Is-Sibt, 21 ta’ Mejju 2011

Strauss-Kahn u Berlusconi

IL-PURITANI FALSI U PREĠUDIKATI
Il-każ tal-bankier politiku potenti Franċiż Dominique Strauss-Kahn jidfen fir-ridikolu l-istorja tal-parties fir-residenza tal-Prim Ministru Taljan Silvio Berlusconi, u jikxef il-preġudizzji tal-psewdo puritani ta' żmienna li lesti jqajmu mill-ġdid żmien l-inkwiżizzjoni quddiem 'skandli' sesswali, iżda biss kontra min jidhrilhom huma.
Straus-Kahn jinsab mixli li stupra lil fattiga li daħlet tnaddaflu l-kamra fil-lukanda lussuża fi New York fejn kien qiegħed, u mhux, bħall-Prim Ministru Taljan, li sempliċiment organizza parties privati f'daru, li matulhom ġie allegat li kien ħallas tfajla taħt l-età għas-sess, u li wża s-setgħa tiegħu biex il-pulizija teħles lill-istess tfajla mixlija b'serq – meta diġà sar magħruf li t-tfajla kienet qalet lil kulħadd li kienet għalqet it-18-il sena, li hi qatt ma kellha x'taqsam mal-Prim Ministru, filwaqt li l-uffiċjal tal-pulizija konċernat iddikjarat li qatt ma ħasset xi pressjoni żejda minn naħa tal-PM.
Imma Strauss-Kahn huwa politiku professjonista – mhux bħal Berlusconi. Huwa intellettwali u Soċjalista – mhux bħal Berlusconi.
Dominique Strauss-Kahn
Berlusconi huwa l-oppost ta' Strauss-Kahn. Huwa self made man, outsider għall-politika.
Strauss-Kahn huwa l-essenza, id-distillat tal-Ewropa antika u korrotta jew ikkankrata. Jirrappreżenta l-establishment, protett mill-istess establishment, imħares minn kull xamma ta' skandlu. Il-kapaċità tiegħu minfuħa mill-ħbieb u l-kuntatti politiċi,  hija fittizja, iżda kullimkien onorat u rispettat ...għallinqas sa' qabel faqqa' l-każ ta' New York.
Xorta waħda, però qed jippruvaw jiddefenduħ billi jgħidu li ġie milgħub; li huwa vittma ta' 'komplott politiku' biex ma jibqax theddida għal Sarkozy fl-elezzjoni tas-sena d-dieħla.
Barra minhekk il-każ Strauss-Kahn wera wkoll li d-dnubiet, venjali, privati, huma ħaġa, u li hi tal-mistħija li jinbiblu f'reati f'ġuri inkwiżitorju assurd, u r-reati huma ħaġa aktar serja li f'dan il-każ jixhdu l-arroganza ta' vjolenza sesswali maskilista ta' min jaħseb li kulħadd irid jogħqod għal dak li jippretendi hu bħala dritt għax ħadd ma jistà għalih.
Wieħed, għalhekk, jaqbad u jieħu dak li jrid bil-forza. L-ieħor jinnamra. Wieħed jiddisprezza. L-ieħor ifaħħar, jiksi lis-sess oppost bl-attenzjoni, bil-ġentilizzi u bir-rigali f'serati privati li ma jinteressawx lill-ġustizzja, għax matulhom ma tinkiser l-ebda liġi.
Hemm  jew m'hemmx differenza bejn seduttur u stupratur, nistaqsi lil dawn il-psewdo-puritani li lesti jiftħu l-kanuni kollha kontra l-persuna żbaljata, għax mhix insider, u jaħfru kollox lill-"eroj filosofu" tagħhom.
Is-sabiħa, jew aħjar il-kerha, hija li qabel il-każ ta' New York, dan Strauss-Kahn diġà kien magħrf bħala dak li l-opinjonista Taljan Giuliana Ferrara sejjaħlu "annimal predatorju" fejn jidħlu n-nisa, u kien hemm ħafna x'jingħad, kif qed isir magħruf issa, iżda, għal kuntrarju, fil-każ tiegħu rrenjat l-omertà tal-poter u l-ħbieb, tal-privileġġ, għax "ta' ġewwa".
Dawn l-istess imkejjen u l-media kontrollata minnhom,  kull darba jogħqodu attenti li jirrepetu li "Strauss-Kahn qed jiċħad l-akkużi dwar stupru u aggressjoni bi skop sesswali, waqt li hu determinat li juri l-innoċenza tiegħu". Ara fil-każ tal-Prim Ministru Taljan rari nisimugħa, jekk nisimgħuha, din. Għax għall-istess media, li f'pajjiżna nikkuppjaw bħax-xadini, hu diġà ħati tal-akkuzi kollha li jivvintaw dwaru!

