BERLUSCONI MHUX BEĦSIEBU JWARRAB
Il-Prim Ministru Taljan Silvio Berlusconi |
Dan għax ir-riżultati, bħalma se naraw aktar ‘l isfel, komplessivament ma jirrappreżentawx xi swing kontra l-gvern jew favur l-oppoiżizzjoni, li prattikament rebħet biss żewġ bliet kapitali ta’ provinċji aktar milli kellha
Filwaqt li ċ-ċentru-xellug rebaħ f’Milan u żamm il-belt ta’ Napli li kien diġa’ jamministra, fi tmiem-il ġimgħa sar it-tieni round tal-elezzjonijiet amministrattivi fi 13-il comuni ewlenin oħra u f’sitt bliet kapitali ta’ provinċji oħra.
F’dawn tal-aħħar, erba’ ntrebħu minn kandidati taċ-ċentru-xellug, u tnejn taċ-ċentru-Lemin.
Meta dawn jingħaddu mar-riżultati ta’ ħmistax ilu, fejn ma kienx hemm bżonn round ieħor, ir-riżultat finali huwa 7 bliet f’idejn iċ-ċentru-xellug u erba’ taċ-ċentru-lemin. Qabel kienu l-istess: 7 u 4 rispettivament.
Mit-13-il comuni disa’ rebħuhom kandidati taċ-ċentru-xellug, u l-erba’ l-oħra taċ-ċentru lemini. Meta dawn jingħaddu mar-riżultati ta’ ħmistax ilu fil-comuni l-oħra, r-riżultat finali huwa 22 comune immexxija miċ-ċentru-xellug u tmienja miċ-ċentru-lemin. Qabel kienu 20 u 10 rispettivament.
B’hekk mill-aħħar elezzjonijiet amministrattivi li saru fl-istess bliet u comuni fl-2006, id-differenza hija ta’ żewġ comuni biss aktar milli kellu ċ-ċentru-xellug, għax filwaqt li ċ-ċentru-xellug rebaħ f’Milan, Novara, Trieste u Cagliari li kienu f’idejn iċ-ċentru-lemin, iċ-ċentru-lemin ħa tlieta liċ-ċentru-xellug: Rovigo, Cosenza u Iglesia.
Dan żgur ma jiġġustifikax li l-gvern jirriżenja bħalma qed jerġgħu jippretendu l-oppożizzjoni.
Aktar u aktar meta f’dawk li huma voti, ħmistax ilu kemm iċ-ċentru-lemin kif ukoll iċ-ċentru-xellug kienu naqqsu l-voti, b’dawn tal-aħħar jonqsu b’14.4% kontra s-6% li naqqas iċ-ċentru-lemin (ara l-post tal-21 ta’ Mejju). Dan juri li dawk li ma marrux jivvutaw fit-tieni round (8% fil-comuni u 15% fil-provinċji inqas minn ħmistax ilu) kienu taċ-ċentru-lemin, li apparentement ma qiesux dan it-tieni round ta’ importanza bħal elezzjoni ġenerali, meta jmorru jivvutaw bi ħġarhom.
Barra minhekk qajla jista’ ikun hemm ftehim fit-tul għal elezzjoni simili bejn qawsalla ta’ partiti ċentru-xellugin bħalma kellu Prodi, u li ma kenitx sadded wisq fil-gvern!
Għalhekk għandu raġun il-Prim Ministru Taljan jinsisti li minkejja r-riżultati f’Milan u f’Napli, m’hemmx alternattiva għal gvern Ċentru-Lemini.
Imma taqra ċerta media internazzjonali, ikkupjata minn dik lokali bħall-pappagalli, taħseb li sar xi terremot politiku fl-Italja, fejn anki waslu biex giddbu li Napli “tilifha” Berlusconi, meta din fil-fatt kienet, u sempliċiment baqgħet f’idejn ix-Xellug!
No comments:
Post a Comment