It-Tnejn, 23 ta’ Mejju 2011

Tkompli tikber il-familja taċ-Ċentru-Lemin fl-U.E.

TKAXKIRA KBIRA LIS-SOĊJALISTI FI SPANJA
Tmiem-il-ġimgħa li għadda għandu jkompli jferraħ u jserraħ moħħ dawk kollha bħalna jistennew b'ħerqa li fl-Unjoni Ewropea, fil-Parlament Ewropew ikun hemm maġġoranza assoluta ta' partiti miċ-Ċentru Lemin fil-pajjiżi individwali, sabiex jkomplu jseħħu r-riformi tant meħtieġa fuq skala Ewropea, ħalli jissewwew l-isbajli li għabbew bihom is-Soċjalisti, ix-Xellugin, fl-ewwel snin tal-Unjoni Ewropea meta huma kienu fil-maġġoranza assoluta.
Infatti f'elezzjonijiet li saru f'żewġ pajjiżi li kienu għadhom dominati mix-Xellug, jiġifieri Spanja u Ċipru, dawn tilfu l-maġġoranza li ilhom igawdu mal-għaxart snin.
Il-Kap tal-Partit Popolari Mariano Rajoy (fin-nofs) jifraħ u jirringrazzja lill-partitarji l-Ħadd bil-lejl
Fi SPANJA s-Soċjalisti sofrew l-ikbar tkaxkira minn kemm fi Spanja ilha teżisti s-sistema demokratika parlamentari.
Infatti fl-elezzjonijiet muniċipali u lokali li saru il-Partit Popolari spiċċa r-rebbieħ assolut fil-biċċa l-kbira fejn l-Ispanjoli kellhom jagħzlu mhux biss il-partit, iżda president ta' reġjuni u kunsilli lokali.
Bħala voti l-Partit Popolari kiseb 37.54% filwaqt li l-Partit Soċjalista kiseb l-agħar riżultat li qatt kellu b'27.79%, differenza ta' kważi 10%!
Dan ifisser illi kieku dawn il-voti kellhom  jissarfu s'siġġijiet fil-parlament nazzjonali l-Partit Popolari jkollu maġġoranza ta' 164 siġġu minn 350, żjieda ta' 10 siġġijiet, u l-Partit Soċjalista 116, tnaqqis ta' 53 siġġu, bil-kumplament lill-partiti reġjonali.
Filwaqt li l-PP se jiggverna f'36 kapitali tal-provinċja, dak Soċjalista rebaħ biss 9.
Minkejja dan kollu l-Prim Ministru Spanjol Zapatero qed jibqà jwebbes rasu jgħid li wara dan il-messaġġ qawwi ta' sfiduċja fil-kapaċità tas-Soċjalisti li jmexxu l-pajjiż fil-kriżi kbira ekonomika-finanzjarja, mhux beħsiebu jwarrab qabel tmiem il-mandat f'Marzu tas-sena d-dieħla.
Il-mexxej tal-Popolari Mariano Rajoy qed jinisisti biex is-Soċjalisti ma jaħlux sena oħra lill-pajjiż u lill-poplu jtawwlu l-kriżi, u jfittxu jirriżenjaw.

IĊ-ĊENTRU-LEMIN JIRBAĦ F'ĊIPRU WKOLL
Minbarra fi Spanja fejn il-Partiti Popolari kiseb maġġoranza assoluta ta’ voti fl-elezzjonijiet lokali li saru l-Ħadd, anki f’Ċipru, fejn  saret l-elezzjoni għall-parlament ġdid, iċ-Centru-Lemin irnexxielu jikseb rebħa storika fuq il-Partit Komunista li kien ilu jiggverna għal dawn l-aħħar għaxar snin.
Il-partit Assemblea Demokratika (DISY, li hu membru fil-Partit Popolari Ewropew) rebaħ 34.27% tal-voti, kontra 32.67% tal-Partit Komunista tal-Ħaddiema (AKEL).
Minkejja din ir-rebħa, minħabba s-sistema elettorali ta’ Ċipru, dan mhux bilfors ifisser li għandu jaqa’, jinbidel il-gvern, għax Ċipru hija repubblika presidenzjali fejn il-President huwa wkoll il-kap tal-gvern, il-prim ministru wkoll.
Għalhekk il-President Demetris Christofias mill-istess partit Komunista jistà jibqà jmexxi bil-gvern tiegħu sal-elezzjoni presidenzjali ta’  Frar tal-2013, għalkemm issa mhux se jkollu aktar il-maġġoranza parlamentari li kien irnexxielu jgħaqqad grazzi għall-appoġġ tal-partit ċentrista Demokratiku (DIKO), u dak Ċentru-Xellugi EDEK, li naqsu l-voti.
Infatti, minkejja li kien fil-gvern id-DIKO kien kritiku ħafna ta’ Christofias, u wara li l-partit naqqas il-voti, ma tkunx ħaġa kbira li ma jibqax japoġġjaħ. Issa f’Ċipru ċ-Ċentru u l-Lemin għandhom bejnithom 50 fil-mija tal-voti.

No comments:

Post a Comment

Wider Two Column Modification courtesy of The Blogger Guide