It-Tlieta, 7 ta’ Ġunju 2011

Portugall: Rebħa oħra għaċ-Ċentru-Lemin

DALWAQT UNJONI EWROPEA KOLLHA BLU
Pedro Passos Coelho
Bir-rebħa fil-Portugall taċ-Ċentru-Lemini Partit SoċjalDemokratiku (PSD) il-Ħadd li għadda, l-Unjomi Ewropea ftit jonqosha biex isir kollha blu.
Filwaqt li l-PSD ta' Pedro P. Coelho kiseb 107 siġġijiet (żjieda ta' 24 siġġu), il-Partit Popolari (li bħall-PSD huwa msieħeb fil-Partit Popolari Ewropew-PPE) żjied tlett siġġijiet għal 24, biex b'hekk issa dawn iż-żewġ partiti għandhom maġġoranza relattiva komda ta' 129 siġġu fil-parlament ta' 230 siġġu (fejn allura maġġoranza assoluta kienet teħtieġ 151). Iżda dawn jistgħu jiżdiedu anki b'4 oħra minħabba li sakemm qed nikteb għad fadal daqstant siġġijiet x'jitqassmu.
Mill-banda l-oħra l-Partit Soċjalista tilef 24 siġġu, għal 73 – jiġifieri kien hemm swing ċara favur iċ-Ċentru-Lemin, filwaqt li telfa oħra kbira sofriha l-partit Komunista-Trozkista Blokk Xellugi li tilef nofs is-siġġijiet biex spiċċa bi tmienja biss.
Partit ieħor xellugi, koalizzjoni bejn dak Komunista u dak tal-Ħodor, prattikament baqa' fejn kien b'7.9% tal-voti u 16-il siġġu.
Dan kollu jfisser li issa l-gvern li se jifforma Coelho jista' jattwa programm ta' awsterità tant meħtieġ biex jirranġa l-bilanċ finanzjarju tal-pajjiż, halli jiżgura mill-għajnuna internazzjonali mwiegħda mill-Unjoni Ewropea u l-Fond Monetarju Internazzjonali.

Ifisser ukoll li l-Unjoni l-Ewropea fadlilha ftit xhur biss biex tkun immexxija minn gvernijiet tac-Ċentru-Lemin,  biex b'hekk il-mappa tal-Unjoni Ewropea ssir kważi kollha blu, għajr xi rqajja żgħar ħomor 'l hemm u 'l hawn.
Infatti fi Spanja (bħalma qed taraw għadha tidher ħamra), r-rebħa tal-Partit Popolari Spanjol ftit jiem ilu fl-elezzjonijiet amministrattivi wriet b iċ-ċar li l-poplu Spanjol qed jistenna bil-ħerqa li tfittex issir l-elezzjoni ġenerali, li trid issir f'inqas minn sena (ġaladarba Zapatero baqa' imkaħħal mas-siġġijiet tal-poter, minkejja dan is-sinjal ċar ta' sfiduċja), ħalli anki l-gvern nazzjonali jsir blu.
Ħarsa lejn l-irqajja li jkun fadal ħomor turina li dawn huma l-Awstrja – fejn fil-fatt hemm dik imsejħa 'Koalizzjoni Kbira' bejn il-Partit Popolari u dak SoċjalDemokratiku b'siġġijiet kważi indaqs (fejn allura suppost il-kulur ikun Aħmar/Blu), is-Slovejna (bħall-Awstrja tmiss ukoll mal-Italja mill-lvant) fejn is-Soċjalisti u l-partit Ċentru-Lemini Demokratiku għandhom l-istess numru ta' siġġijiet, iżda, għal xi raġuni, żewġ partiti liberali żgħar ippreferew jagħtu l-appoġġ lis-Soċjalisti minflok lid-Demoratiċi (msieħba fil-PPE). Iżda hemmhekk mistennija ssir l-elezzjoni s-sena d-dieħla wkoll.
L-aħħar roqgħa ħamra hija okkupata mill-Greċja fix-xlokk tal-Ewropa, fejn sentejn ilu l-elettorat għażel lis-Soċjalisti ta' Papandreus li kompla għakkes il-pajjiz fil-kriżi li kienu daħħluh fiha meta kienu l-aħħar fil-gvern bejn l-1993 u l-2004, u fejn allura se jkollhom jistennew sentejn oħra biex itellgħu lid-Demokrazija Ġdida (Liberali/Konservattiv/Demokristjan)...sakemm ma jerġax jaqa' l-gvern qabel!
Fl-aħħarnett ta'  min jinnota li għalkemm in-Norveġja u l-Isvizzra, qed jikdhru b'kulur caffèlatte, għax, bħall-pajjiżi tal-Baħar Adrijatiku (Kroazja, Bożnja/Herzegovina, Montenegro, Albanija u Serbja) mhumiex msieħba fl-Unjomi Ewropea, dawn kollha (apparti l-Montenegro) għandhom fil-gvern partiti taċ-Ċentru-Lemini, li jfisser li bħall-kumplament tal-popli l-oħra  Ewropej, aktar  jafdaw lil dawn milli lis-Soċjalisti u lix-Xellug imexxu l-pajjiżihom fil-krizi ekonomika finanzjarja li qed tolqot lid-dinja kollha.
Veru dnub kbir li din is-sitwazzjoni mhix riflessa fil-parlament u l-istituzzjonijiet Ewropej – minħabba li l-elettorat Ċentru-Lemini ma jaqdix dmiru fl-istess persentaġġ meta jiġi biex jaħtar ir-rappreżentanti tiegħu fil-Parlament Ewropew.                                           
Kieku l-Unjoni Ewropea hija ħafna aħjar milli hi llum.

No comments:

Post a Comment

Wider Two Column Modification courtesy of The Blogger Guide