Wara l-Elezzjonijiet Amministrattivi fl-Italja

LA REBBIEĦA U LANQAS TELLIEFA ... GĦALISSA
Minkejja dak li ntqal u nkiteb, mill-elezzjonijiet amministrattivi, lokali li saru fl-Italja l-Ħadd u t-Tnejn li għaddew għad m’hemmx riżultat definittiv, u għalhekk la għad hemm rebbieħa u wisq inqas telliefa definiti, finali.
Tajjeb infakkar li wara l-aħħar elezzjonijiet lokali tal-2006 fil-11-il provinċja fejn kienu vvutaw, iċ-Ċentru-Xellug kien spiċċa b'maġġoranza f’7 provinċji, u ċ-Ċentru-Lemin f’4.
Għal dawk li għandhom x’jaqsmu l-Comuni, fit-30 capoluoghi (jiġifieri bliet fejn hemm miġbura l-amministrazzjoni, l-uffiċji governattivi tal-provinċji) iċ-Ċ-Xellug kien jiggverna f’20 minnhom, bl-għaxra l-oħra f’idejn iċ-Ċ-Lemin. Jiġifieri ċ-Ċ-Xellug kellhom il-maġġoranza kemm fil-Provinċji kif ukoll fil-Comuni.
Issa, mir-riżultati ta’ din il-ġimgħa, f’dawk li huma amministrazzjonijiet, la għad hemm rebbieħa u lanqas telliefa definitivi, għax f’6 mill-11 il-provinċja ħadd ma kiseb 50% tal-voti, u l-istess fi 13 mill-20 Comuni, fejn allura se jkollu jsir it-tieni rawnd fid-29 u 30 tax-xahar, bejn l-aktar żewġ kandidati li ġabu voti.
Meta, iżda, niġu għall-voti li kisbu ż-żewġ naħat insibu li kemm iċ-Ċ-Xellug, kif ukoll iċ-Ċ-Lemin naqqsu l-voti, biċ-Ċ-Xellug l-aktar li tilef voti, tnaqqis ta’ 14.4%, kontra s-6% ‘biss’ inqas li vvutaw liċ-Centro-Destra.
Dawn huma l-fatti (u l-matematika li mhix opinjoni), skond l-analiżi indipendenti li saretr mill-Istituto Cattaneo ta’ Bologna.
Lura għall-provinċji u l-comuni individwali nsibu dan li ġej:
Filwaqt li ċ-Ċ-Lemin ma rnexxielux jerġà itella’ lis-sindku tiegħu f’Milan mal-ewwel rawnd, minħabba li kien hemm l-inqas eletturi li vvutaw mill-medja nazzjonali, u se jkollu jsir it-tieni rawnd, f’Napli kien iċ-Ċ-Xellug li naqas li jerġà jkollu sindku tiegħu, u se jkollu jsir rawnd ieħor hemm ukoll.
L-istess se jsir f’7 comuni oħra li kienu f’idejn iċ-Ċ-Xellug, u f’5 taċ-Ċ-Lemin. Dawn tal-aħħar mbagħad, rebħu f’żewġ comuni li kienu f’idejn iċ-Ċ-Xellug. Iċ-Ċ-Xellug imbagħad ħa 3 comuni li kienu f’idejn iċ-Ċ-Lemin.
F’dawk li huma provinċji se jkollu jsir it-tieni rawnd fi 8 li kienu f’idejn iċ-Ċ-Xellug, u f’ħamsa taċ-Ċ-Lemin, filwaqt li dawn tal-aħħar rebħu f’Campobasso li qabel kien taċ-Ċ-Xellug.
Bir-raġun, għalhekk, li meta rrefera għar-riżultat provviżorju ta’ Milan, Maurizio Lupi, tal-Popolo della Libertà u Aġent-Speaker tal-Kamra tad-Deputati, qal li “tlifna partita, iżda għad nistgħu nirbħu l-kampjonat”.

No comments:

Post a Comment

Wider Two Column Modification courtesy of The Blogger Guide