma mill-Unjoni Sovjetika Komunista), xorta ma naqsux u mhux se jonqsu dawk li se jkomplu jwerwru.
Iżda proprju l-inċident f'Fukuxima wassal biex ambjentalista konvint ma baqax jibżà mill-enerġija nukleari, anzi spiċċa jiddikjara li sar jappoġġja din it-teknoloġija.
Dan huwa George Monbiot li, f'intervista ma' Sir David Frost waqt il-programm tiegħu ta' nhar ta' Sibt fuq iċ-channel Aljazeera, wera' l-biżà tiegħu li t-twerwir esaġerat u qarrieqi dwar il-perikli tal-enerġija nukleari jistà iwassal biex minflokha l-pajjiżi jerġgħu jibdew iduru lejn il-faħam u ż-żejt u b'hekk ikabbru l-perikli ambjentali.
L-intervista sħiħa tistgħu tarawha hawnhekk:

IS-SEGRETARJU JGĦID ĦAĠA ... U L-KUMITAT JGĦID OĦRA
Sadanittant is-Segretarju Ġenerali tan-Nazzjonijiet Ban Ki-moon żar is-sit fejn kien hemm l-impjant nukleari f'Ċernobil u qal li kienet "esperjenza li qanqlitni ferm". 
Hu kompla jwissi li l-ħsara riċenti li kawża t-terremot fl-impjant nukleari ta' Fukuxima fil-Ġappun wera li inċidenti bħal dawk ta' Ċernobil jistgħu jerġgħu jiġru fil-futur.
"Il-verità sfortunatament hija li għad nistgħu naraw aktar diżastri simili. Id-dinja assistiet għal storja inkwetanti ta' inċidenti nukleari nkwetanti," filwaqt li sejjaħ għal dibattitu globali dwar is-sigurtà tal-enerġija nukleari.
Ki-moon żeffen fin-nofs it-tibdil fil-klima u qal li l-effetti tiegħu probslli jwassal għal aktar diżastri bħal dak tal-impjant nukleari ta' Ċernobil, li sofra ħsara mit-terremot u t-tsunami f'diżastru li l-Ġappun poġġih fl-istess livell ħruxija ta' Ċernobil.
Tajjeb, iżda  nfakkar f'rapport li ħareġ mill-istess Nazzjonijiet Uniti din is-sena, eżattament mill-United Nations Scientific Committee on the Effects of Atomic Radiation (UNSCEAR) li jgiddeb dan it-twerwir tal-istess segretarju tal-istess NU.
Dan ir-rapport xjentifiku jgħid li d-dożi ta' radjazzjoni mill-fallout ta' Ċernobil kienu inqas minn radjazzjoni normali, u għalhekk baxxa wisq biex tħalli xi effett inkwetanti fuq is-saħħa tal-bniedem.
Barra minhekk Fukuxima ftit għandu x'jaqsam ma' Ċernobil.  Biss biss il-livell ta' radjazzjoni (li wara kollox huwa l-ikbar konsegwenza li inċidenti bħal dawn jistà ikollhom fuq il-bniedem) fil-Ġappun hu biss ta' 10 fil-mija ta' dak li kien ħareġ 25 sena ilu flpUkrajna, u din qed tonqos.
Veru każ li, kif  għidu bil-Malti, l-id ix-xellugija ma tafx x'qed tagħmel dik leminija!

It-Tlieta, 19 ta’ April 2011

Wara l-elezzjoni fil-Finlandja

IKOMPLI JISSAĦĦAĦ IĊ-ĊENTRU-LEMIN FL-EWROPA
Erba' mis-sitt mexxejja tal-partiti taċ-Centru u tal-Lemin
fil-parlament Finlandiż: Jyrki Katainen (it-tieni mil-
lemin) tal-ikbar partit, il-KOK, maġenb Timo Soini tal-
populista PS, flimkien ma' tnejn mill-kapijiet nisa,
Paivi Rasanen tal-KD u Mari Kiviniemi tal-KESK
Aktar popli Ewropej qed ikomplu jurun li m'għandhomx fiduċja fl-alternattivi li jiffru x-Xellugin jew iċ-ċentru-xellugin sabiex jaffrontaw u jsolvu l-problemi fid-diversi pajjiżi fejn qed jivvutaw biex iġeddu jew jibldu l-gvernijiet tagħhom. L-aħħar konferma tasal mill-Iskandinavja, li fl-imgħoddi kienet meqjusa bħala fortizza tax-xellug, tas-Soċjaldemokratiċi, iżda li fi żmienna bidlu għal kollox id-direzzjoni u qed idiru u jkabbru l-appoġġ għall-partiti taċ-ċentru u tal-lemin.
Infatti maġġoranza assoluta ta' 70.7% ta' dawk li vvutaw taw il-voti tagħhom liċ-ĊentruLemin, fejn għall-ewwel darba l-ikbar partit jirriżulta l-Partit tal-Koalizzjoni Nazzjonali (KOK) b'20.4%.
Filwaqt li s-SoċjalistiDemokratiċi (SPD) naqqsu l-voti bi 2.3%,  tilfu tlett siġġijiet u spiċċaw fit-tieni post b'19.1%, fejn leħaqhom l-partit populista tal-lemin Finlandiżi Veri (PS) li kien l-aktar partit li kiseb suċċess kiseb ħames darbiet aktar voti minn erba' snin biex issa għandu 19%.
Il-partit Ċentru Finlandiż (KESK), li kien l-ikbar partit u li l-kap tiegħu kien prim ministru, spiċċa fir-raba' post bi 15.8% (minn 23.1%).
L-erba' partiti l-oħra ma qabżux l-10% tal-voti, u tlieta huma taċ-ĊentruLemini u wieħed l-Alleanza Xellugija bi 8.1% biss.
Għalhekk, minkejja li naqqas in-numru ta' siġġijiet se jkun il-KOK (li hu membru fil-Partit Popolari Ewropew li se jifforma l-gvern, għax m'għandux problema ta' koalizzjoni.
Infatti anki jekk ma jilħqax ftehim mal-Finlandiżi Veri (PS) – minħabba li dawn huma ferm kritiċi tal-Unjoni Ewropea l-Ewro, u ma jaqblux li l-pajjiżi tal-UE ikomplu jgħinu oħrajn f'diffikultà bħall-Portugall u
Spanja – il-kap tal-KOK Jyrki Katainen xorta waħda jistà jgħaqqad il-maġġoranza li għandu bżonn ta' 101minn 200 siġġu fil-parlament, anzi jaqbiżhom, fiklwaqt li x-Xellug bejniethom għandhom biss 56 siġġu.
Wider Two Column Modification courtesy of The Blogger Guide